Language of document : ECLI:EU:C:2020:688

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2020 (1)

Kawża C59/19

Wikingerhof GmbH & Co. KG

vs

Booking.com BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Punt 1 tal-Artikolu 7 u punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’‘materji kuntrattwali’ u f’‘materji ta’ delitt jew kważi delitt’ – Kunċetti – Klassifikazzjoni ta’ azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn partijiet kontraenti – Azzjoni għal responsabbiltà ċivili bbażata fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Wikingerhof GmbH & Co. KG ikkonkludiet kuntratt ma’ Booking.com BV sabiex il-lukanda li hija topera tidher fuq il-pjattaforma online eponima ta’ prenotazzjoni ta’ akkomodazzjoni. L-ewwel kumpannija tqis madankollu li t-tieni timponi kundizzjonijiet inġusti fuq il-lukandiera rreġistrati fuq il-pjattaforma tagħha, u dan jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ natura li jikkawżalhom dannu.

2.        F’dan il-kuntest, Wikingerhof ippreżentat, quddiem qorti Ġermaniża, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Booking.com, ibbażata fuq ir-regoli tad-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni madankollu li din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija azzjoni. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’appell għal “reviżjoni” li jirrigwarda din il-kwistjoni, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).

3.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk azzjoni bħal dik imressqa minn Wikingerhof kontra Booking.com, li hija bbażata fuq dispożizzjonijiet legali meqjusa bħala ta’ natura ta’ delitt fid-dritt nazzjonali, taqax taħt “materji ta’ delitt jew kważi delitt” (3), fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament – f’liema każ il-qorti adita tista’ tislet il-ġurisdizzjoni tagħha minn din id-dispożizzjoni –, jew inkella taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-fatt li l-allegat aġir antikompettitiv ilmentat mill-ewwel kumpannija dwar it-tieni jseħħ fir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom – f’liema każ Wikingerhof għandha probabbilment tressaq l-azzjoni tagħha, bl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, quddiem qorti Olandiża. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kontenut tal-kategoriji li jikkostitwixxu l-imsemmija “materji” kif ukoll il-mod kif dawn il-kategoriji jirrelataw ma’ xulxin.

4.        Il-kwistjonijiet imqajma fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma huma ġodda. Dawn diġà wasslu għal ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (4), mibdija, madwar tletin sena ilu, permezz tas-sentenzi Kalfelis (5) u Handte (6). Minkejja dan, għad hemm diversi inċertezzi dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet li jinsabu fil-limiti tal-kategoriji inkwistjoni, bħall-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn partijiet kontraenti. Dawn l-inċertezzi jirriżultaw, b’mod partikolari, mis-sentenza Brogsitter (7), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tifformula metodu astratt għall-konnessjoni ta’ dawn l-aħħar azzjonijiet, iżda li l-kliem tiegħu huwa regolarment diskuss fid-duttrina u quddiem il-qrati nazzjonali (8).

5.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti sinteżi, fl-Awla Manja, ta’ din il-ġurisprudenza u, b’dan il-mod, tiċċara l-inċertezzi li jifdal. Tali eżerċizzju huwa iktar u iktar iġġustifikat peress li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) u tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), is-soluzzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ġurisdizzjoni huma bbażati fuq il-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet. Fil-fatt, dawn ir-regolamenti jikkostitwixxu, f’dan il-qasam, l-ekwivalenti tal-punt 1 tal-Artikolu 7 u tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia u dan is-sett regolatorju għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod koerenti (11). Barra minn hekk, il-kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti dwar dawn il-kwistjonijiet ġenerali ser jiċċaraw, b’mod speċifiku, ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat applikabbli għall-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (12).

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li, b’mod ġenerali, ir-rabta ta’ talba għal responsabbiltà ċivili mal-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, jew mal-“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, tiddependi mill-kawża tagħha, jiġifieri mill-obbligu – “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” – li fuqu hija bbażata u li r-rikorrent jinvoka kontra l-konvenut. L-istess loġika tapplika fir-rigward tal-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn partijiet kontraenti. Għaldaqstant ser nispjega għalfejn, bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, bħal dik imressqa minn Wikingerhof kontra Booking.com, ibbażata fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, taqa’ taħt “materji ta’ delitt”, fis-sens tat-tieni dispożizzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-premessa 16 tar-Regolament Brussell Ia tistabbilixxi:

“Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. […]”

8.        It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, fiha b’mod partikolari l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)      (a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati [is-servizzi ġew ipprovduti jew suppost li kienu pprovduti];

(c)      jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

(2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Wikingerhof, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż stabbilita fi Kropp (il-Ġermanja), topera lukanda li tinsab fil-Land de Schleswig-Holstein (il-Ġermanja). Booking.com, li s-sede tagħha tinsab f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), topera l-pjattaforma online eponima ta’ prenotazzjoni ta’ akkomodazzjoni.

10.      F’Marzu 2009, Wikingerhof iffirmat kuntratt standard ipprovdut minn Booking.com. Dan il-kuntratt jistipula li l-kundizzjonijiet ġenerali applikati minn din l-aħħar kumpannija huma parti integrali minnu. L-imsemmi kuntratt jistipula wkoll li, meta tiffirmah, il-lukanda tiddikjara li rċeviet kopja ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali u tikkonferma li qrathom, fehmithom u qablet magħhom.

11.      Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com jipprevedu b’mod partikolari li din il-kumpannija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-lukandi rreġistrati fuq il-pjattaforma tagħha sistema tal-internet, imsejħa “Extranet”, li tippermettilhom jaġġornaw l-informazzjoni dwar l-istabbilimenti tagħhom u jikkonsultaw id-data dwar il-prenotazzjonijiet magħmula permezz ta’ din il-pjattaforma. Barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jinkludu klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tagħti, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Amsterdam sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim li jirriżulta mill-kuntratt.

12.      Booking.com emendat diversi drabi l-kundizzjonijiet ġenerali tagħha. Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Wikingerhof ikkontestat waħda minn dawn l-emendi. Sussegwentement, din il-kumpannija adixxiet lil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja) b’azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Booking.com, ibbażata fuq ksur tar-regoli tad-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-kompetizzjoni (13). F’dan il-kuntest, Wikingerhof affermat li l-operaturi ż-żgħar ta’ lukandi bħalha huma mġiegħla jidħlu f’kuntratt ma’ Booking.com minħabba l-pożizzjoni dominanti li din tal-aħħar għandha fis-suq tas-servizzi ta’ intermedjarji u ta’ portali ta’ prenotazzjonijiet ta’ lukandi. Wikingerhof tqis li ċerti prattiki segwiti minn Booking.com meta ntbagħtu l-prenotazzjonijiet ta’ lukandi huma inġusti u jikkostitwixxu operat abbużiv ta’ din il-pożizzjoni, u dan imur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, Wikingerhof talbet lil din il-qorti tipprojbixxi lil Booking.com, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità:

–        milli turi, fuq il-pjattaforma tagħha, prezz partikolari kif indikat minn Wikingerhof għal-lukanda tagħha, akkumpanjat mill-kliem “prezz iktar vantaġġuż” jew “prezz imnaqqas”, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ din tal-aħħar;

–        milli ċċaħħad lil Wikingerhof minn aċċess, totali jew parzjali, għad-data ta’ kuntatt li l-klijenti tal-lukanda jipprovdu permezz tal-imsemmija pjattaforma u milli teżiġi minn din il-kumpannija li l-kuntatti ma’ dawn il-klijenti jsiru biss permezz tal-funzjonalità “kuntatt” imqiegħda għad-dispożizzjoni minn Booking.com, u

–        milli tissuġġetta l-pożizzjoni tal-lukanda operata minn Wikingerhof, fir-riżultati ta’ tfittxija mwettqa fuq din l-istess pjattaforma, fuq l-għoti ta’ kummissjoni ta’ iktar minn 15 %.

13.      Booking.com qajmet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tal-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel). Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2017, din il-qorti ddeċidiet li l-azzjoni ta’ Wikingerhof kienet inammissibbli għal din ir-raġuni. Hija qieset, b’mod iktar speċifiku, li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Amsterdam, ġiet validament konkluża bejn il-partijiet, konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u tapplika fir-rigward ta’ tali azzjoni.

14.      Fl-appell, l-Oberlandesgericht Schleswig (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Schleswig, il-Ġermanja) ikkonfermat, permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2018, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, iżda bbażat ruħha fuq motivi differenti. Essenzjalment, din il-qorti qieset li l-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel) ma setgħetx tislet il-ġurisdizzjoni tagħha mir-regola f’“materji ta’ delitt” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, peress li l-azzjoni mressqa minn Wikingerhof taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita lanqas ma tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 7, peress li l-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinsabx fil-ġurisdizzjoni tagħha (14). Konsegwentement, il-qorti tal-appell ma qisitx li kien neċessarju li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com ġietx validament konkluża bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

15.      Wikingerhof ippreżentat appell għal “reviżjoni” minn din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li awtorizzat dan l-appell. F’dan il-kuntest, din il-kumpannija ssostni li l-qorti tal-appell wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet l-applikazzjoni, fir-rigward tal-azzjoni mressqa mill-imsemmija kumpannija, tar-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji ta’ delitt” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia.

16.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tosserva li l-appell għal “reviżjoni” li hija adita bih ma huwiex ippreżentat kontra l-konklużjoni tal-qorti tal-appell li tgħid li l-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel) ma għandhiex ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni mressqa minn Wikingerhof. Lanqas il-kwistjoni tal-validità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com ma hija s-suġġett ta’ dan l-appell (15). Għalhekk, is-suċċess tal-imsemmi appell jiddependi biss minn jekk tali azzjoni tistax taqa’ taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(2) [Il-punt 2 tal-Artikolu 7] tar-[Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-post tal-avveniment dannuż tista’ tapplika fil-każ ta’ azzjoni għal inibizzjoni ta’ ċerti prattiki, jekk ikun possibbli li dawn il-prattiki kkontestati jkunu koperti minn regoli kuntrattwali iżda r-rikorrenti tallega li dawn ir-regoli huma bbażati fuq abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tal-konvenuta?”

18.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tal‑11 ta’ Diċembru 2018, tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2019. Booking.com, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Wikingerhof, Booking.com u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fis‑27 ta’ Jannar 2020.

