Language of document : ECLI:EU:T:2019:216

Kawża T-5/17

(pubblikazzjoni b’estratti)

Ammar Sharif

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ April 2019

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Ħsara għar-reputazzjoni”

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittiv speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan kontra negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Proporzjonalità – Preżunzjoni konfutabbli – Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, Artikolu 27(2)(a), u (3), u Artikolu 28(2)(a), u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1828, Artikolu 15(1)b u c

(ara l-punti 91-95, 97, 105, 106, 109, 110)

Sunt

Fis-sentenza Sharif vs Il-Kunsill (T-5/17), mogħtija fl-4 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana kontra atti li minħabba fihom dan kien ġie inkluż fil-lista ta’ persuni u entitajiet milquta mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana [jiġifieri, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2016/1897, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1893, id-Deċiżjoni (PESK) 2017/917, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/907, id-Deċiżjoni (PESK) 2018/778 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/774] (1)(2)(3)(4)(5)(6). F’dan ir-rikors, ir-rikorrent kien talab ukoll, sussidjarjament, li jiġu ddikkjarati inapplikabbli fil-konfronti tiegħu d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterju ta’ inklużjoni li jimmira “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” (jiġifieri l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u l-Artikolu 15(1)a tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (7)(8). Ir-rikorrent sostna li l-imsemmi kriterju huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet leġittimi intiżi mill-atti kkontestati sa fejn jippermetti li jintlaqtu in-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” indipendentement minn jekk teżistix rabta bejn din il-persun u r-reġim Sirjan.

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw preżunzjonijiet li jirriflettu l-possibbiltà għall-amministrazzjoni li għandha l-oneru tal-prova li jiġbdu konklużjonijiet billi jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli ta’ esperjenza komuni li tirriżulta mill-iżvolġiment normali tal-affarijiet. Hija qieset, barra minn hekk, li preżunzjoni, anki jekk il-konfutazzjoni tagħha tkun diffiċli, tibqa’ fi ħdan il-limiti aċċettati sakemm tkun proporzjonata għall-iskop leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li titressaq prova kuntrarja u d-drittijiet ta’ difiża jkunu żgurati. Tali preżunzjoni għandha tiġi ristretta f’limiti raġonevoli waqt li titqies il-gravità tal-kwistjoni u jitħarsu d-drittijiet ta’ difiża.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel xejn, li, minħabba l-kontroll strett eżerċitat mir-reġim Sirjan, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu għall-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” jipprekludi lil din il-kategorija ta’ persuni milli tkompli tipprovdi appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim Sirjan u, fid-dawl tal-influwenza li teżerċita, iżżid il-pressjoni fuq ir-reġim sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu. Barra minn hekk, fid-dawl qabel xejn, tan-natura awtoritarja tar-reġim Sirjan, sussegwentement, tar-relazzjoni ta’ interdipendenza li żviluppat bejn il-qasam tal-kummerċ u r-reġim Sirjan minħabba l-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-ekonomija mibdi minn B. Al-Assad, u, fl-aħħar nett, tal-kontroll strett eżerċitat mill-Istat fuq l-ekonomija Sirjana, il-Kunsill seta’ jikkunsidra, ġustament, li jikkostitwixxi regola ta’ esperjenza komuni l-fatt li l-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” ma humiex f’miżura li jżommu l-istatus tagħhom biss grazzi għar-rabtiet stretti mar-reġim Sirjan. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat raġonevoli li jiġi preżunt li persuna li taqa’ taħt din il-kategorija għandha rabta mar-reġim ta’ B. Al-Assad li tippermettilu li jiżviluppa l-kummerċ tiegħu u li jibbenefika mill-politika ta’ dan ir-reġim.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, l-Kunsill ħoloq preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan fil-konfront tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”. Fil-fatt, l-ismijiet ta’ persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija ma humiex inklużi fil-lista ta’ persuni milquta mill-miżuri restrittivi jekk jiġi stabbilit li dawn tal-aħħar ma humiex, jew ma għadhomx iktar, marbuta mar-reġim eżistenti jew li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ ċirkumvenzjoni.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterju ta’ inklużjoni kkontestat huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li ma huwiex ta’ natura arbitrarja sa fejn il-Kunsill introduċa dan il-kriterju fid-Deċiżjoni 2015/1836 u r-Regolament 2015/1828 b’mod ġustifikat u proporzjonat għall-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi kontra s-Sirja filwaqt li tinżamm il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 293, p. 36).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1893 tas-27 ta’ Ottubru 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2016, L 293, p. 25).


3      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 62).


4      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907 tad-29 ta’ Mejju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 15).


5      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 16).


6      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 1).


7      Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat-12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75).


8      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat-12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).