Language of document : ECLI:EU:T:2014:912

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika — Rikors għal annullament — Nota ta’ debitu — Natura kuntrattwali tal-kawża — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Spejjeż eliġibbli”

Fil-Kawża T‑29/11,

Technische Universität Dresden, stabbilita fi Dresden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Brüggen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn W. Bogensberger u D. Calciu, sussegwentement minn M. Bogensberger u F. Moro, bħala aġenti, assistiti minn R. Van der Hout u A. Köhle, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tan-nota ta’ debitu Nru 3241011712, maħruġa mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Novembru 2010, għar-rimbors ta’ somma ta’ EUR 55 377.62 mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ għajnuna finanzjarja insostenn ta’ proġett imwettaq skont il-Programm ta’ Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Technische Universität Dresden, hija stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla tad-dritt pubbliku.

2        Fil-21 ta’ April 2004, ir-rikorrenti kkonkludiet mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li kienet qed taġixxi f’isem il-Komunità Ewropea, kuntratt, bir-Referenza 2003114 (SI2.377438) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ finanzjament”), dwar il-finanzjament tal-proġett “Collection of European Data on Lifestyle Health Determinants – Coordinating Party (LiS)” (iktar ’il quddiem il-“proġett”) imwettaq skont il-Programm ta’ Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008). It-tul tal-proġett kien ta’ 24 xahar, mill-15 ta’ April 2004 sal-15 ta’ April 2006.

3        Il-kuntratt ta’ finanzjament kien jipprovdi l-għoti, lir-rikorrenti, ta’ sussidji sa 60 % tal-ispiża totali eliġibbli stmata tal-proġett, sal-limitu massimu ta’ EUR 327 150.

4        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, l-għoti tas-sussidju kienet irregolat mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt, mir-regoli Komunitarji applikabbli u, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan dwar l-għoti ta’ sussidji. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 ta’ dan il-kuntratt, il-benefiċjarji setgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt u għall-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

5        Bejn l-14 ta’ Mejju 2004 u t-13 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni wettqet favur ir-rikorrenti tliet ħlasijiet ta’ ammont totali ta’ EUR 326 555.84. Dan l-ammont kien jikkorrispondi għal 60 % tal-ispiża total iddikjarata tal-proġett, dan tal-aħħar kien jammonta għal EUR 544 259.73.

6        Fis-16 u fis-17 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ verifika finanzjarja.

7        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ verifika lir-rikorrenti. Dan ir-rapport kien jidentifika l-ispejjeż mhux eliġibbli għal ammont totali ta’ EUR 90 829.47. Dan l-ammont kien jikkorrispondi għas-somma ta’ spejjeż tal-persunal (EUR 46 125.66), ta’ provvisti ta’ servizz (EUR 12 918.45), ta’ spejjeż amminstrattivi (EUR 3 030.83) u ta’ spejjeż marbutin ma’ fondi ta’ kontinġenza (EUR 24 341.17), li kienu miżjuda mal‑ispejjeż indiretti meqjusa wkoll bħala ineliġibbli (EUR 4 413.36). Ebda spiża tal-ivvjaġġar ma kienet inkluża, filwaqt li mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi rapport kien jirriżulta li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati ma’ laqgħa organizzata f’Ċipru f’Settembru 2005, għal ammont ta’ EUR 638.04, ma kinux eliġibbli

8        Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ verifika, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti r-rimbors ta’ ammont ta’ EUR 54 497.68, dan l-ammont kien jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għajnuna finanzjarja mħallsa fuq il-bażi tal-ispiża totali ddikjarata mir-rikorrenti u l-parteċipazzjoni finanzjarja massima ffissata, wara l-verifika, għas-somma ta’ EUR 272 058.16. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-konstatazzjonijiet.

9        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti aċċettat li tirrimborsa EUR 24 763.13, ikkontestat ċerti konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika u sottomettiet lill-Kummissjoni dokumenti intiżi li juri l-eliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż meqjusa bħala ineliġibbli fl-imsemmi rapport.

10      Permezz ta’ ittra ta’ informazzjoni minn qabel tat-18 ta’ Frar 2009 (iktar ‘il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni minn qabel”), il-Kummissjoni, qabel analizzat osservazzjonijiet u dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti, ikkalkolat l-ammont ineliġibbli għal EUR 92 296.04. Fl-anness ta’ din l-ittra, hija speċifikat li dan l-ammont kien ikopri, b’mod partikolari, spejjeż tal-persunal (EUR 44 156.76), l-ispejjeż ta’ soġġorn u ta’ trasferiment (EUR 3 083.65) u spejjeż ta’ provvisti ta’ servizz (EUR 13 270.27) u li kien jikkorrispondi għal ammont totali li għandu jiġi rkuprat ta’ EUR 55 377.62.

11      Permezz ta’ ittri tat-13 u tal-31 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti kkontestat dawn il-kunsiderazzjonijiet u ppreżentat dokumenti addizjonali. Hija aċċettat li tirrimborsa biss is-somma ta’ EUR 27 309.29.

12      Permezz ta’ nota ta’ debitu Nru 3241011712, tal-4 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”), innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru ta’ wara, il-Kummissjoni talbet lil din tal-aħħar ir-rimbors ta’ ammont ta’ EUR 55 377.62 qabel l-20 ta’ Diċembru 2010. Ir-rikorrenti rċeviet din in-nota fil-15 ta’ Novembru 2010.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Permezz ta’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fit-terminu stabbilit.

15      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan imbagħad ġie assenjat lit-Tieni Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lilha.

16      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2013, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet inkuża fil-mertu u l-ispejjeż ġew riżervati.

17      Skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li skambju ieħor ta’ noti ma kienx neċessarju, peress li l-kontenut tal-proċess kien suffiċjentement komplet sabiex jippermetti lill-partijiet li jiżviluppaw il-motivi u l-argumenti tagħhom matul il-proċedura orali.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali f’din il-kawża u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu stabbilit.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2014.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla n-nota ta’ debitu;

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, sussidjarjament, tikklassifika mill-ġdid dan ir-rikors bħala rikors ta’ natura kuntrattwali skont l-Artikolu 272 TFUE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Fis-seduta, ir-rikorrenti speċifikat, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, li, fil-każ ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, it-talbiet tagħha kellhom jiġu inklużi fis-sens li hija talbet, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li tiddikjara l-eliġibbiltà tal-ispejjeż għal ammont totali ta’ EUR 48 971.84 li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat qieset bħala ineliġibbli, b’tali mod li d-dejn tal-Kummissjoni relatat ma’ dawn l-ispejjeż huwa infondat.

