Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Settembru 2008 - EWRIA et. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-369/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Wire Rope Importers Association (EWRIA) (Hemer, il-Ġermanja); Câbleries Namuroises SA (Namur, il-Belġju); Ropenhagen A/S (Vallensbæk Strand, id-Danimarka); Eisen- und Stahlhandelsgesellschaft mbH (Kaarst, il-Ġermanja); Heko Industrieerzeugnisse (Hemer, il-Ġermanja); Interkabel Internationale Seil- und Kabel-Handels GmbH (Solms, il-Ġermanja); Jose Casañ Colomar SA (Valencia, Spanja); Denwire Ltd. (Dudley, ir-Renju Unit) (rappreżentant: T. Lieber, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli ;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2008, li fiha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping fuq il-ħbula ta' l-azzar (steel wire ropes) (SWR) sabiex tiġi rregolata l-portata tal-miżuri u jiġu esklużi l-ħbula għall-użu ġeneriku (general purpose ropes) (GPR) mill-firxa tal-prodotti suġġetti għall-miżuri;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tibda reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-SWR sabiex tiġi aggiustata l-portata tal-miżuri u jiġu esklużi l-GPR mill-portata tal-miżuri;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta' Lulju 2008, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interim parzjali tad-dazju kontra d-dumping impost fuq xi ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t' Isfel, mill-Ukrajna u mir-Federazzjoni Russa2 bil-għan li jiġu esklużi l-ħbula għall-użu ġeneriku (GPR) mill-firxa tal-prodotti suġġetti għall-miżuri. Il-Kummissjoni rrifjutat li tiftaħ ir-reviżjoni interim parzjali minħabba nuqqas ta' provi li juru li ż-żewġ tipi ta' prodotti taħt il-miżuri, il-ħbula tal-azzar u l-ħbula għall-użu ġeneriku, m'għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażi.

Ir-rikorrenti invokaw tliet argumenti in sostenn tat-talbiet tagħhom.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jiftħu reviżjoni interim parzjali jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 11(3) u ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament bażi. Huma jsostnu li l-bdil fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifika reviżjoni interim jista' jirreferi wkoll għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li n-nuqqas tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jiftħu reviżjoni interim parzjali jikkostitwixxi ksur ta' l-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti. Dawn isostnu li l-Kummissjoni stess kienet inkoraġġiet lir-rikorrenti sabiex iressqu talba għal reviżjoni interim parzjali wara li tispiċċa r-reviżjoni ta' l-iskadenza dwar il-ħbula ta' l-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t' Isfel u mill-Ukrajna, sabiex tiġi rregolata l-portata tal-miżuri in kwistjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li billi naqsu milli jiftħu reviżjoni interim l-istituzzjonijiet Komunitarji wetqu żball manifest ta' evalwazzjoni u kisru l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażi meta bbażaw ir-riżultati tagħhom fuq firxa wiesgħa ż-żejjed ta' prodotti li waslithom sabiex jipparagunaw prodotti ta' natura differenti u b'hekk waslu għal riżultati invalidi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999, tat-12 ta' Awwissu 1999, kif emendat mir-Regolament Nru 1858/2005, tat-8 ta' Novembru 2005 li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ħbula ta' l-azzar u kejbils li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel u l-Ukrajna wara reviżjoni ta' l-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 299, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001 tat-2 ta' Awwissu 2001 kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1279/2007 tat-30 ta' Ottubru 2007, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew ta' l-azzar li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa, u li jirrevoka miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew ta' l-azzar li joriġinaw mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU L 285, p.1)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, p. 1)