IV.    Analiżi

19.      Din il-kawża għandha bħala sfond l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, imressqa bejn partijiet privati, karatteristiċi ta’ dak li huwa komunement imsejjaħ il-“private enforcement”. L-azzjoni mressqa minn Wikingerhof kontra Booking.com hija bbażata, b’mod iktar preċiż, fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt Ġermaniż li jipprojbixxu, bħall-Artikolu 102 TFUE, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. L-ewwel kumpannija tallega, essenzjalment, li t-tieni topera b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti li hija allegatament għandha fis-suq tas-servizzi ta’ intermedjarji u ta’ portali ta’ prenotazzjonijiet ta’ lukandi, billi timponi kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni inġusti (16) fuq il-lukandiera ż-żgħar irreġistrati fuq il-pjattaforma tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistiedna tippreċiża l-portata tal-imsemmi Artikolu 102. Min-naħa l-oħra, hija ġiet mistoqsija dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal tali azzjoni.

20.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili bbażati fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament (17).

21.      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia jipprevedi, bħala regola ġenerali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-domiċilju ta’ Booking.com, fis-sens ta’ dan ir-regolament (18), jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi u li għalhekk Wikingerhof ma setgħetx tadixxi lil qorti Ġermaniża skont din id-dispożizzjoni.

22.      Madankollu, ir-Regolament Brussell Ia jipprevedi wkoll regoli li jippermettu, f’ċerti każijiet, li r-rikorrent iħarrek lill-konvenut quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor (19). Dan ir-regolament fih, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni speċjali, dwar “materji” differenti, li joffru lir-rikorrent l-għażla li jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem forum addizzjonali wieħed jew iktar.

23.      Tali ġurisdizzjoni speċjali teżisti, b’mod partikolari, f’“materji kuntrattwali” u f’“materji ta’ delitt”. Għall-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija, il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jippermetti lir-rikorrent jadixxi lill-qorti bil-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”. Għal dawk li jaqgħu taħt it-tieni kategorija, il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dawn jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

24.      L-għażla ta’ ġurisdizzjoni offruta lir-rikorrent tvarja, għalhekk, skont il-klassifikazzjoni tal-azzjoni inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar ma liema kategorija msemmija fil-punt preċedenti l-azzjoni mressqa minn Wikingerhof għandha tintrabat. Is-suċċess tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Booking.com jiddependi, fil-fatt, minn din il-klassifikazzjoni: filwaqt li l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, jista’ jinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ġermaniża adita mir-rikorrent fil-kawża prinċipali (20), ġie stabbilit, fl-appell, li dan ma huwiex il-każ tal-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (21).

25.      Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala prinċipju, l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili bbażati fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt “materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (22).

26.      Madankollu, l-azzjoni inkwistjoni f’din il-kawża għandha natura partikolari li hija mressqa bejn partijiet kontraenti u li l-allegat aġir antikompetittiv li Wikingerhof tikkritika lil Booking.com jimmaterjalizza ruħu fir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom, peress li jikkonsisti fil-fatt, għat-tieni kumpannija, li timponi, fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni, kundizzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet inġusti għall-ewwel kumpannija. Barra minn hekk, huwa possibbli li ċerti prattiki kkontestati, jekk mhux kollha (23), huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk, f’tali ċirkustanzi, il-klassifikazzjoni “kuntrattwali” tipprevalix fuq il-klassifikazzjoni “ta’ delitt” għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia.

27.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Bħal Wikingerhof u l-Kummissjoni, jiena naqbel ma’ din l-opinjoni. Il-pożizzjoni kuntrarja difiża minn Booking.com u mill-Gvern Ċek tirrifletti, fil-fehma tiegħi, l-inċertezzi, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-limiti li jisseparaw il-“materji kuntrattwali” mill-“materji ta’ delitt”. Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni tajba sabiex tagħti sinteżi ta’ din il-ġurisprudenza u telimina dawn l-inċertezzi. Għalhekk ser infakkar il-punti prinċipali (Taqsima A) qabel ma neżamina, iktar speċifikament, il-każ partikolari tal-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn partijiet kontraenti (Taqsima B). F’dan il-kuntest, ser niżviluppa ċerti riflessjonijiet magħmula fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (24). Fl-aħħar nett, ser napplika l-qafas analitiku li jirriżulta mill-imsemmija ġurisprudenza fil-każ ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħal dik imressqa, f’dan il-każ, minn Wikingerhof kontra Booking.com (Taqsima C).

A.      Il-punti prinċipali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-“materji kuntrattwali” u l-“materji ta’ delitt”

28.      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li r-Regolament Brussell Ia ma jagħtix definizzjoni tal-“materji kuntrattwali”, imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, jew tal-“materji ta’ delitt”, previsti fl-Artikolu 7(2) tiegħu. Il-kontenut ta’ dawn il-kategoriji madankollu ma huwiex evidenti. Għalkemm dawn jirriflettu kunċetti magħrufa sew tad-dritt ċivili – “kuntratt” u “delitt” –, il-limiti ta’ dawn il-kunċetti jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, jeżistu diverġenzi sinjifikattivi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ dispożizzjoni waħda (25) u l-oħra (26).

29.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-“materji kuntrattwali” u l-“materji ta’ delitt”, fis-sens tar-Regolament Brussell Ia, jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, u dan sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dan jipprevedi fl-Istati Membri kollha (27). Għaldaqstant, ir-rabta ta’ talba ma’ kategorija waħda jew oħra ma tiddependix, b’mod partikolari, mis-soluzzjonijiet previsti mid-dritt intern tal-qorti adita (magħruf bħala “lex fori”).

30.      Għal dak li jirrigwarda s-sistema tar-Regolament Brussell Ia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li din hija bbażata fuq ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, u li l-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 7 tiegħu tikkostitwixxi derogi minn din ir-regola ġenerali li, bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (28).

31.      Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Brussell Ia, hemm lok li jitfakkar li, b’mod ġenerali, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dan ir-regolament huma intiżi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali u, f’dan il-kuntest, sabiex isaħħu l-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli għandhom, f’dan ir-rigward, jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà: ir-rikorrent għandu jkun jista’ jiddetermina faċilment il-qrati li quddiemhom ikun jista’ jippreżenta l-azzjoni tiegħu u l-konvenut raġonevolment għandu jkun jista’ jantiċipa quddiem liema qrati jista’ jiġi mħarrek. Barra minn hekk, l-imsemmija regoli huma intiżi sabiex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (29).

32.      Il-ġurisdizzjoni speċjali f’“materji kuntrattwali” u f’“materji ta’ delitt”, previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 7 u fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, għandhom, speċifikament, għan ta’ prossimità, li jikkonkretizza ż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-għażla offruta lir-rikorrent minn dawn id-dispożizzjonijiet ġiet introdotta b’kunsiderazzjoni tal-eżistenza, fil-“materji” li dawn jipprevedu, ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn talba u l-qorti li tista’ tintalab tieħu konjizzjoni tagħha, fid-dawl tal-organizzazzjoni xierqa tal-proċess (30). Fil-fatt, f’“materji kuntrattwali”, il-qorti tal-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” titqies li hija l-iktar adatta sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità għall-kawża u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi. L-istess japplika, f’“materji ta’ delitt”, għall-qorti tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” (31). L-eżistenza ta’ din ir-rabta mill-qrib tiggarantixxi fl-istess ħin iċ-ċertezza legali, filwaqt li tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi.

33.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, matul il-ġurisprudenza tagħha, definizzjonijiet awtonomi tal-“materji kuntrattwali” u tal-“materji ta’ delitt”. Ser neżamina dawn id-definizzjonijiet, waħda waħda, fiż-żewġ subtaqsimiet li ġejjin.

1.      Id-definizzjoni tal-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia

34.      L-ewwel istanza ta’ definizzjoni tal-“materji kuntrattwali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, ġiet ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Handte, li skontha dan il-kunċett “ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi għal sitwazzjoni fejn ma jeżisti l-ebda impenn liberalment assunt minn parti favur oħra” (32).

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonsolidat din id-definizzjoni fis-sentenza Engler (33). Abbażi tal-konstatazzjoni li tgħid li l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 7, peress li l-ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post fejn “l-obbligazzjoni in kwistjoni” twettqet jew għandha titwettaq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni “tippresupponi li jiġi determinat obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti” (34).

36.      Żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jirriżultaw minn din id-definizzjoni, li issa hija stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (35): talba tkun taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia, sakemm (1) tikkonċerna “obbligu kuntrattwali”, mifhum bħala “obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra” (36) u (2) din it-talba tkun, b’mod iktar speċifiku, ibbażata fuq dan l-“obbligu”.

37.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“obbligi kuntrattwali” jinkludu, qabel kollox, l-obbligi li joriġinaw (37) minn kuntratt (38), jiġifieri, essenzjalment, ftehim ta’ volontà konkluż bejn żewġ persuni (39). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja integrat fil-“materji kuntrattwali”, b’analoġija, ir-relazzjonijiet li joqorbu lejn il-kuntratti sa fejn dawn joħolqu bejn il-persuni kkonċernati “rabtiet stretti tal-istess tip” bħal dawk li huma stabbiliti bejn il-partijiet kontraenti. L-istess japplika, b’mod partikolari, għar-rabtiet bejn assoċjazzjoni u l-membri tagħha kif ukoll għal dawk bejn il-membri stess tal-assoċjazzjoni (40), għar-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti ta’ kumpannija kif ukoll għal dawk bejn l-azzjonisti u l-kumpannija li huma joħolqu (41), għar-relazzjoni bejn id-direttur u l-kumpannija li huwa jmexxi, kif prevista fid-dritt tal-kumpanniji (42), jew anki għall-obbligi li l-koproprjetarji ta’ proprjetà immobbli jassumu, konformement mal-liġi, fir-rigward tal-komunjoni ta’ beni (43). Finalment, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia “ma teħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt”, iżda biss “l-identifikazzjoni ta’ obbligu” (44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“materji kuntrattwali” jinkludu wkoll l-obbligi li ma humiex imposti minħabba tali ftehim ta’ volontà, iżda minħabba impenn unilaterali volontarju ta’ persuna fil-konfront ta’ persuna oħra. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-avviż ta’ premju magħmul minn professjonist fil-konfront ta’ konsumatur (45) u tal-obbligi ta’ min jagħti l-aval fuq promissory note fil-konfront tal-benefiċjarju ta’ din il-promissory note (46).