 Id-dritt

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali u l-ammissibbiltà tar-rikors

23      Il-Kummissjoni teċipixxi l-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament minħabba, essenzjalment, li n-nota ta’ debitu ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Hija ssostni li n-nota ta’ debitu, minn naħa, taqa’ taħt relazzjoni purament kuntrattwali li hija indissoċjabbli minnha u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi att prepatorju għal eventwali proċedura ta’ rkupru u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jagħmel l-għażla tal-bażi legali tar-rikors tiegħu, u mhux l-Imħallef tal-Unjoni Ewropea li personalment jagħżel il-bażi legali l-iktar xierqa (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, Ġabra, EU:C:2005:168, punt 35, u d-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2011, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, T-353/10, Ġabra, EU:T:2011:589, punt 18).

25      F’dan il-każ, ir-rikorrenti espressament ippreżentat talbiet għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, minn naħa, hija titlob espliċitament l-annullament tan-nota ta’ debitu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 263 TFUE jissemma diversi drabi kemm fir-rikors promotur kif ukoll fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

26      Ir-rikorrenti żżid madankollu, fl-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u fis-seduta, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors għal annullament kien ammissibbli, dan ir-rikors jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE li l-Qorti Ġenerali setgħet tieħu konjizzjoni tiegħu skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament.

27      Il-Kummissjoni tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid billi ssostni li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors promotur ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE peress li l-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament ma jistax jiġi kklassifikat bħala klawżola ta’ arbitraġġ.

28      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandha tiġi evalwata, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE qabel jiġi eżaminat, skont il-każ, fit-tieni lok, jekk, fil-każ li r-rikors għal annullament jirriżulta inammissibbli, dan ir-rikors jistax madankollu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 272 TFUE.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE

29      Skont il-ġurisprudenza, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali u li huma indissoċjabbli minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom, fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra, EU:T:2010:240, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mill-elementi tal-proċess jirriżulta li n-nota ta’ debitu taqa’ fil-kuntest tal-kuntratt ta’ finanzjament li jorbot lill-Kummissjoni mar-rikorrenti, sa fejn għandha bħala għan l-irkupru ta’ dejn ibbażat fuq l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt.

31      Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa paċifiku li somma ta’ EUR 326 555.84 tħallset mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ finanzjament. It-tieni nett, lanqas huwa kkontestat li l-Kummissjoni wettqet, kif awtorizzata mill-Artikolu II.19 ta’ dan il-kuntratt, verifika finanzjarja għal dak li jikkonċerna l-proġett, li fi tmiemha hija kkonstatat in-natura ineliġibbli ta’ parti mill-ispejjeż iddikjarati. It-tielet nett, mill-Artikolu II.18.1 tal-imsemmi kuntratt jirriżulta li l-Kummissjoni għandha dritt titlob lir-rikorrenti tirrimborsalha kull somma indebitament imħallsa jew li l-irkupru tagħha huwa ġġustifikat skont dan l-istess kuntratt, dak li hija talbet lir-rikorrenti, meta bagħtet in-nota ta’ debitu, sabiex tirrimborsalha s-somma ta’ EUR 55 377.62. In-nota ta’ debitu ssemmi espliċitament kemm il-kuntratt ta’ finanzjament kif ukoll l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel u tispeċifika li t-talba għal rimbors magħmula wara l-verifika msemmija iktar ’il fuq.

32      In-natura indissoċjabbli tan-nota ta’ debitu mill-kuntest kuntrattwali ma hijiex imqiegħda inkwisjtoni mill-argumenti tar-rikorrenti.

33      Ir-rikorrenti tqis li r-relazzjoni tagħha mal-Kummissjoni ma tistax titqies bħala relazzjoni purament kuntrattwali, peress li l-Kummissjoni ġġib ruħha magħha bħala awtorità pubblika, b’mod partikolari meta toħroġ nota ta’ debitu li tikkonstata dejn flimkien mal-interessi u li għandu formula eżekuttiva, u li r-rikorrenti stess hija msemmija, fil-kuntratt ta’ finanzjament, bħala ”benefiċjarja”. Ir-rikorrenti żżid, waqt is-seduta li, meta editjat in-nota ta’ debitu, il-Kummissjoni ħarġet mill-kuntest kuntrattwali u għamlet użu minn drittijiet eżorbitanti.

34      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

35      Fil-fatt, qabel kollox, ir-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni huma rregolati mill-kuntratt ta’ finanzjament u l-Kummissjoni rriżervat għaliha b’mod espliċitu, fin-nota ta’ debitu, il-possibbiltà li toħroġ sussegwentement deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE. Ukoll, kif dan ġie rrilevat fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkontentat ruħha, permezz tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu, li tinvoka d-drittijiet li hija tislet mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jippermettulha li titlob ir-rimbors, mingħand ir-rikorrenti, ta’ somom indebitament mħallsa. Min-naħa l-oħra, ebda element tal-proċess ma jipprovdi li, billi adottat dan l-att, il-Kummissjoni aġixxiet, fi-rigward tar-rikorrenti, bħala awtorità pubblika.

36      Sussegwentement, in-nomina tar-rikorrenti bħala “benefiċjarja” tas-sussidju lanqas tippermetti li jintwera li r-relazzjonijiet bejnha u l-Kummissjoni huma ta’ natura kuntrattwali u li n-nota ta’ debitu nħarġet mill-Kummissjoni, li kienet qed taġixxi, barra mill-kuntest kuntrattwali, bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel paġna tal-kuntratt ta’ finanzjament, din in-nomina tikkorrispondi għal sempliċi definizzjoni bil-miktub. Fiha huwa pprovdut li l-imsemmi kuntratt huwa konkluż bejn il-Kummissjoni, li qed taġixxi f’isem il-Komunità, u r-rikorrenti, “iktar ’il quddiem imsemmija bħala l-benefiċjarja prinċipali”, kif ukoll il-benefiċjarji assoċjati, innominati mar-rikorrenti bħala l-“benefiċjarji”, sakemm dan il-kuntratt kien konkluż bejn ir-rikorrenti biss u l-Kummissjoni.

37      Fl-aħħar nett, sakemm ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni ssostni li l-Kummissjoni adottat in-nota ta’ debitu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika sabiex tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-att adottat minn istituzzjoni f’kuntest kuntrattwali għandu jitqies bħala separabbli minn dan tal-aħħar meta ġie adottat minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika (ara d-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2011:589, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), dawn l-argumenti ma għandhomx jintlaqgħu. Fil-fatt, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni aġixxiet billi użat il-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 30 u 31 iktar ’il fuq, in-nota ta’ debitu għandha bħala għan uniku li tinvoka d-drittijiet li l-Kummissjoni tislet mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament, b’tali mod li ma jistax jiġi allegat li ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ saħħa pubblika.

