Language of document : ECLI:EU:T:2019:216

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Ħsara għar-reputazzjoni”

Fil-Kawża T-5/17,

Ammar Sharif, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn B. Kennelly, QC, u J. Pobjoy, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou, P. Mahnič u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Havas u J. Norris, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 293, p. 36), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1893 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2016, L 293, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 62), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907 tad-29 ta’ Mejju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 15), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 16), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent, u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE u intiża għad-dikjarazzjoni tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat-12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75), u tal-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat-12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza(1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Ammar Sharif, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana.

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja kollha u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk tal-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, fil-parti l-kbira, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprevedi possibbiltajiet għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi rikonoxxuti li kienu kemm responsabbli mir-repressjoni inkwistjoni, kif ukoll assoċjati mar-responsabbli, li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, hija identika għal dik li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Abbażi tal-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika l-imsemmija miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu, dan għandu jemenda l-Anness II b’mod konsegwenti u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

5        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 56), il-Kunsill ikkunsidra li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273/PESK u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed. Id-Deċiżjoni 2011/782 tipprovdi, fl-Artikolu 18 tagħha, restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fuq it-territorju tal-Unjoni u, fl-Artikolu 19 tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jinsab fl-Anness I.

6        Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1).

7        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU 2012, L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed.

8        Id-Deċiżjoni 2012/739 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14). Id-Deċiżjoni 2013/255 ġiet prorogata sal-1 ta’ Ġunju 2015 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/309/PESK tat-28 ta’ Mejju 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2014, L 160, p. 37).

9        Fit-12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK. Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

10      Skont it-termini tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[i]l-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu” u “l-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu.”

11      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli jipprevedu issa restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fuq it-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” sakemm ma jkunx hemm “biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

12      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2016, L 293, p. 36), il-Kunsill immodifika d-Deċiżjoni 2013/255 sabiex b’mod partikolari japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni għal persuni u entitajiet oħra, li ismijithom żdiedu fuq il-lista li tinsab fl-anness għal din l-aħħar deċiżjoni. Isem ir-rikorrent iddaħħal f’din il-lista fil-linja 212 tat-Tabella A ta’ dan l-anness kif ukoll id-data tal-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista inkwistjoni, f’dan il-każ it-28 ta’ Ottubru 2016, u r-raġunijiet segwenti:

“Negozjant Sirjan ewlieni li jaħdem fis-Sirja, attiv fis-settur bankarju, dak tal-assigurazzjoni u dak tal-ospitalità. Sieħeb fundatur ta’ Byblos Bank Syria, azzjonist ewlieni f’Unlimited Hospitality Ltd, u membru tal-bord ta’ Solidarity Alliance Insurance Company u Al-Aqueelah Takaful Insurance Company.”

13      Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1893 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2016, L 293, p. 25). Isem ir-rikorrent kien jinsab fit-Tabella A ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1897.

14      Fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2013/255 u fir-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2016, C 398, p. 4).

15      Fid-29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/917, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2017, L 139, p. 62). Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2017/917, l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġie emendat sabiex jipprevedi l-proroga tal-miżuri restrittivi previsti fl-anness ta’ din tal-aħħar sal-1 ta’ Ġunju 2018. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2017/917, ġew emendata ħamsa u ħamsin entrata fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni, dwar persuni oħra minbarra r-rikorrent. Fl-aħħar nett, abbażi tal-Artikolu 3 tagħha, id-Deċiżjoni 2017/917 daħlet fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha.

16      Fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/907 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2017, L 139, p. 15). Abbażi tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 ġie emendat, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi li saru għall-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 permezz tad-Deċiżjoni 2017/917. Skont l-Artikolu 2 tiegħu dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni daħal fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu.

17      Fit-28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/778, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2018, L 131, p. 16). Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2018/778, l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġie emendat sabiex jipprevedi l-proroga tal-miżuri restrittivi previsti mill-anness ta’ din tal-aħħar sal-1 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2018/778, ġew emendati erbgħa u tletin entrata fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni, dwar persuni oħra minbarra r-rikorrent. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Deċiżjoni 2018/778 daħlet fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha.

18      Fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/774 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2018, L 131, p. 1). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 ġie emendat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi li saru għall-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 permezz tad-Deċiżjoni 2018/778. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni daħal fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1897 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1893.