38.      Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni “flessibbli” tal-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (47). Din il-konstatazzjoni tista’, qabelxejn, tissorprendi, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Fir-realtà, fil-fehma tiegħi, dan ir-rekwiżit jipprojbixxi biss lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tevita t-termini ċari tal-imsemmija dispożizzjoni u tagħtiha sens iktar wiesa’ minn dak meħtieġ mill-għan tagħha (48). Għaldaqstant, huwa possibbli u, fl-opinjoni tiegħi ġġustifikat, li l-kategorija li tikkostitwixxi l-“materji kuntrattwali” tiġi interpretata b’mod li jiġu inklużi fiha istituzzjonijiet qrib il-kuntratti, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-kontenzjuż internazzjonali (49).

39.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba ma taqax taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia, għas-sempliċi raġuni li din tikkonċerna, mill-qrib jew mill-bogħod, “obbligu kuntrattwali”. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li din it-talba jkollha bħala bażi tali obbligu. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiddependi għalhekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement, mill-“kawża tal-azzjoni” (50). Fi kliem ieħor, ir-rikorrent għandu jinvoka tali obbligu sabiex jiġġustifika l-imsemmija talba (51).

40.      Permezz ta’ din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva, ġustament fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji kuntrattwali” previst fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia għat-talbiet li huma ta’ natura kuntrattwali, jiġifieri għal dawk li jqajmu, fil-mertu, prinċipalment kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti (52) jew, fi kliem ieħor, kwistjonijiet li jaqgħu fil-firxa ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli (magħruf bħala “lex contractus”), fis-sens tar-Regolament Ruma I (53). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tiżgura, skont l-għan ta’ prossimità li huwa l-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li l-qorti tal-kuntratt tiddeċiedi essenzjalment dwar tali kwistjonijiet (54). B’mod iktar fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi l-koerenza interna tal-“materji kuntrattwali”, kif previst, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, fil-punt 1 tal-Artikolu 7 u, għall-kunflitti tal-liġijiet, fir-Regolament Ruma I(55).

41.      B’mod konkret, jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet u jaqgħu, għaldaqstant, taħt il-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(1), b’mod partikolari l-azzjonijiet għal eżekuzzjoni forzata ta’ “obbligu kuntrattwali”(56) jew l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili jew għal riżoluzzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali obbligu (57). F’dawn il-każijiet kollha, l-obbligu inkwistjoni jikkorrispondi għal “dritt kuntrattwali” li jiġġustifika t-talba. Id-determinazzjoni tal-fondatezza tagħha timplika, għall-qorti adita, li tiddeċiedi essenzjalment kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali – bħal dawk tal-kontenut tal-obbligu inkwistjoni, tal-mod li bih dan kellu jiġi eżegwit, tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu, eċċ. (58). Jirriżultaw ukoll mill-“materji kuntrattwali” l-azzjonijiet għal nullità ta’ kuntratt, meta tali azzjoni tkun ibbażata fuq il-ksur tar-regoli għall-istabbiliment tiegħu u timplika, għall-qorti, deċiżjoni dwar il-validità tal-“obbligi kuntrattwali” li jirriżultaw minnhom (59). Nirreferi lill-qarrej li jixtieq iktar dettalji dwar il-“materji kuntrattwali” għad-duttrina vasta dwar is-suġġett (60).

2.      Id-definizzjoni tal-“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mis-sentenza tagħha Kalfelis, il-kunċett ta’ “materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, jinkludi “kull talba intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-‘materji kuntrattwali’”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (61).

43.      Żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jirriżultaw minn din id-definizzjoni: waħda, pożittiva, li skontha t-talba għandha tistabbilixxi r-responsabbiltà ċivili tal-konvenut; l-oħra, negattiva, li skontha din it-talba ma għandhiex tkun relatata mal-“materji kuntrattwali”.

44.      L-ewwel kundizzjoni hija marbuta mas-suġġett tat-talba. Din għandha, bħala prinċipju, tkun intiża sabiex iġġiegħel lill-konvenut itemm aġir li jista’ jikkawża dannu – każ ta’ talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni bħal dik imressqa minn Wikingerhof f’dan il-każ – jew li jagħti kumpens għalih jekk seħħ – każ ta’ talba għad-danni (62).

45.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, hawnhekk ukoll, tadotta interpretazzjoni “flessibbli” ta’ din il-kundizzjoni. Fil-fatt, azzjoni dikjaratorja, li permezz tagħha r-rikorrent ikollu l-intenzjoni li jikkonstata quddiem qorti l-ksur ta’ dmir legali mill-konvenut, jew anki azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, li permezz tagħha r-rikorrent jipprova jikkonstata li huwa ma wettaqx atti jew ommissjonijiet li jimplikaw ir-responsabbiltà ta’ delitt tiegħu fir-rigward tal-konvenut, tista’ taqa’ ukoll taħt l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (63).

46.      It-tieni kundizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, il-mera ta’ dik żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-“materji kuntrattwali”. Hawnhekk ukoll, għandha tiġi ddeterminata l-kawża tat-talba għad-danni. Sabiex taqa’ taħt il-“materji ta’ delitt”, din it-talba ma għandhiex tkun ibbażata fuq “obbligu legali assunt liberament”, iżda fuq “obbligu ta’ delitt”, jiġifieri obbligu involontarju, eżistenti mingħajr ma l-konvenut kellu l-intenzjoni li jieħu kwalunkwe impenn fil-konfront tar-rikorrent, u li jirriżulta minn fatt dannuż, li jikkonsisti fil-ksur ta’ dmir impost mil-liġi erga omnes (64). Permezz ta’ din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura, skont l-għan ta’ prossimità li huwa l-bażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, li l-qorti tad-delitt tiddeċiedi biss fuq it-talbiet ta’ natura ta’ delitt, jiġifieri fuq dawk li jqajmu, fil-mertu, prinċipalment kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet legali li jimplikaw tali dmirijiet. Hija tiggarantixxi wkoll l-koerenza interna tal-“materji ta’ delitt”, kif previsti, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I u, għall-kunflitti tal-liġijiet, fir-Regolament Ruma II (65).

47.      Għalhekk ma jistax jitqies, kif xi kultant huwa miktub, li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jikkostitwixxi dispożizzjoni purament residwali li tassorbi t-talbiet kollha li ma jaqgħux taħt il-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, jeżistu talbiet li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, minħabba li huma bbażati fuq obbligi li la huma “kuntrattwali” u lanqas “ta’ delitt” (66).

48.      Għall-kumplament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jinkludi diversità kbira ta’ tipi ta’ responsabbiltà (67) – minħabba nuqqas, mingħajr nuqqas, eċċ. Minbarra l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, diġà msemmija, huma koperti b’mod partikolari t-talbiet għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali (68), ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali (69) jew anki għad-danni kkawżati minn prodotti difettużi (70). Hawnhekk ukoll, nirreferi lill-qarrej li jixtieq iktar dettalji dwar il-“materji ta’ delitt” għad-duttrina vasta dwar is-suġġett (71).

B.      Il-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn partijiet kontraenti, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia

49.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċerti talbiet għal responsabbiltà ċivili jaqgħu taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, u oħrajn taħt “materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Minn dan jirriżulta wkoll li, fil-livell teoretiku, ir-rabta ta’ tali talba ma’ waħda jew oħra minn dawn il-kategoriji tiddependi mill-kawża tagħha, mifhuma bħala l-obbligu li fuqu din it-talba hija bbażata. Jekk dan l-obbligu huwa impost minħabba kuntratt jew forma oħra ta’ impenn volontarju ta’ persuna fil-konfront ta’ persuna oħra, it-talba hija “kuntrattwali”. Jekk, min-naħa l-oħra, l-obbligu inkwistjoni jirriżulta mill-ksur ta’ dmir impost mil-liġi erga omnes, indipendentement minn kull impenn volontarju, it-talba hija “ta’ delitt” (72).

50.      Madankollu, meta żewġ persuni jkunu marbuta b’kuntratt u waħda minnhom tifformula talba għal responsabbiltà ċivili kontra l-oħra, jista’ jkun delikat, fil-prattika, li ssir distinzjoni bejn “materji kuntrattwali” u “materji ta’ delitt”.

51.      F’dan ir-rigward, tali talba ma tkunx neċessarjament “kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (73). Jista’ jkun hemm ukoll talbiet “ta’ delitt” bejn il-partijiet kontraenti. Dan jinftiehem faċilment jekk wieħed jaħseb dwar it-talbiet li huma kompletament barranin għall-kuntratt li jorbot lill-partijiet (74), li għalihom l-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament hija manifestament obbligatorja.

52.      L-affarijiet huma inqas evidenti meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, it-talba jkollha ċerta rabta mal-kuntratt, b’mod partikolari minħabba li din tirrigwarda fatt dannuż ikkawżat fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, jiġri, b’mod partikolari, li l-fatt dannuż invokat jikkostitwixxi, fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ “obbligu kuntrattwali” u l-ksur ta’ dmir impost mil-liġi erga omnes. Għalhekk hemm akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet – jew, fi kliem ieħor, akkumulazzjoni ta’ obbligi “kuntrattwali” u “ta’ delitt”, li kull wieħed minnhom jista’, potenzjalment, iservi ta’ kawża għat-talba (75).

53.      In-numru ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-istess fatt dannuż jista’ jagħti lok għal tali akkumulazzjoni jvarja skont is-sistemi tad-dritt nazzjonali, skont il-mod li bih dawn jistabbilixxu r-responsabbiltà kuntrattwali u r-responsabbiltà ta’ delitt (76). Madankollu, l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili msemmija fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet – ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fatti li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni żleali, danni kkawżati mill-prodotti difettużi, ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali – jistgħu, meta jitressqu bejn partijiet kontraenti, jidħlu f’kuntest ta’ tali akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet.