38      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, in-nota ta’ debitu tikkostitwixxix att purament preparatorju, li l-imsemmija nota ma tinsabx fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab mill-qrati tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

39      Minn dan isegwi li dan ir-rikors huwa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, inammissibbli.

 Fuq it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan ir-rikors bħala rikors promotur ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE

40      Ir-rikorrenti tqis, madankollu, li dan ir-rikors jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament.

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tikklassifika mill-ġdid dan ir-rikors bħala rikors promotur ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, peress li l-kuntratt ta’ finanzjament ma jinkludi ebda klawżola ta’ arbitraġġ. Hija tqis, essenzjalment, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament sempliċement ifakkar il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi għal annullament. Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, l-imsemmi artikolu jsemmi biss ir-rikorsi tal-“benefiċjarji” u mhux tal-partijiet kontraenti. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu II.18.5 tal-kuntratt ta’ finanzjament.

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-possibbiltà li dan ir-rikors jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors promotur fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament jew rikors għad-danni, filwaqt li fil-verità l-kwistjoni hija ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tikklassifika mill-ġdid ir-rikors, jekk il-kundizzjonijiet għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid huma ssodisfatti (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2001, Lecureur vs Il-Kummissjoni, T‑26/00, Ġabra, EU:T:2001:222, punt 38; digriet tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, Ġabra, EU:T:2004:139, punt 88, u s-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2010:240, punt 57).

43      Min-naħa l-oħra, quddiem kwistjoni ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa impossibbli għaliha li tikklassifika mill-ġdid rikors għal annullament kemm meta l-volontà espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 272 TFUE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kemm meta r-rikors ma huwa bbażat fuq ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn huma klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt (ara s-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2010:240, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors hija possibbli sakemm il-volontà espressa tar-rikorrenti ma tkunx tipprekludiha u li tal-inqas motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregola r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

45      F’dan il-każ, minn naħa, fl-osservazzjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob espressament li dan ir-rikors jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors promotur fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE.

46      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqajjem, insostenn tar-rikors tagħha, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq “ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba evalwazzjoni tal-fatti żbaljata jew ineżistenti” u, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

47      Għalkemm it-tieni motiv huwa esklużivament ibbażat fuq kunsiderazzjonijeit li jaqgħu taħt relazzjoni ta’ dritt amministrattiv u huwa karatteristiku ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens id-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2011:589, punti 36 u 37), madankollu hemm lok li jiġi osservat li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-ineliġibbiltà għall-finanzjament mill-Unjoni ta’ spejjeż tal-persunal, ta’ spejjeż ta’ soġġorn u ta’ trasferiment kif ukoll spejjeż marbutin ma’ provvisti ta’ servizz li hija tqis li sostniet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-proġett. L-eliġibbiltà tal-ispejjeż hija ddefinita fl-Artikolu II.14 tal-kuntratt ta’ finanzjament, stipulazzjoni li r-rikorrenti fakkret fl-espożizzjoni tal-fatti fir-rikors. Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti ma tirreferix espliċitament għall-imsemmi Artikolu II.14 waqt l-espożizzjoni tal-ewwel motiv, l-argument imqajjem insostenn ta’ dan il-motiv tal-aħħar ma jistax jinftiehem mod ieħor ħlief bħala li tqiegħed inkwistjoni, essenzjalment, l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-imsemmija stipulazzjoni. Barra minn hekk, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kkontestatx li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti kienet tikkritikaha li naqset mill-obbligi kuntrattwali tagħha.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, jeħtieġ li dan ir-rikors jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE.

49      Fl-ewwel lok, madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza li tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, fuq kawżi ta’ natura kuntrattwali mressqa quddiemha minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi biss abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Fin-nuqqas tat-tali klawżola, hija tkun qed twessa’ l-ġurisdzzjoni tagħha lil hinn mill-kawżi li huma mogħtija lilha b’mod limitattiv (digriet tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑186/96, Ġabra, EU:T:1997:149, punt 47, u tat-8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il-Kummissjoni, T‑481/08, Ġabra, EU:T:2010:32, punt 58).

50      Il-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni, skont klawżola ta’ arbitraġġ, ta’ kawża li tikkonċerna kuntratt għandha tiġi evalwata, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl biss tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 272 TFUE u tal-istipulazzjonijiet tal-klawżola stess (sentenza tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, Ġabra, EU:C:1992:172, punt 13). Din il-kompetenza hija derogatorja mid-dritt komuni u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata restrittivament (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra, EU:C:1986:501, punt 11). B’hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar kawża kuntrattwali biss fil-każ tal-espressjoni tal-volontà tal-partijiet li jattribwulha din il-kompetenza [ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, GL2006 Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑435/09, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:439, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:1997:149, punt 46].

51      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, kif ikklassifikat mill-ġdid fil-punt 48 iktar ’il fuq, biss meta l-kuntratt ta’ finanzjament jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tikkonferilha kompetenza f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmi kuntratt jinkludix tali klawżola.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-Trattat ma jippreskrivi ebda formulazzjoni partikolari li għandha tintuża fi klawżola ta’ arbitraġġ, peress li kull formulazzjoni li tindika li l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jeskludu l-eventwali kontroversji tagħhom mill-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jissottomettuhom lill-qrati Komunitarji għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti sabiex tagħti kompetenza lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 272 TFUE (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, Ġabra, EU:C:2005:172, punt 50).

53      F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ finanzjament jinkludi Artikolu 1.8, li huwa intitolat “Law applicable and competent court” (Dritt applikabbli u qorti kompetenti). Skont it-tieni paragrafu ta’ din l-istipulazzjoni, “il-benefiċjarji jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet [ta’ dan] il-kuntratt u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu quddiem il-[Qorti Ġenerali] u, fil-każ ta’ appell, quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”.

54      Minn dan isegwi li l-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament isemmi l-Qorti Ġenerali bħala qorti kompetenti fl-ewwel istanza għal kull rikors ippreżentat minn benefiċjarju fis-sens tal-kuntratt ta’ finanzjament (iktar ‘il quddiem il-“benefiċjarju”) (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kuntratt u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu.

55      Ċertament, fid-dawl tal-kliem tagħha, bl-użu tat-termini “benefiċjarji” u “deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, kif ukoll fid-dawl tan-natura mhux reċiproka tal-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, li ma tagħti ebda kompetenza lill-Qorti Ġenerali għal rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt mill-Kummissjoni, ir-redazzjoni ta’ din il-klawżola hija differenti minn dik tal-klawżoli kompromissorji abitwali u tista’ twassal, kif barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan il-fatt fis-seduta, għal konfużjoni inkwantu ma tfakkarx l-istħarriġ legali mwettqa skont ir-rikors għal annullament stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE.

