Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2022 – Ismailova vs Il-Kunsill

(Kawża T-234/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Gulbakhor Ismailova (Tachkent, l-Użbekistan) (rappreżentant: J. Grand d’Esnon, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tannulla:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 , sa fejn din tirrigwarda lil G. Ismailova;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 , sa fejn dan jirrigwarda lil G. Ismailova;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 ;

ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 .

sussidjarjament, tannulla:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn din tirrigwarda lil G. Ismailova;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn dan jirrigwarda lil G. Ismailova;

il-paragrafi (f) u (g) tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022;

il-paragrafi (f) u (g) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022.

u f’kull każ tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lill-G.  Ismailova s-somma ta’ EUR 20 000 b’applikazzjoni tal-Artikolu 140 (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali bħala spejjeż li hija kellha ssostni sabiex tiddefendi l-interessi tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-kriterji l-ġodda ddefiniti mill-Kunsill u espressi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/329/PESK tal-25 ta’ Frar 2022 u permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 du Conseil tal-25 ta’ Frar 2022.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjoni tar-rikorrenti sa fejn din hija bbażata fuq kriterji illegali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl-assenza li jiġi pprovat il-kriterju fundamentali ta’ sostenn, min-naħa tal-persuna kkonċernata, għall-gwerra attwali fl-Ukraina.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjoni tar-rikorrenti sa fejn il-Kunsill ma josservax l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-oneru tal-prova tal-Kunsill.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl-assenza ta’ fondatezza tar-raġunijiet imsemmija mill-Kunsill.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-libertà ta’ intrapriża u tal-libertà li tiġi u tmur tar-rikorrenti.

____________

1 ĠU 2022, L 59, p. 1.

1 ĠU 2022, L 58, p. 1.

1 ĠU 2022, L 50, p. 1.

1 ĠU 2022, L 51, p. 1.