54.      Pereżempju, ir-rifjut ta’ bejgħ minn fornitur fil-konfront tad-distributur tiegħu jista’ jikkostitwixxi mhux biss abbuż minn pożizzjoni dominanti, iżda wkoll ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt qafas tagħhom, kif indikat ġustament Wikingerhof. L-istess japplika f’sitwazzjoni fejn il-fornitur jiffavorixxi n-network tiegħu stess għad-detriment tad-distributur, peress li dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi, fl-istess ħin, ksur kuntrattwali, tali abbuż jew anki att ta’ kompetizzjoni żleali (77). Barra minn hekk, id-difett ta’ prodott, mibjugħ mill-produttur tiegħu, li jikkawża dannu lix-xerrej jista’ jaqa’ kemm taħt ir-responsabbiltà ta’ delitt – għall-ksur ta’ dmir legali fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti – kif ukoll taħt ir-responsabbiltà kuntrattwali – għall-ksur tal-obbligu kuntrattwali li jiġi pprovdut prodott konformi, jew ta’ obbligu kuntrattwali ta’ sigurtà. Finalment, meta d-detentur ta’ kuntratt ta’ liċenzja dwar l-użu ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jaqbeż il-limiti ta’ din il-liċenzja, dan il-fatt dannuż jista’ jikkostitwixxi fl-istess ħin delitt ta’ ksur – peress li l-persuna liċenzjata tikser id-drittijiet esklużivi tal-parti kontraenti tagħha – u ksur ta’ dan il-kuntratt (78).

55.      Quddiem tali akkumulazzjonijiet ta’ responsabbiltajiet, ċerti sistemi legali nazzjonali, fosthom id-dritt Ingliż u d-dritt Ġermaniż, iħallu lir-rikorrent l-għażla li jibbaża t-talba tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt jew fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali, skont dak li huwa l-iktar konformi mal-interessi tiegħu (79), jew li “jakkumula” it-talbiet imsejsa fuq dawn iż-żewġ bażijiet (80).

56.      Min-naħa l-oħra, sistemi legali oħra, fosthom id-dritt Franċiż u d-dritt Belġjan, jipprevedu regola ta’ tqassim tar-responsabbiltajiet, imsejħa tan-“nuqqas ta’ akkumulazzjoni”, li ma jħallux għażla lir-rikorrent: dan ma jistax jibbaża t-talba tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt meta l-fatt dannuż invokat jikkostitwixxi wkoll in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali. Fi kliem ieħor, f’dawn is-sistemi, “dak kuntrattwali jipprevali fuq dak ta’ delitt” (81).

57.      Fil-kuntest tar-Regolament Brussell Ia, il-kwistjoni hija jekk, u jekk ikun il-każ sa fejn, l-għażla tar-rikorrent li jinvoka, għall-istess fatt dannuż, ir-responsabbiltà ta’ delitt u/jew ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-parti kontraenti tiegħu tinfluwenzax ir-regola ta’ ġurisdizzjoni applikabbli (82). F’dan ir-rigward, ser infakkar is-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fil-ġurisprudenza tagħha (Subtaqsima 1) qabel ma neżamina l-interpretazzjoni li, fil-fehma tiegħi, hija meħtieġa f’dan il-qasam (Subtaqsimiet 2 u 3).

1.      Is-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni fis-sentenza Kalfelis. Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, individwu ħarrek lill-bank tiegħu sabiex jikseb kumpens għad-dannu li kien ġarrab fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet fil-borża u kien ressaq, għal dan il-għan, talbiet kumulattivi, ibbażati fuq regoli differenti tad-dritt Ġermaniż, xi wħud relatati mar-responsabbiltà kuntrattwali, oħrajn mar-responsabbiltà ta’ delitt u fl-aħħar nett oħrajn mal-arrikkiment indebitu – ta’ natura kważi kuntrattwali. B’mod partikolari kienet qamet il-kwistjoni dwar jekk il-qorti li kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Brussell Ia – biex tiddeċiedi dwar it-talbiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt kellhiex ġurisdizzjoni wkoll, b’mod anċillari, fir-rigward ta’ dawk imsejsa fuq il-bażijiet kuntrattwali u kważi kuntrattwali.

59.      Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Darmon kien ippropona li r-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji kuntrattwali” tidderieġi l-azzjoni kollha, inklużi t-talbiet imsejsa fuq bażijiet legali ta’ delitt jew kważi kuntrattwali, u dan sabiex tiġi rrazzjonalizzata l-ġurisdizzjoni u tiġi ċċentralizzata t-tilwima quddiem il-qorti tal-kuntratt, li kienet, skont l-Avukat Ġenerali, l-iktar adatta biex tiġi adita bil-kuntest tagħha u bl-implikazzjonijiet kontenzjużi tagħha (83).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tagħha. Hija ċertament iddeċidiet, kif indikajt fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kunċett ta’ “materji ta’ delitt” jinkludi kull talba intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex marbuta mal-“materji kuntrattwali”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat immedjatament, billi invokat in-natura derogatorja tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, “li qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont [il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia] sabiex tieħu konjizzjoni tal-element ta’ [azzjoni] msejsa fuq bażi ta’ delitt ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ elementi oħrajn fl-istess [azzjoni] li huma msejsa fuq bażijiet mhux ta’ delitt” (84).

61.      Minkejja n-natura xi ftit ambigwa ta’ din ir-risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni, fis-sentenza Kalfelis, li tindika li l-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia “jipprevali” fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7 tiegħu. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li azzjoni għad-danni relatata mal-istess fatt dannuż tista’ taqa’ taħt il-forum kuntrattwali u/jew taħt il-forum ta’ delitt, skont il-bażijiet legali li jinvoka r-rikorrent, jiġifieri d-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati minnu fir-rikors tiegħu. Għalhekk, meta t-talbiet kumulattivi huma fformulati fil-kuntest tal-istess azzjoni, mhux l-azzjoni kollha kemm hi għandha tiġi kklassifikata taħt “materji kuntrattwali” jew taħt “materji ta’ delitt”, iżda kull waħda minn dawn it-talbiet, skont il-bażijiet tagħha – l-istess talba/bażi ma tistax taqa’ taħt iż-żewġ kategoriji fl-istess ħin (85). F’dan il-kuntest, il-qorti tal-kuntratt għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet imsejsa fuq il-bażijiet kuntrattwali, filwaqt li l-qorti tad-delitt għandha ġurisdizzjoni għal dawk imsejsa fuq il-bażijiet ta’ delitt. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn il-qrati ma għandha ġurisdizzjoni anċillari sabiex tiddeċiedi dwar dak li ma jaqax taħt il-“materja” tagħha (86).

62.      Nenfasizza li ma hijiex kwistjoni li tiġi adottata, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, il-klassifikazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati mill-konvenut fid-dritt nazzjonali li minnu jirriżultaw. Barra minn hekk, fl-istadju tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli tkun għadha ma ġietx iddeterminata mill-qorti adita. Għaldaqstant, ma huwiex ċert li t-talba tiġi deċiża fid-dawl ta’ dawn ir-regoli. Ir-regoli sostantivi invokati insostenn ta’ talba madankollu jipprovdu l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi tal-“obbligu”, fis-sens awtonomu tal-kelma, invokat mir-rikorrent. Kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa dan l-“obbligu” li, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, għandu jiġi kklassifikat konformement mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, taħt “materji kuntrattwali” jew taħt “materji ta’ delitt” u li jiddetermina, għalhekk, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal din it-talba (87). Meta r-rikorrent iressaq talbiet kumulattivi msejsa fuq dispożizzjonijiet legali sostantivi ta’ natura differenti, huwa jkun qiegħed jinvoka potenzjalment dawn iż-żewġ tipi ta’ obbligi (88), li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati distinti.

63.      Fil-qosor, il-ġurisdizzjoni, skont ir-Regolament Brussell Ia, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għad-danni mressqa bejn partijiet kontraenti tista’ tvarja skont id-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent. Barra minn hekk nosserva li, fis-sentenza Melzer (89), li kienet tikkonċerna tali talba, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet dan l-approċċ. F’din is-sentenza, hija sempliċement interpretat ir-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji ta’ delitt”, kif talbitha l-qorti nazzjonali, mingħajr ma eżaminat dik f’“materji kuntrattwali”, invokata mill-konvenut, għar-raġuni li t-talba inkwistjoni kienet “[i]bbażat[a] biss fuq id-dritt ta’ responsabbiltà għal delitt” (90).

64.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat mill-ġdid din il-problema fis-sentenza Brogsitter. Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, bejjiegħ tal-arloġġi tal-idejn, residenti fil-Ġermanja, kien ikkonkluda kuntratt ma’ mastru arluġġar, li dak iż-żmien kien jirrisjedi fi Franza, dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tal-arloġġi intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati minn dak tal-ewwel. B’mod parallel mal-attività tiegħu għall-bejjiegħ, il-mastru arluġġar kien żviluppa mekkaniżmi oħra tal-arloġġi li huwa kien ikkummerċjalizza f’ismu stess. Peress li qies li din l-attività kienet tikser obbligu ta’ esklużivita li jirriżulta mill-kuntratt, il-bejjiegħ kien ħarrek lill-parti kontraenti tiegħu quddiem qorti Ġermaniża. F’dan il-kuntest, il-bejjiegħ kien talab il-waqfien tal-attivitajiet inkwistjoni kif ukoll l-għoti ta’ kumpens għad-danni, billi bbaża ressaq talbiet ibbażati, b’mod kumulattiv, fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali u r-responsabbiltà ta’ delitt, b’mod iktar preċiż fuq ir-regoli tad-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali u tar-responsabbiltà minħabba nuqqas. Peress li ma kinitx ċerta dwar il-qsim tat-tilwima skont il-bażijiet legali invokati mir-rikorrent, il-qorti nazzjonali kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Brussell I, kellhom jingħataw lit-talbiet li għandhom bażi ta’ delitt, fid-dawl tal-kuntratt li kien jorbot lill-partijiet.

65.      Billi ħadet bħala punt ta’ tluq id-dictum tas-sentenza Kalfelis li jgħid li l-“materji ta’ delitt” jinkludu kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji kuntrattwali”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex talbiet ikunu relatati ma’ kategorija waħda jew l-oħra, hemm lok li jiġi vverifikat “jekk dawn għandhomx, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali” (91).

66.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess japplika “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “[d]an ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent”. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha “tiddetermina jekk l-azzjonijiet mressqa [mir-rikorrent] għandhomx bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet […], liema fatt ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża” (92).