56      Madankollu, minkejja l-ambigwità b’hekk iġġenerata mir-redazzjoni atipika tal-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn il-karatteristiċi ma humiex ta’ natura li jfixklu l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ din il-klawżola bħala klawżola ta’ arbitraġġ.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li t-titolu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, jiġifieri “Law applicable and competent court”, jindika mill-bidu nett li l-għan tal-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu huwa li tissemma l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi li jirrigwardaw l-imsemmi kuntratt.

58      Għalhekk, billi jipprovdi li l-benefiċjarji jistgħu jippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors, fl-ewwel istanza, kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament jagħti lil din il-qorti tal-aħħar, skont l-Artikolu 272 TFUE, kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi tal-benefiċjarji fil-kuntest ta’ kawżi marbutin mal-imsemmi kuntratt.

59      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, ir-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali mill-benefiċjarji li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din l-istipulazzjoni.

60      Għalhekk deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ stipulazzjonijet tal-kuntratt u li huma indissoċjabbli jaqgħu taħt din l-istipulazzjoni, bħan-nota ta’ debitu inkwistjoni f’din il-kawża.

61      Minn naħa, minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi tfakkira tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi għal annullament ippreżentati skont l-Artikolu 263 TFUE.

62      Fil-fatt, minbarra l-fatt li din il-klawżola ma ssemmix l-Artikolu 263 TFUE, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li huma indissoċjabbli minnu ma jidhrux, minħabba n-natura tagħhom stess, fost atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE.

63      Peress li l-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament tkopri, kif jirriżulta mill-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, speċifikament ir-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati kontra deċiżjonijiet jew atti bħala dawk imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni li tipprovdi li t-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament jikkostitwixxi sempliċi tfakkira tar-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE jwassal għal estensjoni, b’kuntratt, tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE u interpretati mill-ġurisprudenza, għalkemm dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ ordni pubbliku (ara d-digriet tal-15 ta’ April 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑517/08 P, EU:C:2010:190, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et vs Il-Parlament, T-219/09 u T-326/09, Ġabra, EU:T:2010:519, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) u ma jistgħux, għalhekk, jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet.

64      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, imur kontra l-formulazzjoni tal-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament li jitqies li l-kamp ta’ din il-klawżola huwa limitat għar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjon fuq il-bażi tal-Artikolu 299 TFUE.

65      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiżdied li d-deċiżjonijeit li jistgħu jittieħdu skont l-Artikolu 299 TFUE huma speċifikament imsemmija mill-Artikolu II.18.5 tal-kuntratt ta’ finanzjament, iċċitat mill-Kummissjoni. Dan jinforma lill-benefiċjarji bil-fatt li r-rimbors ta’ eventwali ħlasijiet indebiti jistgħu jiġu rikjesti fuq il-bażi ta’ deċiżjoni eżekuttiva skont l-Artikolu 299 TFUE u li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Minbarra l-fatt li l-imsemmi Artikolu II.18.5 tal-kuntratt ta’ finanzjament ma jsemmix it-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-istess kuntratt, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx kif l-Artikolu II.18.5 tal-kuntratt ta’ finanzjament jikkonferma l-qari restrittiv tiegħu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-imsemmi kuntratt. Bil-kontra, l-eżistenza ta’ din il-klawżola speċifika, fl-Artikolu II.18.5 ta’ dan il-kuntratt, dwar l-atti eżekuttivi, tikkonferma, a contrario, li l-kunċett ta’ “deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt” li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-istess kuntratt ma jirreferix għal atti eżekuttivi li jistgħu jiġi ddissoċjati mir-relazzjoni kuntrattwali.

66      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-termonoloġija użata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament u, b’mod iktar partikolari, tat-termini “deċiżjoni” u “benefiċjarju”, kif ukoll tan-natura unilaterali tal-klawżola li tinstab fl-imsemmi artikolu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, kull formulazzjoni li tindika li l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jeskludu l-eventwali kontroversji tagħhom mill-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jissottomettuhom lill-qrati Komunitarji għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti sabiex tagħti kompentenza lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 272 TFUE. Għalhekk, kuntrarjament għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ir-redazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament ma jfixkilx il-klassifikazzjoni tagħha bħala klawżola ta’ arbitraġġ.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li dan ir-rikors għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq dan ir-rikors skont l-Artikolu 272 TFUE u l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament.

 Fuq il-fondatezza tar-rikors

68      Insostenn tar-rikors tagħha, kif ikklassifikat mill-ġdid, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq evalwazzjoni żbaljati tal-fatti bi ksur tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament u, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti bi ksur tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament.

69      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qieset ċerti spejjeż, ta’ ammont totali ta’ EUR 48 971.84, bħala ineliġibbli. L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-ispejjeż tal-persunal li jammontaw għal EUR 44 156.76, it-tieni nett, l-ispejjeż ta’ soġġorn u ta’ trasferiment li jammontaw għal EUR 638.04 u EUR 1 354.08 rispettivament u, it-tielet nett, l-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz li jammontaw għal EUR 2 822.96.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv. Hija tqis, b’mod partikolari, li hija kellha dritt li teżiġi min-naħa tar-rikorrenti r-rimbors ta’ ammont totali EUR 55 490.39.

–       Osservazzjonijiet preliminari

71      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tissussidja spejjeż biss effettivament minfuqa. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita rwol ta’ stħarriġ, il-benefiċjarji ta’ għajnuna bħal din għandhom juru li l-ispejjeż relatati mal-proġetti ssussidjati huma reali, peress li l-għoti ta’ informazzjoni affidabbli minn dawn il-benefiċjarji huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll u ta’ prova stabbilita sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna humiex issodisfati. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li jintwera li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Minbarra dan, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti jikkostitwixxu wkoll wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minn dan il-fatt, jikkundizzjona l-għoti tal-għajnuna finanzjarja (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T‑500/04, Ġabra, EU:T:2007:146, punt 94; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra, EU:C:2006:44, punti 69, 76, 78, 86 u 97).

