Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2017 – Sharif vs Il-Kunsill

(Kawża T-5/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ammar Sharif (Damascus, is-Sirja) (rappreżentanti: B. Kennelly, QC u J. Pobjoy, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 293, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1893 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 293, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrent;

tiddikjara, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14) u l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1) huma inapplikabbli sakemm huma japplikaw għar-rikorrent, u konsegwentement l-annullament, sakemm japplikaw għar-rikorrent, tad-deċiżjoni kkontestata u tar-regolament ikkontestat;

tindennizza, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE  abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent jiġi kkumpensat għad-danni subiti minħabba l-atti illegali tal-Kunsill; u

tikkundanna l-Kunsill sabiex ibati l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kriterju li jippermetti li r-rikorrent jiġi inkluż fil-lista tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 kien sodisfatt.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjonalità, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà, tar-reputazzjoni tiegħu u tal-impriża tiegħu. L-impatt tal-atti kkontestati fuq ir-rikorrent huwa estensiv ħafna, f’dak li jirrigwarda l-beni tiegħu, ir-reputazzjoni tiegħu fuq il-livell dinji. Il-Kunisll ma ppruvax li l-iffriżar tal-beni u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huwa marbut ma’, jew iġġustifikat minn għan leġittimu, u inqas u inqas li huwa proporzjonat għal tali għan.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li jekk, kuntrarjament għall-argument prinċipali tar-rikorrent, il-kriterju ta’ inklużjoni għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi kwalunkwe imprenditur prinċipali fis-Sirja, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dan l-imprenditur huwa b’xi mod assoċjat jew marbut mar-reġim Sirjan, u indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-persuna kkonċernata tibbenefikax mir-reġim Sirjan jew tappoġġahx, ir-rikorrent jitlob dikjarazzjoni li l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK u l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012 huma inapplikabbli sakemm japplikaw għar-rikorrent abbażi tal-fatt li l-kriterju ta’ inklużjoni huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet leġittimi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

____________