20      Fit-3 ta’ April 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ nota fit-22 ta’ Ġunju 2017. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota fit-terminu stabbilit.

22      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati mir-rikorrent, fid-19 ta’ Mejju 2017, u, mill-Kunsill, fis-27 ta’ Ġunju 2017, rispettivament.

23      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrent adatta t-talba bil-għan li jikseb ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2017/917 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907.

24      Fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali talbet, fis-27 ta’ Frar 2018, lill-Kunsill jipproduċi verżjoni leġġibbli ta’ ċerti dokumenti. Dan tal-aħħar irrisponda għat-talba fid-9 ta’ Marzu 2018.

25      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent adatta t-talba bil-għan li jikseb ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2018/778 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/774.

26      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet, fil-15 ta’ Ġunju u tat-28 ta’ Settembru 2018, lill-Kunsill jipproduċi xi dokumenti. Dan tal-aħħar rrisponda għal din it-talba tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju u fit-3 ta’ Ottubru 2018 rispettivament.

27      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1897, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1893, id-Deċiżjoni 2017/917, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907, id-Deċiżjoni 2018/778 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/774 (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”);

–        sussidjarjament, tiddikjara inapplikabbli, abbażi tal-Artikolu 277 u 263 TFUE, l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u l-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1828 sa fejn japplikaw għar-rikorrent;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

28      Fir-rikors, ir-rikorrent għamel talbiet għad-danni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE intiż sabiex kumpens għad-dannu allegatament sostnut wara l-inklużjoni ta’ ismu fl-atti kkontestati. Fil-kontroreplika, ir-rikorrent irrinunzja għal dawn it-talbiet minħabba li ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta provi ddettaljati dwar il-portata tad-dannu sostnut.

29      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, jekk l-atti kkontestati kellhom jiġu annullati f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati f’dak li jikkonċernah sal-iskadenza tat-terminu għall-appell;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

31      Matul is-seduta, il-Kummissjoni irrinunzjat għat-tieni talba tagħha.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tan-noti ta’ adattament tat-talbiet sa fejn jirrigwardaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/774

[omissis]

 Fuq il-mertu

35      Insostenn tar-rikors, fir-rikors, ir-rikorrent invoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni u t-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-dritt tal-proprjetà, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-libertà ta’ impriża u tad-dritt għar-reputazzjoni. Fin-noti ta’ adattament tat-talbiet tiegħu, huwa invoka wkoll it-tielet motiv ibbażat, formalment, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

36      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sa fejn l-argumenti mqajma insostenn tat-tielet motiv invokat fin-noti ta’ adattament tat-talbiet jikkonċernaw fil-verità żball ta’ evalwazzjoni u mhux żball tad-drittijiet proċedurali, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa bbażat fuq tali żball u li ser jiġi eżaminat mal-ewwel motiv.

37      Barra minn hekk, sussidjarjament, ir-rikorrent qajjem ir-raba’ motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, skont liema l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet intiżi mill-atti kkontestati u għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfronti tiegħu.

38      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li jiġi eżaminat, qabel xejn, l-ewwel motiv u t-tielet motiv flimkien, u sussegwentement, it-tieni motiv u, fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent sussidjarjament.

[omissis]

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità

86      Sussidjarjament, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li tikkonċerna l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 u tal-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament 36/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1828, dwar il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”. Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li dan il-kriterju huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet leġittimi intiżi mill-atti kkontestati u għandu, konsegwentement, jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tiegħu, jekk jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jkunu fil-mira “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, indipendentement minn jekk teżistix rabta diretta bejn din il-persuna u r-reġim Sirjan.

87      Abbażi ta’ dan, ir-rikorrent jikkontesta, fl-ewwel lok, il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat. Huwa jsostni li l-estensjoni u l-portata arbitrarja tal-kriterji li jirriżultaw mill-interpretazzjoni li huwa jikkontesta jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-atti kkontestati. Barra minn hekk, huwa jsostni, minn naħa, li l-kriterju li huwa jikkontesta għandu jiġi interpretat skont l-għan u l-finalità tal-miżuri restrittivi u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tan-natura oppressiva tal-miżuri restrittivi u tal-effett devastanti li jipproduċu fuq ir-reputazzjoni u l-attività ekonomika ta’ persuna milquta minn dawn il-miżuri, l-inklużjoni ta’ persuni abbażi ta’ dan il-punt arbitrarju ma tistax tkun iġġustifikata, u inqas u inqas tkun proporzjonata.