72      Peress li l-għoti ta’ sussidju huwa, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament, irregolat mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali, mir-regoli ta’ dritt Komunitarju applikabbli u, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan dwar l-għoti ta’ sussidji, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju mfakkar fil-punt 71 iktar ’il fuq huwa rifless fl-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt dwar il-modalitajiet ta’ għoti għall-finanzjament. Għalhekk, b’mod partikolari, mill-Artikoli I.4.2 sa I.4.5, I.5 u II.15.2 sa II.15.4 tal-imsemmi kuntratt jirriżulta li r-rikorrenti għandha l-obbligu li tippreżenta lill-Kummissjoni, fi stadji differenti tal-proġett, tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż eliġibbli effettivament sostnuti, il-Kummissjoni tista’, skont il-każ, titlob il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti addizjonali. Huwa fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu II.15.4 tal-kuntratt ta’ finanzjament, inkluż b’mod partikolari d-dikjarazzjoni finali tal-ispejjeż eliġibbli effettivament sostnuti, li l-Kummissjoni tiddetermina, skont l-Artikolu II.17 ta’ dan il-kuntratt u bħala ħsara għall-informazzjoni sussegwentement riċevuta fil-kuntest ta’ verifika mwettqa skont l-Artikolu II.19 tal-istess kuntratt, l-ammont definittiv tas-sussidju.

73      F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi rrilevat li, għal dak li jikkonċerna l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż, l-Artikolu II.14.1 tal-kuntratt ta’ finanzjament jipprovdi s-segwenti:

“Sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli tal-azzjoni, l-ispejjeż għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin:

–        ikunu marbuta mal-għan tal-kuntratt u jkunu previsti fl-estimi tal-baġit li jkun anness miegħu;

–        ikunu neċessarji għat-twettiq tal-azzjoni li tkun l-għan tal-kuntratt;

–        ikunu raġonevoli u ġġustifikati u jissodisfaw il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda, b’mod partikolari f’termini ta’ ekonomija u l-użu effikaċi tal-fondi;

–        ikunu ġġenerati matul it-tul tal-azzjoni kif iddefinit fl-Artikolu I.2.2 tal-kuntratt;

–        ikunu effettivament sostnuti mill-benefiċjarji, ikunu rreġistrati fil-kontijiet tagħhom skont il-prinċipji ta’ kontijiet li jkunu applikabbli għalihom u jkunu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet preskritti mil-liġijiet fiskali u soċjali applikabbli;

–        ikunu identifikabbli u jistgħu jiġu vverifikati.

Il-proċeduri ta’ kontabbiltà u ta’ stħarriġ intern tal-benefiċjarji għandhom jippermettu korrispondenza diretta bejn, minn naħa, l-ispejjeż u d-dħul iddikjarati abbażi tal-azzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet u d-dokumenti ta’ sostenn relatati magħhom.”

74      Barra minn hekk, l-Artikolu II.14.2 tal-kuntratt ta’ finanzjament jiddefinixxi l-ispejjeż diretti eliġibbli f’dawn it-termini:

“L-ispejjeż diretti eliġibbli tal-azzjoni u l-ispejjeż li, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ddefiniti fl-Artikolu II.14.1, jistgħu jiġu identifikati bħala li huma spejjeż speċifiċi tal-azzjoni direttament marbutin mat-twettiq tagħha u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ imputazzjoni diretta. L-ispejjeż diretti s-segwenti huma b’mod partikolari eliġibbili, sakemm jissodisfaw il-kriterji ddefiniti fil-paragrafu preċedenti:

–        L-ispejjeż tal-persunal relatati mal-azzjoni, li jikkorrispondu għas-salarji reali flimkien mal-kontribuzzjonijiet soċjali u spejjeż legali oħrajn li jaqgħu taħt ir-remunerazzjoni, sakemm ma jeċċedux ir-rati medji li jikkorrispondu għall-prattiki normali tal-benefiċjarji fil-qasam ta’ remunerazzjonijiet.

–        L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn tal-persunal li jipparteċipa għall-azzjoni sakemm jikkorrispondu għall-prattiki normali tal-benefiċjarji fil-qasam ta’ spejjeż ta’ trasferiment, jew ma jeċċedux il-livelli approvati annwalment mill-Kummissjoni;

–        […]”

75      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-mertu tal-ewwel ilment.

–       Fuq l-ispejjeż tal-persunal

76      L-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-ispejjeż tal-persunal li jikkonċernaw, minn naħa, C. S. u J. S. (EUR 44 100) u, min-naħa l-oħra, H. (EUR 56.76).

77      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal li jikkonċernaw C. S. u J. S., ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni qisithom b’mod żbaljat bħala ineliġibbli. Hija tqis, essenzjalment, li pprovat il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kollaboraturi fil-proġett permezz tal-komunikazzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħhom, tal-previżjonijiet tax-xogħlijiet tagħha, tas-supplimenti għall-“Final Technical Implementation Report” (Rapport finali ta’ eżekuzzjoni teknika) u tax-xogħlijiet ta’ sostenn għall-preżentazzjonijiet, li hija bagħtet lill-Kummissjoni wara r-rapport ta’ verifika u li hija hemżet ukoll mar-rikors tagħha.

78      Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

79      Għandu jiġi rrilevat li la l-argumenti mqajma mir-rikorrenti u lanqas id-dokumenti prodotti minnha ma huma ta’ natura li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ C. S. u J. S. għall-proġett.

80      L-ewwel nett, il-pubblikazzjonijiet kollha ta’ C. S. u J. S. mibgħuta mir-rikorrenti kienu datati 2008. Għalkemm, skont l-Artikolu I.1.4 tal-kuntratt ta’ finanzjament, il-proġett kien jiddekorri mill-15 ta’ April 2004 sal-15 ta’ April 2006 u li, skont l-Artikolu II.14.1 ta’ dan il-kuntratt, l-ispejjeż eliġibbli kienu ġġenerati matul it-tul tal-eżistenza tal-proġett, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilietx li x-xogħlijiet ta’ preparazzjoni ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet kienu twettqu matul il-perijodu ta’ twettiq tal-imsemmi proġett. Barra minn hekk, minn dawn il-pubblikazzjonijiet ma jirriżultax li, kif issostni r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni tagħhom iddewmet minħabba s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-awturi mill-parti tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, huwa espliċitament speċifikat fuq l-ewwel pubblikazzjoni li din ġiet sottomessa għal pubblikazzjoni fit-8 ta’ Frar 2008, aċċettata fl-10 ta’ April 2008 u ppubblikata fis-6 ta’ Mejju tal-istess sena. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet oħrajn tal-istess awturi, annessi mar-rikors, għandu jiġi rrilevat li huma ma jinkludu ebda indikazzjoni rigward id-data ta’ sottomissjoni għal pubblikazzjoni, filwaqt li l-uniku riferimenti għad-data ta’ pubblikazzjoni, fl-2008, hija insuffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-imsemmija pubblikazzjonijiet kienu ġew ippreparati matul it-tul tal-eżistenza tal-proġett.

