Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Diċembru 2008 - Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-362/05 u T-363/05)1

("Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Skema ta' għajnuna prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana - Skema ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni - Miżura tranżitorja - Esklużjoni ta' ċerti impriżi - Prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi - Ksur suffiċjentement serju ta' regola tad-dritt li hija intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi - Nuqqas")

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Nuova Agricast Srl (Cerignola, l-Italja); u Cofra Srl (Barletta, l-Italja) (rappreżentant: M.A. Calabrese, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di Bucci u E. Righini, aġenti)

Suġġett    

Talba għall-kumpens tad-danni li r-rikorrenti allegatament sofriet minħabba l-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Lulju 2000 li tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq komuni skema ta' għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja [Għajnuna mill-Istat Nru N 715/99 - l-Italja (SG 2000 D/105754)] u minħabba l-aġir li l-Kummissjoni adottat matul il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Dispożittiv

Il-Kawżi T-362/05 u T-363/05 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Ir-rikorsi huma miċħuda

Nuova Agricast Srl għandha tbati l-ispejjez tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni fil-Kawża T-362/05.

Cofra Srl għandha tbati l-ispejjez tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni fil-Kawża T-363/05.

____________

1 - ĠU C 296, 26.11.2005.