Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2020 – Junqueras i Vies vs Il-Parlament

(Kawża T-100/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Oriol Junqueras i Vies (Sant Joan de Vilatorrada, Spanja) (rappreżentant: A. Van den Eynde Adroer, abogado)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit ir-rikors kontra l-att ikkuntestat, flimkien mal-annessi tiegħu, tiddikjarah ammissibbli u, fil-mertu tat-talba, tiddikjara null u ineffettiv l-att tal-President tal-Parlament Ewropew ikkuntestat, u tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2019, li tiċħad (b’rinviju għad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Awwissu 2019, ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-734/19, Junqueras i Vies vs Il-Parlament) l-ipproċessar tat-talba ta’ żamma tal-immunità mressqa minn Diana Riba i Giner, membru tal-Parlament Ewropew, in rappreżentanza tal-membru parlamentari tal-Unjoni Ewropea Oriol Junqueras i Vies.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDFUE), tal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-Artikoli 20, 21(1) u (2) u 41(1) u (2) KDFUE, u fuq l-interpretazzjoni neċessarja konformi mal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew.

–    F’dan ir-rigward huwa allegat li d-dħul fis-seħħ tal-KDFUE (u b’mod konkret tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq) bħala dritt primarju tal-Unjoni jikkonferixxi drittijiet suġġettivi awtonomi lill-ewroparlamentari fil-konfront tal-Parlament Ewropew li għandhom jiġu tradotti f’interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew, fis-sens li jeżistu statut Ewropew ta’ żamma tal-immunità tal-ewroparlamentari ugwali u mhux diskriminatorju abbażi tan-nazzjonalità u, tal-inqas, ċerti drittijiet ta’ natura proċedurali li jobbligaw lill-Parlament Ewropew jipproċessa t-talba għaż-żamma tal-immunità bil-garanziji li tali drittijiet jipproteġu.

It-tieni motiv jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019 (C-502/19, Junqueras i Vies) u l-ksur tad-dritt għaż-żamma tal-immunità fis-sens tal-Artikolu 39 KDFUE u tal-Artikolu 9 tal-Protokoll fuq il-privileġġi u fuq l-immunità tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern.

F’dan ir-rigward huwa allegat li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lir-rikorrent l-istatus ta’ membru parlamentari Ewropew, u stabbilixxiet li dan kellu jitlob l-annullament tal-immunità lill-Parlament Ewropew. Ġaladarba ġie rrikonoxxut l-istatus ta’ ewroparlamentari tar-rikorrent anki mill-istess Parlament Ewropew, iċ-ċaħda tal-ipproċessar tat-talba għaż-żamma tal-immunità wasslet, fil-każ odjern, għan-nuqqas ta’ osservanza tas-sentenza u għall-ksur tad-drittijiet ta’ Junqueras bħala deputat tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-artikoli ċċitati.

It-tielet motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-President tal-Parlament sabiex jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà jew le tat-talba għaż-żamma tal-immunità u minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista minnhom.

F’dan ir-rigward huwa allegat in-nuqqas ta’ kompetenza tal-President sabiex jadotta deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għaż-żamma tal-immunità u l-ksur tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista minnhom.

Ir-raba’ motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 39 KDFUE, tal-Artikolu 9 in totum tal-Protokoll fuq il-privileġġi u fuq l-immunità tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew.

–    F’dan ir-rigward huwa allegat li, billi ma ġietx miżmuma l-immunità ta’ Junqueras u billi ma ġiex impost l-ipproċessar quddiem il-Parlament Ewropew ta’ talba għaż-żamma tal-immunità, ġiet miksura s-sistema sħiħa taż-żamma tal-immunità sanċita fl-Artikolu 9 tal-Protokoll fuq il-privileġġi u fuq l-immunità tal-Unjoni Ewropea.

____________