81      It-tieni nett, minn naħa, kif tiddikjara ġustament il-Kummissjoni, il-previżjonijiet tax-xogħlijiet ta’ C. S. u J. S. ġew stabbiliti fit-8 ta’ Frar 2008, jew data wara li ntemm il-proġett. Madankollu, għalkemm il-fatt, imressaq mir-rikorrenti, li l-provi tal-parteċipazzjoni tal-imsemmija kollaboraturi ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti fir-rapport ta’ verifika jippermetti ċertamement li tiġi ġġustifikata t-trażmissjoni ta’ provi ġoddi wara t-tmiem tal-proġett, ma huwiex madankollu ta’ natura li jiġġustifika, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-istabbiliment tagħhom a posteriori, sentejn wara l-imsemmi tmiem. Min-naħa l-oħra, dawn il-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet sempliċement jirriproduċu l-lista ta’ pubblikazzjonijiet imsemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, filwaqt li jżidu li C. S. u J. S. kienu pparteċipaw għall-proġett bħala esperti. Barra l-fatt, li kien ġie kkonstatat fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-preparazzjoni ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet matul it-tul tal-eżistenza tal-proġett ma kinitx ġiet stabbilita, peress li tali lista u r-riferiment tal-parteċipazzjoni ta’ C. S. u J. S. bħala esperti huma, minħabba l-ġeneralità tagħhom u fin-nuqqas ta’ kull preċiżjoni rigward il-mod kif dawn il-persuni pparteċipaw għall-proġett kif ukoll kull prova konkreta ta’ din il-parteċipazzjoni, insuffiċjenti.

82      It-tielet nett, is-supplimenti għall-“ Final Technical Implementation Report” ġew iffirmati fl-24 u fil-25 ta’ Marzu 2009 rispettivament. Dawn id-dokumenti sempliċement jipprovdu, essenzjalment, it-tliet indikazzjonijiet li ġejjin. Qabel kollox, C. S. u J. S. kienu involuti fit-twettiq tal-proġett bħala esperti, bil-ftehim li jkun “ovvjament impossibbli” li jitwettaq proġett fuq skala kbira Ewropea, bħala l-proġett, mingħajr il-benefiċċju ta’ kompetenza xjentifika fl-oqsma tal-mediċina interna, tal-farmakoloġija kif ukoll tan-nutrizzjoni klinika. Sussegwentement, C. S. u J. S. kienu involuti fil-preparazzjoni tax-xogħlijiet, fosthom b’mod partikolari l-pubblikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, C. S. u J. S. kienu pprovdew konsulenza waqt id-diskussjonijiet. Skont dawn iż-żewġ indikazzjonijiet tal-aħħar, dawn id-dokumenti jirreferu għal paġni differenti tal-“Interim Technical Implementation Report” (Rapport intermedjarju ta’ eżekuzzjoni teknika) u tal-“Final Technical Implementation Report”.

83      Minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punt 81 iktar ’il fuq, dawn l-indikazzjonijiet ġenerali u sussegwentement għat-tmien tal-proġett huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni effettiva ta’ C. S. u J. S. fl-imsemmi proġett. Min-naħa l-oħra, peress li dawn id-dokumenti addizzjonali jirreferu għaż-żewġ rapporti msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li dawn ir-rapporti ma jinsabux fil-proċess ta’ din il-kawża, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

84      Ir-raba’ nett, id-dokumenti kkomunikati mir-rikorrenti dwar “xogħlijiet ta’ sostenn għall-preżentazzjonijiet” imwettqa minn C. S. u J. S. ma jinkludu ebda riferiment għal dawn il-persuni u ma humiex għalhekk ta’ natura li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-proġett.

85      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li la C. S. u lanqas J. S. ma pparteċipaw għal-laqgħa li r-rikorrenti organizzat, fil-kuntest tal-proġett, f’Settembru 2005 f’Ċipru.

86      Minn dan isegwi li, peress li r-rikorrenti baqgħet ma stabbilietx il-parteċipazzjoni effettiva ta’ C. S. u J. S. fil-proġett, l-ispejjeż tal-persunal għandhom jitqiesu bħala ineliġibbli.

87      Barra minn hekk, peress li l-oġġezzjonijiet u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ittri tagħhom tat-13 u tal-31 ta’ Marzu 2009 indirizzati lill-Kummissjoni ġew irrepetuti quddiem il-Qorti Ġenerali u esklużi fil-punti 80 sa 84 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni n-natura ineliġibbli tal-ispejjeż tal-persunal li jikkonċernaw C. S. u J. S.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tneħħi, waqt il-kalkolu tal-ammont totali ineliġibbli, in-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal, ta’ ammont ta’ EUR 56.76, li jikkonċernaw H.

89      Il-Kummissjoni tirrispondi li għalkemm l-ispejjeż tal-persunal li jirrigwardaw H tqiesu bħala ineliġibbli, għandu, min-naħa l-oħra jiżdied ammont ta’ EUR 2 025.67 għat-total tal-ispejjeż tal-persunal mhux eliġibbli. Dan l-ammont tal-aħħar, ikkonstatat fir-rapport ta’ verifika, ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti, peress li l-ammont totali ta’ EUR 44 156.76 iffissat fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel ma kienx eżawrjenti.

90      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u l-Kummissjoni jaqblu rigward il-fatt li l-ispejjeż tal-persunal li jikkonċeraw H, ta’ ammont EUR 56.76, huma eliġibbli.

91      It-tieni nett, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-ammont totali ta’ EUR 44 156.76 iffissat fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel ma kienx eżawrjenti huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki fil-każ li l-Kummissjoni kellha d-dritt li titlob ir-rimbors ta’ ammont ta’ spejjeż tal-persunal ogħla minn dak li jidher fin-nota ta’ debitu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni li tipprovdi li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset spejjeż oħrajn, jiġifieri l-ispejjeż tal-persunal li jikkonċernaw H. bħala ineliġibbli.

92      Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-ispejjeż tal-persunal li jikkonċernaw H. u l-kumplament għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ispejjeż ta’ soġġorn u ta’ trasferiment

93      Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura ineliġibbli, minn naħa, tal-ispejjeż ta’ soġġorn u ta’ ammont ta’ EUR 638.04 u, min-naħa l-oħra, tal-ispejjeż ta’ transferiment li jammontaw għal EUR 1 354.08.

94      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li pprovat l-ispejjeż ta’ soġġorn ta’ 20 parteċipant għal-laqgħa f’Ċipru. Għalhekk, il-Kummissjoni, li kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi mressqa minnha, żbaljat meta qieset li l-ispejjeż ta’ soġġorn ta’ ammont ta’ EUR 638.04 ma kinux eliġibbli. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq diversi dokumenti annessi mar-rikors tagħha.