88      Ir-rikorrent jenfasizza, fit-tieni lok, li, fir-rigward tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, il-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni jippreżupponi li hemm rabta suffiċjenti bejn in-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” u r-reġim Sirjan. Skont hu, il-Kunsill ma jistax jiġġustifika n-natura arbitrarja ta’ dan il-kriterju billi jikkunsidra li l-persuna milquta mill-miżuri restrittivi hija f’pożizzjoni li tipprova li ma hijiex marbuta mar-reġim Sirjan, peress li dan tal-aħħar ma jistax jintalab jipproduċi l-prova negattiva li dan il-kriterju ma huwiex issodisfatt.

89      Il-Kunsill jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent u jsostni, minn naħa, li l-inklużjoni tal-isem ta’ dan tal-aħħar tirriżulta minn evalwazzjoni individwali tal-prova prodotti u, min-naħa l-oħra, li, skont is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247), huwa għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-preżunzjoni stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2013/255 isserraħ fuq bażi legali u hija proporzjonata u konfutabbli.

90      Għandu jitfakkar, qabel xejn, li, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limitu ta’ dak li huwa adattat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenti li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw preżunzjonijiet li jirriflettu l-possibbiltà għall-amministrazzjoni li għandha l-oneru tal-prova li jiġbdu konklużjonijiet billi jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli ta’ esperjenza komuni li tirriżulta mill-iżvolġiment normali tal-affarijiet (ara, b’analoġija u f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punti 60 sa 63, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:110, punti 87 sa 89).

92      Barra minn hekk, minn mill-ġurisprudenza jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk il-konfutazzjoni tagħha tkun diffiċli, tibqa’ fi ħdan il-limiti aċċettati sakemm tkun proporzjonata għall-iskop leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li titressaq prova kuntrarja u d-drittijiet ta’ difiża jkunu żgurati (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, ma huwiex diżinteressat mill-preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, iżda jeżiġi li l-Istati jirrestrinġuhom f’limiti raġonevoli waqt li titqies il-gravità tal-kwistjoni u jitħarsu d-drittijiet ta’ difiża. (QEDB, 7 ta’ Ottubru 1988, Salabiaku vs Franza, CE:ECHR:1988:1007JUD 001051983).

93      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 1 sa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836 jirriżulta li, peress li l-miżuri restrittivi adottati fid-Deċiżjoni 2011/273 ma ppermettewx li tintemm ir-repressjoni eżerċitata mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, il-Kunsill, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, iddeċieda, fil-kuntest tal-Artikolu 29 TUE, li jżomm dawn il-miżuri restrittivi u li jiżgura l-effettività tagħhom billi jiżviluppahom filwaqt li jżomm l-approċċ immirat u differenzjat li jikkaratterizzah u billi jżomm f’moħħu s-sitwazzjoni umanitarja tal-popolazzjoni Sirjana.

94      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, il-Kunsill ikkunsidra, minn naħa, li r-reġim eżistenti ma kienx f’pożizzjoni li jibqa’ jeżisti mingħajr l-appoġġ tad-diriġenti tal-impriżi u, min-naħa l-oħra, li ċirku ristrett ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” kien f’pożizzjoni li jżomm l-istatus tiegħu biss grazzi għar-rabtiet stretti li għandu mar-reġim Sirjan u għall-appoġġ tiegħu kif ukoll għall-influwenza eżerċitata fi ħdanu. Billi pproċeda b’dan il-mod, kif ġie indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-Kunsill ried japplika preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan fir-rigward tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”.

95      Fil-fatt, kif jipprevedu l-Artikolu 27(2)(a) u l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, il-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” huma minn issa suġġetti għall-miżuri restrittivi adottati minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 27 u 28(3) ta’ din id-deċiżjoni dawn il-persuni ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ dawn il-miżuri restrittivi jekk hemm biżżejjed informazzjoni li huma ma humiex, jew ma għadhomx rabtiet mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