67.      Is-sentenza Brogsitter tirrifletti, fil-fehma tiegħi, ċerta bidla fl-approċċ adottat fis-sentenza Kalfelis. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li biddlet il-metodu tagħha għall-klassifikazzjoni tat-talbiet, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia. Hija ma tidhirx li ntrabtet bid-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu u jidher li riedet tapplika klassifikazzjoni iktar oġġettiva tal-fatti.

68.      Madankollu, il-portata eżatta tas-sentenza Brogsitter ma hijiex ċerta. Ir-raġunament miftuħ u astratt li jinsab f’din is-sentenza japplika, fil-fatt, għal żewġ interpretazzjonijiet.

69.      Skont l-ewwel interpretazzjoni tas-sentenza Brogsitter, li ser nikklassifika bħala “massimalista”, it-“test” li jirriżulta minn din is-sentenza jinsab fl-affermazzjoni li tgħid li talba taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali”. Din l-affermazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li talba bbażata fuq bażi ta’ delitt għandha tintrabat ma’ dawn il-“materji” meta tkun tirrigwarda fatt dannuż li jista’ (ukoll) jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ “obbligu kuntrattwali”. B’mod konkret, il-qorti adita għandha tivverifika jekk ir-rikorrent setax, ipotetikament, iressaq it-talba tiegħu fuq il-bażi tal-ksur tal-obbligi kuntrattwali, u dan jimplika li jiġi eżaminat jekk teżistix, fil-fatti, korrispondenza potenzjali bejn il-fatt dannuż allegat u l-kontenut ta’ dawn l-obbligi. Minn dan isegwi li, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-istess fatt dannuż jista’ jikkostitwixxi kemm delitt kif ukoll ksur ta’ kuntratt, il-klassifikazzjoni “kuntrattwali” tipprevali fuq il-klassifikazzjoni “ta’ delitt” għall-finijiet ta’ dan ir-regolament (93).

70.      Skont it-tieni interpretazzjoni tas-sentenza Brogsitter, li ser nindika bħala “minimalista”, it-“test” li jirriżulta minn din is-sentenza jinsab, fir-realtà, fl-affermazzjoni li tgħid li talba taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia meta “l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tikklassifika bħala “kuntrattwali” it-talbiet ifformulati fuq bażi ta’ delitt li l-fondatezza tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-obbligi kuntrattwali li jorbtu lill-partijiet fil-kawża (94).

71.      Din l-ambigwità ma ġietx irregolata mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, essenzjalment, sempliċement irrepetiet ċerti siltiet tas-sentenza Brogsitter mingħajr ma tat iktar spjegazzjonijiet (95). Fil-fehma tiegħi, hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiċċara, f’din il-kawża, il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam ta’ akkumulazzjonijiet potenzjali ta’ responsabbiltajiet. Fil-fatt, hija għandha tiddefinixxi, f’dan ir-rigward, kriterji ċari u prevedibbli, ta’ natura li jevitaw kull inċertezza legali għall-partijiet fil-kawża.

72.      Nenfasizza li l-kwistjonijiet relatati mat-trattament tal-akkumulazzjonijiet potenzjali tar-responsabbiltajiet ma humiex neċessarjament l-istess fid-dritt sostantiv (96) u fid-dritt internazzjonali privat. Issa, l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 7 u tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia fir-rigward ta’ din il-kwistjoni għandha għalhekk tiġi ddeterminata unikament fid-dawl tal-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja inerenti f’dan ir-regolament (97).

73.      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter (Subtaqsima 2). Fil-fehma tiegħi, hija għandha, minflok, tadotta l-interpretazzjoni “minimalista” ta’ din is-sentenza, filwaqt li tagħmel ċerti preċiżazzjonijiet indispensabbli (Subtaqsima 3).

2.      Fuq iċ-ċaħda tal-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter

74.      Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter, minbarra li hija diffiċilment kompatibbli mas-sentenza Kalfelis, fi kwalunkwe każ ma tistax tiġi adottata.

75.      Qabelxejn, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ ċertezza legali li għandu jintlaħaq mir-Regolament Brussell Ia jeżiġi li l-qorti adita tkun tista’ tiddeċiedi faċilment dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina l-kawża fil-mertu (98).

76.      Issa, it-“test” li jirriżulta mill-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter tmur, fl-opinjoni tiegħi, kontra dan ir-rekwiżit ta’ sempliċità. Jekk il-qorti adita tkun meħtieġa tiddetermina jekk il-fatt dannuż allegat fuq bażi legali ta’ delitt jistax (ukoll) jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, dan ikun ifisser li din il-qorti tkun obbligata twettaq analiżi kunsiderevoli tal-mertu tat-talba fl-istadju tal-ġurisdizzjoni (99). Il-verifika, f’dan l-istadju, ta’ korrispondenza eventwali bejn dan il-fatt dannuż u l-obbligi kuntrattwali ma tkunx faċli. Apparti l-każijiet (rari) li fihom il-partijiet jaqblu dwar l-eżistenza ta’ akkumulazzjoni potenzjali ta’ responsabbiltajiet (100), ikun partikolarment vinkolanti għall-qorti li tiddetermina dawn l-obbligi fl-imsemmi stadju.

77.      Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali jvarja minn sistema legali għal oħra. F’ċerti drittijiet nazzjonali, obbligi ta’ sigurtà, meqjusa bħala dmirijiet legali puri f’oħrajn, huma integrati f’diversi kuntratti (101). L-istess japplika għar-rekwiżit ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-ftehimiet, li jimplika, taħt diversi drittijiet nazzjonali, obbligi kuntrattwali anċillari, iżda li, għal darba oħra, ma jinsabx f’sistemi legali oħra. B’mod konkret, f’numru kbir ta’ każijiet, il-qorti ma tistax tkun taf jew lanqas timmaġina jekk hemmx akkumulazzjoni potenzjali ta’ responsabbiltajiet mingħajr ma tistabbilixxi l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, li hija l-unika waħda li tista’ verament tagħti informazzjoni dwar l-obbligi li jirriżultaw minnu (102). Barra minn hekk, jiġri li, anki f’din il-liġi, il-portata ta’ dawn l-obbligi ma tkunx iddeterminata b’ċertezza. Il-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tirriskja li titnaqqas minħabba din id-diffikultà (103). Din tiftaħ għall-partijiet fil-kawża lok wiesa’ għad-diskussjoni u tħalli b’mod korrelattiv lill-qorti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, filwaqt li r-Regolament Brussell Ia huwa intiż għaċ-ċertezza fl-għoti ta’ ġurisdizzjoni (104).

78.      Sussegwentement, kif sostnew Wikingerhof u l-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, xejn ma jiġġustifika, fl-opinjoni tiegħi, li r-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji kuntrattwali”, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, tipprevali fuq dik f’“materji ta’ delitt”, li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tiegħu.

79.      Tali supremazija ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tas-sistema ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif enfasizzat ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-imsemmi regolament jipprevedi relazzjoni ta’ sussidjarjetà bejn uħud minn dawn l-artikoli (105), il-forums kuntrattwali u ta’ delitt jinsabu fl-istess livell ġerarkiku. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi l-possibbiltà li dawn iż-żewġ forums jikkoeżistu b’mod parallel, għall-istess fatt dannuż.

80.      Din is-supremazija lanqas ma hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ prossimità li għandu jintlaħaq mill-punt 1 tal-Artikolu 7 u mill-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, kif sostnew Wikingerhof u l-Kummissjoni, u kif jirriżulta mill-punti 40 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prossimità għandha tinftiehem fir-rigward tal-kwistjonijiet prinċipali mqajma, fil-mertu, mit-talba kkonċernata. F’dan il-kuntest, talba bbażata fuq il-ksur ta’ dmir impost mil-liġi erga omnes tqajjem prinċipalment kwistjonijiet mhux kuntrattwali u dawn ma jinbidlux, bħala prinċipju, fin-natura meta t-talba titressaq bejn partijiet kontraenti u meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun ipprovdiet l-okkażjoni għal dan il-ksur.

81.      Finalment, interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter toħloq inkoerenza sfortunata bejn, minn naħa, il-punt 1 tal-Artikolu 7 u l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia u, min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II. Fil-fatt, dispożizzjonijiet differenti ta’ dawn l-aħħar regolamenti (106) jirrikonoxxu, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li l-istess fatt dannuż jista’ fl-istess ħin ikun relatat ma’ “obbligu kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma I, u jagħti lok għal “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma II, mingħajr ma l-ewwel regolament jipprevali fuq it-tieni.

82.      Kieku din il-loġika ta’ supremazija kellha, għall-kuntrarju, tiġi imposta wkoll fil-kuntest tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, minn dan jirriżultaw soluzzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgur ma xtaqx. Pereżempju, huwa pprovda, fl-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma II, regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet speċifiċi għall-atti ta’ kompetizzjoni żleali u għall-atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-kriterji ta’ rabta previsti minn dan l-artikolu – jew, rispettivament, il-liġi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni huma jew jistgħu jiġu affettwati u l-liġi tal-pajjiż li fih is-suq huwa affettwat jew jista’ jiġi affettwat – jirriflettu interess pubbliku. F’dan il-kuntest, l-imsemmi artikolu tipprojbixxi, loġikament, fil-paragrafu 4 tagħha, lill-partijiet milli jagħżlu li japplikaw liġi oħra għat-tilwima tagħhom (107). Issa, għalkemm azzjoni għad-danni bbażata fuq att ta’ kompetizzjoni żleali jew att li jirrestrinġi l-kompetizzjoni għandha taqa’ taħt ir-Regolament Ruma I – li jipprevedi, bħala kriterju prinċipali ta’ rabta, il-liġi ta’ awtonomija (108) – għar-raġuni li titressaq bejn partijiet kontraenti u li l-fatt dannuż jista’ (ukoll) jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, dan l-istess artikolu jitlef parti kbira mill-effett utli tiegħu (109).

83.      Barra minn hekk, infakkar li f’“materji kuntrattwali”, fil-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, il-ġurisdizzjoni tingħata lill-qrati tal-post fejn ġie eżegwit jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba. Għalhekk, nistaqsi dwar kif għandha tiġi implimentata din ir-regola fil-każ ta’ talba li ma tkunx ibbażata fuq “obbligu kuntrattwali”, u li taqa’ taħt “materji kuntrattwali” unikament għar-raġuni li ipotetikament setgħet taqa’ taħthom (110).