95      Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

96      Mir-rapport ta’ verifika jirriżulta li r-rikorrenti ddikjarat spejjeż ta’ soġġorn ta’ ammont totali ta’ EUR 9 598.04. Il-Kummissjoni qieset, abbażi ta’ data li tirrigwarda l-vjaġġi bl-ajrupran, li 14-il persuna għaddew, it-total, ta’ 56-il ġurnata f’Ċipru. Billi dan in-numru ta’ ġranet jiġi mmultiplikat bir-rata ta’ kuljum għal Ċipru (EUR 160), hija qieset li ammont ta’ EUR 8 960 kien eliġibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, kemm fir-rapport ta’ verifika kif ukoll fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel, li d-differenza bejn dawn l-ammonti (EUR 638.04) ma kinitx eliġibbli.

97      Skont il-ħames inċiż tal-Artikolu II.14.1 tal-kuntratt ta’ finanzjament, spejjeż għandhom, b’mod partikolari, ikunu ġew effettivament sostnuti mill-benefiċjarju sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw bħala eliġibbli.

98      L-ewwel nett, il-lista ta’ parteċipanti rreġistrati għal-laqgħa f’Ċipru, li ssemmi l-isem ta’ 20 persuna, ma hijiex suffiċjenti la sabiex jiġi stabbilit li dawn il-persuni kollha effettivament ipparteċipaw għal din il-laqgħu, u lanqas, a fortiori, sabiex jiġi stabbilit li l-ispejjeż tas-soġġorn tagħhom kienu ġew effettivament sostnuti mir-rikorrenti. Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li, minn naħa, kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni, il-kopja tal-lista mibgħuta mir-rikorrenti tinkludi hija stess dikjarazzjoni bil-miktub li minnha jirriżulta li erba’ persuni ma bagħtux talba għal rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tindika li “[l]-ispejjeż ta’ soġġorn għal din il-laqgħa jinkludu wkoll persuni li ma attendewx għal-laqgħa”.

99      It-tieni nett, fir-rigward taż-żewġ dokumenti l-oħrajn ipprovduti mir-rikorrenti, li jiġġustifikaw it-teħid ta’ responsabbiltà, minnha, ta’ spejjeż ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sala għal laqgħa kif ukoll l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tal-Professur K, li jammontaw għal EUR 1 010 u ta’ EUR 1 843.96 rispettivament, għandu jiġi osservat li, kif issostni l-Kummissjoni, dawn il-ġustifikattivi ma humiex ta’ natura li jiġi stabbilit in-numru ta’ parteċipanti reali għal-laqgħa f’Ċipru. Barra minn hekk, mill-argumenti tar-rikorrenti ma jirriżultax li din titlob, f’dan il-mument, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tas-sala għal laqgħa u tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni bħala spejjeż eliġibbli.

100    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita n-natura eliġibbli tal-ispejjeż ta’ soġġorn li jammontaw għal EUR 638.04. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u provi ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2009 għandu jiġu miċħud għall-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq.

101    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li stabbilit in-natura eliġibbli tal-ispejjeż ta’ transferiment li jammontaw għal EUR 1 354.08 billi pproduċiet il-biljett ta’ imbarkazzjoni ta’ erba’ kollaboraturi.

102    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li din irrikonoxxiet in-natura eliġibbli tal-ispejjeż ta’ trasferiment li jammontaw għal EUR 1 354.08, kif ukoll hija barra minn hekk ikkonfermatu espliċitament b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta.

103    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-ispejjeż ta’ trasferiment u l-kumplament jiġi miċħud.

–       Fuq l-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz

104    Rigward l-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-ispejjeż ta’ stampar tal-artiklu “Public Health responses to extreme weather events” (Intervenzjonijiet ta’ saħħa pubblika fil-każ ta’ fenenomini meteoroloġiċi estremi”, iktar ’il quddiem l-“artiklu ‘Public Health responses’”) ma kinux iffinanzjati mill-Organizzazzjoni Mondjali tas-Saħħa (OMS) li jammontaw għal EUR 3 522.86, kif jirriżulta mill-estratt tal-kont li hija pproduċiet, b’tali mod li l-bqija tas-somma ta’ EUR 2 471.14 hija eliġibbli. Min-naħa l-oħra, il-kalkolu, mill-Kummissjoni, tal-ispejjeż mhux eliġibbli hija żbaljata, peress li l-ammont inizjalment iffissat għal EUR 12 918.45 fir-rapport ta’ verifika kien ikkalkolat, fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel, għal EUR 13 270.27, mingħajr ma kienet spjegata din iż-żieda.

105    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz huma ineliġibbli jammontaw għal EUR 12 918.45, inkluż l-ammont ta’ EUR 2 471.14, li r-rikorrenti tqis bħala eliġibbli, peress li dan l-ammont huwa inkomprensibbli u insuffiċjentement stabbilit.

106    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-differenza bejn l-ammonti ineliġibbli għal provvisti ta’ servizz identifikati fir-rapport ta’ verifika (EUR 12 918.45) u fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel (EUR 13 270.27), għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, tibbaża l-argument tagħha fuq ammont totali ineliġibbli tal-imsemmija spejjeż ta’ EUR 12 918.45. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tammetti, kif hija barra minn hekk ikkonfermat b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li d-differenza bejn iż-żewġ ammonti, jiġifieri EUR 351.82, hija eliġibbli.

107    Għalhekk, l-argument imqajjem f’dan ir-rigward mir-rikorrenti għandu jintlaqa’ u għandha tiġi kkonstatata l-eliġibbiltà, għall-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizzi, ta’ ammont ta’ EUR 351.82.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ stampar tal-artiklu “Public Health responses”, għandu jiġi rrilevat li l-elementi tal-proċess ta’ din il-kawża, jiġifieri l-ftehim konkluż mir-rikorrenti mal-OMS għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li jirrigwardaw l-imsemmi artikoli u estratt ta’ kont li jattesta r-riċezzjoni, mir-rikorrenti, ta’ somma ta’ EUR 3 522.86 euros, ma humiex tali li jistabbilixxu n-natura eliġibbli tal-ammont ta’ EUR 2 471.14.

109    Fil-fatt, dawn id-dokumenti jippermettu biss li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha, skont il-ftehim li hija kienet ikkonkludiet mal-OMS għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li jirrigwardaw l-artikolu, b’mod partikolari, tirrediġi l-artikolu “Public Health responses” u tissottomettih lill-European Journal of Public Health (Il-Ġurnal Ewropew tas-Saħħa Pubblika) u li hija rċeviet is-somma ta’ EUR 3 522.86 mill-OMS. Min-naħa l-oħra, dawn id-dokumenti ma jippermettux li jiġi stabbilit la l-mod kif din is-somma ntużat u lanqas il-fatt li l-kumplament tal-ispejjeż kienu ġew effettivament sostnuti mir-rikorrenti.