96      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

97      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat huwa neċessarju u xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi mid-Deċiżjoni 2013/255 u mir-Regolament Nru 36/2012, intiż sabiex tiġi fermament ikkundannata u tintemm ir-repressjoni vjolenti eżerċitata minn B. Al-Assad u r-reġim tiegħu kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-metodi ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat ġie stabbilit mill-Kunsill fl-2015 minħabba li, minkejja l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi sabiex jagħmel pressjoni fuq ir-reġim Sirjan matul perijodu ta’ erba’ snin, jiġifieri sa mix-xahar ta’ Mejju 2011, ir-repressjoni kontra l-popolazzjoni Sirjana kompliet. Barra minn hekk, minħabba l-kontroll strett eżerċitat mir-reġim Sirjan, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu għall-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” jipprekludi lil din il-kategorija ta’ persuni milli tkompli tipprovdi appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim Sirjan u, fid-dawl tal-influwenza li teżerċita, iżżid il-pressjoni fuq ir-reġim sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-iffriżar tal-fondi tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” huwa ta’ natura indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata pressjoni fuq ir-reġim Sirjan intiża sabiex tintemm ir-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili jew titnaqqas u huwa, għaldaqstant, neċessarju u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati kontra din il-kategorija ta’ persuni.

98      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna n-natura suffiċjenti tal-kriterju ta’ inklużjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet hekk intiżi, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk l-atti kkontestati ma jkunux jikkonċernaw il-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jista’ jkun f’riskju, peress li din il-kategorija ta’ persuni tikkostitwixxi appoġġ materjali u finanzjarju essenzjali għar-reġim Sirjan. Fil-fatt, l-iffissar tal-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni huwa l-konsegwenza tal-fatt li kompliet ir-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, minkejja l-istituzzjoni ta’ miżuri restrittivi sa mis-sena 2011. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju fid-Deċiżjoni 2015/1836 u fir-Regolament 2015/1828 huwa r-riżultat ta’ evoluzzjoni fil-ġurisprudenza li wasslet lill-Kunsill sabiex jirfina l-kriterji li jippermettu li jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat jidher li huwa suffiċjenti għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

99      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-inkonvenjenti kkawżati għar-rikorrent, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali intiżi mill-Unjoni. Għalhekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja, ikun xi jkun il-kriterju ta’ inklużjoni li abbażi tiegħu hija imposta din il-miżura, għandha, mit-tifsira tagħha stess, effetti li jaffettwaw ċerti drittijiet fundamentali tal-persuna li isimha huwa inkluż fuq il-listi kkonċernati. L-importanza tal-għanijiet li leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi.

100    Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan applikata fil-konfront tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, stabbilita mill-Kunsill, hijiex manifestament sproporzjonata.

101    Abbażi ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat, qabel xejn, li l-Kunsill għandu d-dritt li jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni abbażi tar-regoli ta’ esperjenza komuni mfakkra fil-punti 2 et seq. iktar ’il fuq u tiġbed konsegwenzi ġuridiċi minnhom.

102    F’din il-kawża, fl-iffissar tal-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat, il-Kunsill ikkunsidra, kif ġie indikat fil-punti 56 u 94 iktar ’il fuq, li l-fatt li persuna tkun “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” jimplika l-eżistenza ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

103    Għandu jitfakkar, sussegwentement, li, fost il-preżunzjonijiet legali, għandha ssir distinzjoni bejn dawk li huma konfutabbli u dawk li huma inkonfutabbli. Fil-fatt, preżunzjoni legali hija sempliċi jew konfutabbli meta tkun tista’ tiġi kkontestata bil-prova kuntrarja filwaqt li preżunzjoni hija assoluta jew inkonfutabbli meta ma tkun tista’ tiġi kkontestata bl-ebda prova kuntrarja.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan fil-konfront tal-persuni li jaqgħu fil-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” taqax taħt limiti raġonevoli, jekk tistax jew ma tistax tiġi kkontestata bi prova kuntrarja u jekk id-drittijiet tad-difiża ġewx osservati.

105    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat jekk, fid-dawl, l-ewwel nett, tan-natura awtoritajiet tar-reġim Sirjan, sussegwentement, tar-relazzjoni ta’ interdipendenza li żviluppat bejn il-qasam tal-kummerċ u r-reġim Sirjan minħabba l-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-ekonomija mibdi minn B. Al-Assad, u, fl-aħħar nett, tal-kontroll strett eżerċitat mill-Istat fuq l-ekonomija Sirjana, il-Kunsill setgħax jikkunsidra, ġustament, li jikkostitwixxi regola ta’ esperjenza komuni l-fatt li l-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” ma humiex f’miżura li jżommu l-istatus tagħhom biss grazzi għar-rabtiet stretti mar-reġim Sirjan. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li huwa raġonevoli li jiġi preżunt li persuna li taqa’ taħt din il-kategorija għandha rabta mar-reġim ta’ B. Al-Assad li tippermettilu li jiżviluppa l-kummerċ tiegħu u li jibbenefika mill-politika ta’ dan ir-reġim.