84.      Il-konvinzjoni tiegħi dwar in-neċessità li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter ma hijiex affettwata mill-argument, imqajjem fid-duttrina (111), li jgħid li s-soluzzjoni li tirriżulta minn din l-interpretazzjoni tiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, ma hemm xejn li jikkontesta l-fatt li din is-soluzzjoni tagħti l-vantaġġ li quddiem il-qorti tal-kuntratt jiġu kkonċentrati t-tilwimiet kollha li qamu mill-eżekuzzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-ġurisdizzjoni tkun tiddependi mill-bażi jew bażijiet legali invokati mir-rikorrent, billi jiġi segwit l-approċċ stabbilit fis-sentenza Kalfelis, jista’ jwassal għal diviżjoni ta’ dawn it-tilwimiet, peress li l-istess fatt dannuż, ikkunsidrat mill-perspettiva ta’ bażijiet differenti, jista’ jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati distinti.

85.      Madankollu, minn naħa, l-importanza tal-problema deskritta fil-punt preċedenti għandha tiġi rrelattivizzata. Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li l-forum tal-kuntratt u l-forum tad-delitt ma jikkoinċidux fis-sitwazzjoni inkwistjoni (112), ir-rikorrent dejjem jista’ jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, li għalhekk ikollhom ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni dwar it-talba kollha kemm hi (113). Min-naħa l-oħra, l-argument dwar l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jaqta’ minn żewġ naħat. Għalkemm is-soluzzjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter tippermetti li jinġabru flimkien quddiem il-qorti tal-kuntratt it-tilwimiet imqajma fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tiegħu, din is-soluzzjoni hija, min-naħa l-oħra, ta’ natura li twassal għas-separazzjoni tal-kontenzjuż relatat mal-istess delitt: jekk, pereżempju, tali delitt kien twettaq minn tliet persuni flimkien u li waħda minnhom tkun il-parti kontraenti tal-vittma, din tal-aħħar tirriskja li ma tkunx tista’ tressaq azzjoni unika kontra l-koawturi kollha quddiem il-forum tad-delitt, taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (114).

86.      L-interpretazzjoni “massimalista” tas-sentenza Brogsitter lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-forum shopping. Ċertament, il-fatt li l-ġurisdizzjoni, fil-każ ta’ akkumulazzjoni potenzjali ta’ responsabbiltajiet, tkun tiddependi mill-bażi jew bażijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent jippermetti tali forum shopping. Minn naħa, huwa ma għandux biss il-forum tal-kuntratt, iżda wkoll il-forum tad-delitt, jiġifieri potenzjalment żewġ forums supplimentari (115). Min-naħa l-oħra, huwa jista’, sa ċertu punt, “jagħżel il-qorti tiegħu”, billi jressaq it-talba tiegħu fuq il-bażi ta’ regoli adegwati (116).

87.      Madankollu, il-fatt, għal rikorrent, li jkun jista’ jagħżel bejn diversi forums ma huwiex rari fil-kuntest tar-Regolament Brussell Ia. Il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippermetta ċertu forum shopping, billi ppreveda għażliet ta’ ġurisdizzjoni. F’dan il-kuntest, il-fatt, għal rikorrent, li jagħżel minn fost il-forums disponibbli dak li jikkorrispondi l-aħjar għall-interessi tiegħu, fid-dawl tal-vantaġġi proċedurali jew sostanzjali li dan joffrilu, ma jistax fih innifsu jiġi kkritikat (117). Fil-fehma tiegħi, il-forum shopping huwa problematiku biss meta jiddeġenera f’abbuż (118).

88.      Issa, ir-riskju ta’ tali forum shopping abbużiv huwa limitat mill-fatt li, kif enfasizzat Wikingerhof, il-ġurisdizzjoni rispettiva tal-qorti tal-kuntratt u tal-qorti tad-delitt hija limitata, konformement mas-sentenza Kalfelis, għat-talbiet li jaqgħu taħt il-“materji” tagħha. Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, abbużi eventwali fil-mod li bih rikorrent iressaq t-talba tiegħu ma jibqgħux mingħajr konsegwenza għal dan tal-aħħar. Jekk dan jaġixxi fil-qasam ta’ delitt bl-uniku għan li jevita l-forum tal-kuntratt u jirriżulta li d-dritt applikabbli (119) jipprojbixxi, bħad-dritt Franċiż u d-dritt Belġjan, tali għażla, din it-talba tiġi miċħuda fil-mertu. Barra minn hekk, kieku rikorrent kellu jressaq talba ta’ delitt manifestament fondata ħażin b’għan purament dilatorju, l-aġir tiegħu jista’ jaqa’ taħt ir-regoli fil-qasam tal-abbuż ta’ proċedura previsti mil-lex fori.

89.      Barra minn hekk, infakkar li huwa possibbli għall-partijiet li jixtiequ jevitaw kull possibbilta ta’ forum shopping li jikkonkludu klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tagħti, jekk ikun il-każ, ġurisdizzjoni esklużiva lil qorti partikolari, kif prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, sakemm tkun valida u sakemm il-formulazzjoni tagħha tkun wiesgħa biżżejjed, tali klawżola tapplika fir-rigward tat-tilwim kollu mqajjem jew li jista’ jqum fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom, inklużi l-azzjonijiet f’“materji ta’ delitt” marbuta ma’ din ir-relazzjoni (120).

3.      Fuq in-neċessità li tiġi ppreċiżata l-interpretazzjoni “minimalista” tas-sentenza Brogsitter

90.      Kif jirriżulta mis-subtaqsima preċedenti, l-unika interpretazzjoni valida tas-sentenza Brogsitter hija, fil-fehma tiegħi, dik “minimalista”, imsemmija fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li din l-interpretazzjoni hija rikonċiljabbli mas-sentenza Kalfelis. Fil-fatt, sa fejn tiġi adottata l-imsemmija interpretazzjoni, dawn iż-żewġ sentenzi huma bbażati essenzjalment fuq l-istess loġika: ir-rabta mal-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7, ta’ talba għad-danni mressqa bejn partijiet kontraenti tiddependi mill-obbligu – “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” – li jservi ta’ kawża għat-talba (121). Fil-każ ta’ talbiet kumulattivi bbażati fuq “obbligi” distinti, kull waħda minnhom għandha tkun marbuta, individwalment, ma’ kategorija waħda jew oħra.

91.      Fil-fatt, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jitbiegħed, fir-rigward ta’ tali talbiet, mill-approċċ deskritt fil-qosor fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’mod ġenerali, il-kawża ta’ talba mressqa quddiem qorti tiddefinixxi l-kwistjonijiet li din tal-aħħar għandha tiddeċiedi fuqhom u, għaldaqstant, in-natura “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” tagħha.

92.      Fir-realtà, is-sentenzi Kalfelis u Brogsitter ivarjaw biss fir-rigward tal-metodu li jippermetti li jiġi identifikat l-“obbligu” li jservi ta’ kawża għal talba. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja hija parti mid-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu. Fit-tieni sentenza, hija pproponiet metodu ta’ klassifikazzjoni li huwa iktar oġġettiv, ibbażat fuq in-natura “indispensabbli” tal-“interpretazzjoni” jew tat-“teħid inkunsiderazzjoni” ta’ kuntratt sabiex “tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat” fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent (122).

93.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn il-metodi huma rikonċiljabbli, jew saħansitra komplementari.

94.      Fil-fatt, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 u l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, huwa loġiku, għall-qorti adita, li tikkunsidra, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu. Kif spjegajt fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-regoli jipprovdu lenti għall-interpretazzjoni tal-fatti u tal-“obbligu” li r-rikorrent jiddeduċi minnhom. Tali loġika, li tikkonsisti f’li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet legali sostantivi insostenn ta’ talba sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tagħha, inċidentalment tinsab fil-ġurisprudenza dwar dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament (123).

95.      B’mod konkret, jekk ir-rikorrent jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt u/jew dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli biss minħabba dan il-kuntratt, bħal dawk relatati mal-effett vinkolanti tal-klawżoli u mar-responsabbiltà tad-debitur minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali tiegħu (124), minn dan jiġi dedott li t-talba hija bbażata fuq “obbligu kuntrattwali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, jekk huwa jinvoka dispożizzjonijiet legali li jimponi dmir erga omnes, indipendentement minn kull impenn volontarju, it-talba hija bbażata, bħala prinċipju, fuq “obbligu ta’ delitt”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

96.      Fl-ipoteżi fejn ir-rikorrent ma jinvokax dispożizzjonijiet legali sostantivi fir-rikors tiegħu (125), il-metodu ma jinbidilx fundamentalment. Fil-fatt, kif indikajt, dawn ir-regoli ma humiex, fihom infushom, is-suġġett tal-klassifikazzjoni. Dawn jipprovdu sempliċement lenti għall-interpretazzjoni tal-fatti u l-indikazzjoni tal-“obbligu” li r-rikorrent irid jislet minnhom. B’mod konkret, jekk ir-rikors ma jindikax dispożizzjonijiet legali sostantivi, il-qorti għandha tislet minn elementi oħra tiegħu – bħall-espożizzjoni tal-fatti jew it-talbiet – l-“obbligu” invokati mir-rikorrent.

97.      F’dan il-kuntest, it-“test” li jirriżulta mis-sentenza Brogsitter jista’ jippermetti lill-qorti, f’każ ta’ dubju, tidentifika l-“obbligu” li jservi ta’ bażi għat-talba billi tbiddel il-perspettiva. Jekk l-“interpretazzjoni” jew it-“teħid inkunsiderazzjoni” ta’ kuntratt (jew forma oħra ta’ impenn volontarju) jidhrulha “indispensabbli” sabiex “tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat” fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent, minn dan hija għandha tiddeduċi li t-talba hija bbażata fuq il-ksur ta’ “obbligu kuntrattwali”: l-aġir ikkritikat f’din it-talba huwa illegali u jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-konvenut sa fejn huwa jikser tali “obbligu”, liema fatt jiddependi mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni u tad-dritt li għalih huwa applikabbli. Min-naħa l-oħra, jekk it-talba tkun ibbażata fuq il-ksur ta’ dmir impost bil-liġi erga omnes, ma jkunx meħtieġ li jkun hemm “interpretazzjoni” jew “teħid inkunsiderazzjoni” tal-kuntratt sabiex jiġi ddeterminat li l-aġir ikkritikat f’din it-talba huwa illegali, peress li dan id-dmir jeżisti irrispettivament minn dan il-kuntratt: l-illegalità ta’ dan l-aġir tiddependi fuq id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu l-imsemmi dmir (126).