110    Skont l-Artikolu II.14.1 tal-kuntratt ta’ finanzjament, l-ispejjeż għandhom mhux biss ikunu effettivament sostnuti mill-benefiċjarju, iżda wkoll, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ikunu identifikabbli u jistgħu jiġu vverifikati sabiex ikunu eliġibbli.

111    Barra minn hekk, skont din l-istess stipulazzjoni, l-ispejjeż għandhom ikunu marbuta mal-għan tal-kuntratt ta’ finanzjament sabiex ikunu eliġibbli. Mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma jirriżultax li r-redazzjoni tal-artikolu “Public Health responses” kienet effettivament inkluża fil-proġett iffinanzjat mill-imsemmi kuntratt.

112    Minn dan isegwi, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz, ammont ta’ EUR 351.82 għandu jiġi ddikjarat eliġibbli u l-kumplament tal-ilment imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti wriet, fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-eliġibbiltà ta’ ammont totali ta’ EUR 1 762.66, peress li dan l-ammont jikkorrispondi għas-somma ta’ spejjeż tal-persunal għal H. (EUR 56.76), ta’ ċerti spejjeż ta’ trasferiment (EUR 1 354.08) u ta’ ċerti spejjeż ta’ provvisti ta’ servizz (EUR 351.82).

114    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li hija kellha d-dritt li teżiġi min-naħa tar-rikorrenti r-rimbors ta’ ammont totali ta’ EUR 55 490.39, jiġifieri ammont iktar għoli minn dak mitlub fin-nota ta’ debitu.

115    Fil-fatt, dan l-argument huwa ineffettiv għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punt 91 iktar ’il fuq.

116    Barra minn hekk, anki fil-każ li, permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel lill-Qorti Ġenerali kontrotalba u li l-Qorti Ġenerali tkun, minkejja l-formulazzjoni tal-klawżola kompromissorja, kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba, fid-dawl tal-ġurisprudenza li, fis-sistema Komunitarja tar-rimedji ta’ dritt tal-Unjoni, il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq rikors prinċipali timplika l-eżistenza ta’ kompetenza sabiex tiġi deċiża fuq kull kontrotalba mressqa matul l-istess proċedura derivanti mill-istess att jew mill-istess fatt li jifforma s-suġġett tar-rikors (ara d-digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting, C‑517/03, EU:C:2004:326, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-kontrotalba tkun, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 46(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, tali talba ma tirriżultax bil-kjarezza meħtieġa, la mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn din tal-aħħar waqt is-seduta u bilkemm hija sostnuta minn argumenti u provi li jqiegħdu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħha u li tippermetti lir-rikorrenti li tipprepara d-difiża tagħha.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn għandu t-tendenza li jistabbilixxi n-natura eliġibbli tal-ispejjeż tal-persunal għal H. (EUR 56.76), ta’ ċerti spejjeż ta’ trasferiment (EUR 1 354.08) u ta’ ċerti spejjeż ta’ provvisti ta’ servizz (EUR 351.82) u l-kumplament għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

118    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li n-nota ta’ debitu hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

119    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

120    L-obbligu ta’ motivazzjoni li r-rikorrenti tallega l-ksur tiegħu huwa impost fuq il-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Madankollu, dan l-obbligu japplika biss għal azzjonijiet unilaterali ta’ din l-istituzzjoni. Għalhekk huwa impost fuq il-Kummissjoni skont il-kuntratt ta’ finanzjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni, T‑154/01, Ġabra, EU:T:2004:154, punt 46).

121    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, peress li eventwali ksur ta’ dan l-obbligu huwa irrilevanti fuq l-obbligi li għandha l-Kummissjoni skont il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Burie Onderzoek en Advies, T‑179/06, EU:T:2009:171, punti 117 u 118, u tal-11 ta’ Diċembru 2013, EMA vs Il-Kummissjoni, T‑116/11, Ġabra, EU:T:2013:634, appellata, punt 275).

122    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata permezz tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-fatt li deċiżjoni li tirrigwarda tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni twassal għal konsegwenzi gravi għall-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-għajnuna fir-rigward tal-ammont inizjalment miftiehem (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni, T‑137/01, Ġabra, EU:T:2003:232, punt 53). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li, għad-differenza ta’ din il-kawża, l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (EU:T:2003:232), ma ngħatatx skont kuntratt, iżda skont deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni wara talba f’dan is-sens mill-iStadtsportverband Neuss u li l-Qorti Ġenerali kienet adita, fl-imsemmija kawża, b’rikors għall-annullament tal-tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna li l-ħlas lura tal-imsemmija għajnuna finanzjarja.

123    Minn dan isegwi li t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn għandu t-tendenza li jikkonstata l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal għal H. (EUR 56.76), ta’ ċerti spejjeż ta’ trasferiment (EUR 1 354.08) u ta’ ċerti spejjeż ta’ provvisti ta’ servizz (EUR 351.82) u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

126    F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni tbati, fi kwalunkwe każ u anki fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors, l-ispejjeż kollha, peress li l-formulazzjoni ambigwa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament żgwidatha rigward ir-rimedji ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

127    Madankollu, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kienet inizjalment ibbażat ir-rikors tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE u kien biss b’risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li hija invokat il-klawżola li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-kuntratt ta’ finanzjament billi talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikklassfika r-rikors bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE. Minn dan isegwi li l-formulazzjoni ambigwa tal-klawżola, minkejja li hija ta’ dispjaċir, bl-ebda mod ma kienet ikkawżat il-preżentata ta’ rikors ibbażat, inizjalment, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, l-imsemmija klawżola bl-ebda mod ma pprekludiet il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan ir-rikors bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tiegħu.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikorrenti tilfet essenzjalment fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ispejjeż tal-persunal għal H. li jammontaw għal EUR 56.76, l-ispejjeż ta’ trasferiment li jammontaw għal EUR 1 354.08 u l-ispejjeż ta’ provvisti ta’ servizz li jammontaw għal EUR 351.82 sostnuti minn Technische Universität Dresden fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, bir-Referenza 2003114 (SI2.377438), dwar il-finanzjament tal-proġett “Collection of European Data on Lifestyle Health Determinants – Coordinating Party (LiS)” imwettaq skont il-programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) huma eliġibbli, b’tali mod li d-dejn tal-Kummissjoni Ewropea relatat għal dawn l-ammonti u inkluż fin-nota ta’ debitu Nru 3241011712, tal-4 ta’ Novembru 2010, huwa infondat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Technische Universität Dresden hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.