106    Għandu jiġi osservat, fit-tieni lok, kif ġie espost fil-punti 56 u 94 iktar ’il fuq, li l-Kunsill ħoloq preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan fil-konfront tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”. Fil-fatt, ma humiex inklużi l-ismijiet ta’ persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija jekk jiġi stabbilit li dawn tal-aħħar ma humiex, jew ma għadhomx iktar, marbuta mar-reġim eżistenti jew li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ ċirkumvenzjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie espost fil-punt 67 iktar ’il fuq, li r-rikorrent ma pprovda ebda dokument intiż li juri li huwa kien jinsab f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

107    B’hekk, huwa r-rikorrent li kellu, sabiex jikkontesta l-preżunzjoni inkwistjoni, jipprovdi elementi ta’ natura, minn naħa, li tikkontradixxi l-fatt li kien “negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja”, u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi l-prova kuntrarja, jiġifieri li ma kienx jew ma kienx għadu marbut mar-reġim ta’ B. Al-Assad jew li ma kien jeżerċita ebda influwenza fuqu jew li ma kienx assoċjat ma’ riskju reali ta’ ċirkumvenzjoni.

108    Ir-rikorrent, sabiex jipprova l-assenza ta’ rabta tiegħu mar-reġim Sirjan u juri, għalhekk, li l-preżunzjoni ma setgħetx iżżomm u jitneħħa ismu mil-listi inkwistjoni, kellu l-possibbiltà li jippreżenta indizji jew provi li jistgħu jikkuntestaw ir-raġuni miġjuba kontrih, billi jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq fatti u informazzjoni li huwa biss seta’ jkollu u jistabbilixxi li ma kienx jew ma kienx għadu iżjed membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpanniji li jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Kunsill, li ma għandux jew li ma għadx għandu azzjonijiet f’dawn il-kumpanniji, jew li dawn tal-aħħar ma kinux influwenti fl-ekonomija Sirjana u, konsegwentement, li l-parteċipazzjoni tiegħu f’dawn il-kumpanniji ma kinitx tikkostitwixxi riskju ta’ ċirkumvenzjoni.

109    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, il-miżuri bħal dawk inkwistjoni fl-atti kkontestati li għandhom importanza inċidentali fuq id-drittijiet tad-difiża u l-libertajiet tal-persuni inkwistjoni, il-Kunsill għandu jirrispetta d-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-persuni billi jikkomunikalhom ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimhom fuq il-lista inkwistjoni fl-istess ħin jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, u jippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mill-mument ta’ qabel l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni li tikkonċernahom u, b’hekk, jikkonfutaw, jekk ikun il-każ, il-preżunzjoni inkwistjoni, billi jsostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħhom li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punti 61 sa 67). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill, b’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2016, ittrażmetta lir-rikorrent il-provi kif ukoll il-proposta ta’ inklużjoni ppreżentati minn Stat Membru li abbażi tagħhom ismu kien ġie inkluż fuq il-listi annessi għall-atti kkontestati. Il-Kunsill, għalhekk, offra l-possibbiltà lir-rikorrent li jipproduċi l-prova li, minkejja l-eżistenza ta’ indizji serji li daħħlitu fil-kategorija tal-persuni mmirati mill-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni, huwa ma kienx għadu marbut mar-reġim Sirjan. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ġew irrispettati.

110    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li ma huwiex ta’ natura arbitrarja sa fejn il-Kunsill, fid-dawl tal-kuntest espost iktar ’il fuq, introduċa dan il-kriterju fid-Deċiżjoni 2015/1836 u r-Regolament 2015/1828 b’mod ġustifikat u proporzjonat għall-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi kontra s-Sirja filwaqt li tinżamm il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

111    Sussegwentement, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, ikkontestata mill-Kummissjoni.

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

114    F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef u l-Kunsill għamel talba f’dan is-sens, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud

2)      Ammar Sharif għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li hija utli l-pubblikazzjoni tagħhom.