98.      Kif sostniet il-Kummissjoni, is-sentenza Brogsitter tippermetti għalhekk lill-qorti tiddetermina l-klassifikazzjoni “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” ta’ talba skont il-punt ta’ riferiment li fir-rigward tiegħu għandha tevalwa l-legalità tal-aġir li r-rikorrent jikkritika fil-konfront tal-konvenut, skont jekk il-kwistjoni tkunx tirrigwarda kuntratt – u d-dritt applikabbli għalih – jew dispożizzjonijiet legali li jimponu dmir erga omnes, indipendentement minn tali kuntratt. Fil-fehma tiegħi, il-metodu li jirriżulta mis-sentenza Kalfelis u dak li jirriżulta mis-sentenza Brogsitter – sakemm tiġi interpretata b’dan il-mod – iwasslu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għall-istess riżultat, peress li l-aġir inkwistjoni u l-punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-legalità tiegħu jiddependu, bħala prinċipju, minn dak li huwa invokat mir-rikorrent fir-rikors tiegħu.

99.      Madankollu, is-sentenza Brogsitter tista’ tikkostitwixxi korrettiv għall-każijiet partikolari li fihom rikorrent jinvoka dispożizzjonijiet legali, meqjusa li huma ta’ natura ta’ delitt fid-dritt nazzjonali, li jimponu l-osservanza ta’ impenji kuntrattwali u li l-ksur tagħhom jippresupponi, għalhekk, il-ksur ta’ kuntratt. B’mod konkret, qiegħed nirreferi għall-każijiet li fihom il-ksur ta’ “obbligu kuntrattwali” jiġi ppreżentat, fih innifsu, bħala delitt (127). F’dawn il-każijiet, deċiżjoni dwar it-talba tkun timplika, essenzjalment, “interpretazzjoni” u “teħid inkunsiderazzjoni” tal-kuntratt inkwistjoni, għall-iskopijiet li jiġi stabbilit tali ksur u, konsegwentement, l-eżistenza tad-delitt allegat. Talba bħal din tqajjem għalhekk, fir-realtà, prinċipalment kwistjonijiet kuntrattwali. Għaldaqstant, għandu jitqies li talba bħal din tkun bbażata, essenzjalment, fuq il-ksur ta’ “obbligu kuntrattwali”, billi l-“obbligu ta’ delitt” li r-rikorrent jinvoka ma jkollux eżistenza awtonoma.

100. Fil-qosor, meta r-rikorrent jinvoka, fir-rikors tiegħu, regoli tad-dritt sostantiv li jimponu dmir erga omnes u ma jidhirx “indispensabbli” li jiġi stabbilit il-kontenut ta’ kuntratt sabiex tiġi evalwata n-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut, it-talba tkun ibbażata fuq “obbligu ta’ delitt” u taqa’, għaldaqstant, taħt “materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (128).

101. Min-naħa l-oħra, meta, indipendentement mid-dispożizzjonijiet legali invokati, il-qorti tista’ tevalwa l-legalità tal-aġir ikkritikat biss b’riferiment għal kuntratt, it-talba tkun ibbażata, essenzjalment, fuq “obbligu kuntrattwali” u taqa’, għaldaqstant, taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

102. Madankollu, għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet. Fl-ewwel lok, nosserva li, meħuda letteralment, is-sentenza Brogsitter tista’ tindika li l-“interpretazzjoni” jew it-“teħid inkunsiderazzjoni” ta’ kuntratt ma għandhom isiru fl-ebda stadju tal-eżami tad-delitt sabiex talba għad-danni taqa’ taħt “materji ta’ delitt”.

103. F’dan ir-rigward, jista’ jiġri li, fil-kuntest ta’ talba għal responabbiltà ta’ delitt, tqum ukoll kwistjoni preliminari jew inċidentali ta’ natura kuntrattwali. Kif ser nispjega fil-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi interpretat, b’mod preliminari, il-kuntratt li jorbot lil Wikingerhof ma’ Booking.com sabiex tiġi stabbilita l-materjalità ta’ ċerti fatti allegati mill-ewwel kumpannija fil-konfront tat-tieni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni (129).

104. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, talba għandha tiġi kklassifikata fid-dawl tal-kwistjonijiet ta’ liġi prinċipali mqajma fiha. L-eżistenza ta’ sempliċi kwistjoni preliminari jew inċidentali ta’ natura kuntrattwali li l-qorti għandha tiddeċiedi dwarha sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba ma tistax twassal għall-klassifikazzjoni tagħha (130). Fin-nuqqas, dan iwassal sabiex tingħata ġurisdizzjoni lill-forum tal-kuntratt sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba li ma tqajjimx, essenzjalment, kwistjonijiet kuntrattwali u li, għaldaqstant, ma għandhiex rabta partikolarment stretta ma’ dan il-forum. Tali riżultat imur kontra l-għan ta’ prossimità u, b’hekk, kontra l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (131). Għalhekk, is-sentenza Brogsitter ma tistax tiġi interpretata f’sens kuntrarju.

105. Fit-tieni lok, mis-sentenza Brogsitter ma jirriżultax b’mod ċar jekk in-natura “indispensabbli” tal-interpretazzjoni jew tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratt, sabiex jiġi ddeterminat jekk talba għad-danni taqax taħt “materji kuntrattwali” jew taħt “materji ta’ delitt”, għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-imsemmija talba, kif imressqa mir-rikorrent, jew anki fid-dawl ta’ motiv ta’ difiża eventwali mqajjem mill-konvenut quddiem il-qorti adita sabiex jopponi tali talba.

106. Qiegħed nirreferi, pereżempju, għal sitwazzjoni li fiha rikorrent iressaq azzjoni għal responsabbiltà ta’ delitt għal ksur tad-drittijiet tal-awtur, li fiha l-konvenut iqajjem l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ liċenzja bejn il-partijiet. Peress li d-delitt ta’ kontrafazzjoni jippreżupponi li terz jagħmel użu minn xogħol protett li jaqa’ taħt id-drittijiet esklużivi li l-liġi tirrikonoxxi lill-awtur tiegħu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan tal-aħħar (132), il-qorti għandha, sabiex tiddeċiedi fuq din l-azzjoni, tiddetermina jekk dan il-kuntratt jawtorizzax jew le l-użu kkontestat tax-xogħol. Jista’ jissemma wkoll l-eżempju ta’ talba għal responsabbiltà ta’ delitt, imressqa mill-vittma ta’ dannu fiżiku, li seħħ meta ntuża tagħmir sportiv, kontra s-sid ta’ dan it-tagħmir, li bħala oppożizzjoni għaliha dan tal-aħħar jinvoka klawżola tal-kuntratt tal-kiri li għandha l-għan li teżentah mir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward ta’ tali dannu.

107. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti adita ma għandhiex tevalwa l-ammissibbiltà jew il-fondatezza tat-talba, iżda għandha sempliċement tidentifika l-punti ta’ rabta mal-Istat tal-forum li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha skont dispożizzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Għal dan il-għan, din il-qorti tista’ tqis bħala stabbiliti l-allegazzjonijiet rilevanti tar-rikorrent(133). Fi kliem ieħor, il-qorti adita għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tat-talba mressqa mir-rikorrent, peress li l-motivi ta’ difiża mqajma mill-konvenut huma irrilevanti f’dan ir-rigward (134).

108. Konformement ma’ din il-loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li qorti adita b’azzjoni għal eżekuzzjoni ta’ kuntratt għandha ġurisdizzjoni taħt il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, anki meta l-konvenut iqajjem, bħala motiv ta’ difiża, l-ineżistenza (jew in-nullità) ta’ dan il-kuntratt (135). B’analoġija, qorti adita b’talba bbażata fuq “obbligu ta’ delitt” ma tistax tqis li din taqa’ taħt “materji kuntrattwali” għas-sempliċi raġuni li l-konvenut qajjem, bħala motiv ta’ difiża, l-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-partijiet. Hawnhekk ukoll, is-sentenza Brogsitter ma tistax tiġi interpretata f’sens kuntrarju. Il-kwistjoni ta’ ġustifikazzjoni jew eżenzjoni kuntrattwali eventwali għall-aġir ikkritikat tikkostitwixxi, hawnhekk ukoll, sempliċi kwistjoni inċidentali fil-kuntest tal-eżami tad-delitt.

109. Din l-interpretazzjoni tiggarantixxi, fil-fehma tiegħi, iċ-ċertezza legali, peress li tippermetti lill-qorti adita tivverifika ab initio il-ġurisdizzjoni tagħha, fir-rigwarda tat-talba, mingħajr ma tkun obbligata twettaq analiżi fil-fond tal-mertu u indipendentement mill-punt dwar jekk il-konvenut jiħux sehem fil-proċedura (136). Min-naħa l-oħra, ikun kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-għan ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li l-applikabbiltà tal-punt 1 tal-Artikolu 7 jew tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia tkun tiddependi minn motiv ta’ difiża, li tista’ titqajjem tardivament mill-konvenut (137). Barra minn hekk, dan ikun jimplika li huwa biżżejjed, għal dan tal-aħħar, li jinvoka l-eżistenza ta’ kuntratt li jorbtu mar-rikorrent sabiex jevita r-regola tal-ġurisdizzjoni f’“materji ta’ delitt” prevista fl-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 7 (138).

110. L-imsemmija interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkorroborata mis-sentenza Hi Hotel HCF (139). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li ngħatat ftit wara s-sentenza Brogsitter, rikorrent kien adixxa qorti, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, b’azzjoni għal responsabbiltà ta’ delitt ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. Il-konvenut oppona għal din l-azzjoni permezz ta’ kuntratt konkluż preċedentement bejn il-partijiet – li kien jipprevedi, fil-fehma tiegħu, trasferiment favurih tad-drittijiet inkwistjoni – u kkontesta, għal din ir-raġuni, l-eżistenza tad-delitt u r-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, essenzjalment, li l-qorti adita kellha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tat-talba ta’ natura ta’ delitt imressqa mir-rikorrent, indipendentement mill-motiv ta’ difiża kuntrattwali mqajjem mill-konvenut (140).

111. Għadhom iridu jiġu eżaminati żewġ punti qabel ma nagħlaq din it-taqsima. Fl-ewwel lok, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-klassifikazzjoni ta’ talba ma ssirx bl-istess mod meta l-partijiet ikunu marbuta b’kuntratt ta’ assigurazzjoni, ta’ konsum jew ta’ xogħol. Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (141), it-Taqsimiet 3, 4 u 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar it-talbiet, rispettivament, “fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni”, “dwar kuntratti tal-konsumatur” u “fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, għandhom għan ta’ protezzjoni tal-parti ż-żgħira fil-kuntratt – l-assigurat, il-konsumatur jew il-ħaddiem – (142) u huma ta’ natura imperattiva. Għalhekk, għandu jiġi evitat li l-parti l-oħra fil-kuntratt tkun tista’ tevita dawn it-taqsimiet billi tibbaża t-talba tagħha fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt. Barra minn hekk, l-imsemmija taqsimiet ma għandhomx, bħala tali, għan ta’ prossimità u l-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali li fuqu hija bbażata t-talba inkwistjoni ma hijiex neċessarja għall-funzjonament tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dawn jipprevedu. Għalhekk, it-talbiet kollha, imressqa bejn partijiet f’tali kuntratti, relatati ma’ tilwimiet li qamu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħhom, jaqgħu, bħala prinċipju, taħt dawn l-istess taqsimiet, irrispettivament mill-kawża ta’ dawn it-talbiet (143).

112. Fit-tieni lok, parti mid-duttrina (144) tissuġġerixxi li l-qorti tal-kuntratt għandha tingħata, skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, ġurisdizzjoni anċillari, sabiex tiddeċiedi dwar talbiet “ta’ delitt” marbuta mill-qrib mat-talbiet “kuntrattwali”, b’mod partikolari fit-tilwimiet li jinvolvu akkumulazzjoni potenzjali ta’ responsabbiltajiet. Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk hemmx lok li tiġi ċċarata, fuq dan il-punt, is-sentenza Kalfelis.

113. Nenfasizza li din il-kwistjoni hija differenti minn dik tal-klassifikazzjoni diskussa fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, meta talba msejsa fuq bażi legali meqjusa bħala ta’ delitt fid-dritt nazzjonali għandha tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, bl-applikazzjoni tas-sentenza Brogsitter, din ma tkunx tista’, fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni, titressaq quddiem il-qorti tad-delitt, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-ammissjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-kuntratt sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet “ta’ delitt”, fis-sens awtonomu tat-terminu, li huma anċillari għat-talbiet “kuntrattwali”, ma tipprekludix lir-rikorrent milli jressaq dawk tal-ewwel quddiem din l-istess qorti tad-delitt. Sempliċement, huwa jkollu wkoll l-għażla li jressaqhom kollha quddiem il-qorti tal-kuntratt.

114. Ċertament, il-prinċipju li jgħid li dak li huwa anċillari jsegwi dak li huwa prinċipali ma huwiex kompletament barrani għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Brussell Ia (145). Barra minn hekk, tali ġurisdizzjoni anċillari tippreżenta vantaġġi f’termini ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, peress li tippermetti ċerta ekonomija tal-ġudizzju.

115. Madankollu, fil-fehma tiegħi, jibqa’ l-fatt li, fir-redazzjoni attwali tiegħu, ir-Regolament Brussell Ia ma jawtorizzax tali soluzzjoni. Fil-fatt, infakkar li t-tipi ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti minn dan ir-regolament jiddependu mill-“materja” inkwistjoni. Il-punt 1 tal-Artikolu 7 u l-punt 2 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jiddistingwu b’mod ċar bejn it-talbiet ta’ natura “kuntrattwali” u dawk ta’ natura “ta’ delitt”. Għalhekk ma huwiex possibbli li talbiet li jaqgħu taħt it-tieni kategorija jintrabtu mal-punt 1 tal-Artikolu 7, mingħajr ma tiġi injorata din is-sistema u mingħajr ma jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar – li għandha, infakkar, tiġi interpretata strettament – lil hinn minn dak li jitlob l-għan tagħha, jiġifieri li kwistjonijiet kuntrattwali jkunu jistgħu jiġu eżaminati, skont l-għażla tar-rikorrent, mill-qorti li tinsab l-eqreb għall-obbligu kuntrattwali kontenzjuż (146). Huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprevedi tali ġurisdizzjoni anċillari, billi jemenda għal dan il-għan il-punt 1 tal-imsemmi Artikolu 7 jew billi jittrasforma r-regola ta’ konnessjoni prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament Brussell Ia f’bażi ta’ ġurisdizzjoni (147). Fl-istennija ta’ dan, kif indikajt fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rikorrent li jkun jixtieq iwettaq ekonomija tal-ġudizzju għandu l-għażla li jressaq it-talbiet kollha tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

C.      Il-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet għad-danni mressqa bejn partijiet kontraenti u bbażati fuq ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni

116. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif iċċarata fiż-żewġ taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-klassifikazzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà ċivili, bħal dik imressqa, f’dan il-każ, minn Wikingerhof kontra Booking.com ftit li xejn toħloq dubju fil-fehma tiegħi.

117. Infakkar li l-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji huma marbuta b’kuntratt ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din it-talba taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet, ipotetikament, tinvoka ksur ta’ dan il-kuntratt (148) lanqas ma huwa deċiżiv f’dan ir-rigward.

118. Fil-fatt, kif indikajt matul dawn il-konklużjonijiet, ir-rabta ta’ talba mal-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, jew mal-“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, tiddependi mill-kawża tagħha, jiġifieri l-obbligu li fuqu din it-talba hija (effettivament) ibbażata.

119. F’dan il-każ, Wikingerhof invokat, fir-rikors tagħha, ir-regoli Ġermaniżi tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dawn ir-regoli huma intiżi li jipproteġu s-suq u jimponu, għal dan il-għan, dmirijiet fuq kull impriża. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dritt Ġermaniż huwiex effettivament applikabbli għall-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex iddeterminat fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni (149), l-invokazzjoni tar-regoli inkwistjoni tindika li din il-kumpannija tinvoka l-allegat ksur, minn Booking.com, ta’ dmir impost mil-liġi indipendentement minn kuntratt jew minn impenn volontarju ieħor. Din l-azzjoni hija bbażata għalhekk fuq “obbligu ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (150).

120. In-natura “ta’ delitt” ta’ dan l-obbligu hija kkonfermata, kif irrilevaw ġustament Wikingerhof u l-Kummissjoni, mis-sentenza CDC Hydrogen Peroxide (151). F’din is-sentenza, li kienet tikkonċerna, infakkar, talbiet għal kumpens imressqa, fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, mix-xerrejja (152) ta’ prodott kimiku kontra impriżi li jimmanifatturaw dan il-prodott, peress li dawn tal-aħħar ipparteċipaw f’akkordju antikompetittiv li fil-kuntest tiegħu huma kienu ffissaw b’mod partikolari l-prezzijiet tal-prodott inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm ix-xerrejja ċertament ġew fornuti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ parteċipanti differenti fl-akkordju kkonċernat, “il-fatt li kkawża d-dannu allegat [kien] jinsab mhux fi ksur possibbli tal-obbligi kuntrattwali, iżda fil-limitazzjoni tal-libertà kuntrattwali minħabba dan l-akkordju, peress li din il-limitazzjoni twassal għall-impossibbiltà għax-xerrej li jikseb il-kunsinni tiegħu għal prezz iddeterminat skont il-liġijiet tas-suq” (153).

121. B’mod simili, f’dan il-każ, Wikingerhof ma tinvokax ksur tal-kuntratt li jorbotha ma Booking.com, iżda l-fatt li t-tieni kumpannija tuża b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha billi timponi kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni mhux xierqa fuq tal-ewwel, b’mod partikolari permezz tal-kundizzjonijiet ġenerali li hija tapplika għar-relazzjoni tagħhom.

122. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, sabiex “tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat”, ma jidhirx li huwa “indispensabbli” li jiġi interpretat il-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali, fis-sens tas-sentenza Brogsitter, u dan minkejja l-fatt li l-allegat aġir antikompetittiv invokat jimmaterjalizza ruħu fir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom (154).

123. Ċertament, peress li d-diversi prattiki kkritikati minn Wikingerhof lil Booking.com (155) jagħmlu parti mill-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom, ser ikun neċessarju li jiġi ddeterminat il-kontenut eżatt tal-impenji tagħhom sabiex tiġi stabbilita l-materjalità ta’ dawn il-prattiki. Nosserva, f’dan ir-rigward, li Wikingerhof issostni, b’mod partikolari, li meta Booking.com tippreżenta l-prezzijiet għal-lukanda tagħha bħala li huma iktar favorevoli, ma teżistix bażi kuntrattwali għal din il-prattika. Sa fejn il-partijiet ma jaqblux fuq dan il-punt (156), il-qorti jkollha tinterpreta l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com sabiex tistabbilixxi l-kontenut tagħhom, u dan ser jikkostitwixxi mingħajr dubju kwistjoni ta’ dritt tal-kuntratti, li taqa’ taħt il-lex contractus.

124. Madankollu, din hija sempliċi kwistjoni preliminari, li, bħala tali, ma tistax twassal għall-klassifikazzjoni tat-talba. Ladarba din il-kwistjoni preliminari tiġi deċiża u l-materjalità tal-aġir ikkritikat minn Wikingerhof lil Booking.com tiġi stabbilita, il-qorti ser ikollha tiddeċiedi l-kwistjoni prinċipali tal-legalità ta’ dan l-aġir, li tiddetermina l-prinċipju u l-portata tad-dritt għal kumpens (157).

125. Issa, il-punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata din il-legalità tal-imsemmi aġir ma huwiex il-kuntratt jew il-kundizzjonijiet ġenerali u d-dritt applikabbli għalihom, iżda, nirrepeti, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kwistjoni prinċipali dwar jekk il-prattiki adottati minn Booking.com iwassalx sabiex tiġi stabbilita ir-responsabbiltà tagħha tiddependi mill-kriterji tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, kif previsti minn dawn ir-regoli tal-aħħar.

126. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, u kif sostnew Wikingerhof u l-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk Booking.com wettqitx abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-imsemmija regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, tinqasam f’diversi subdomandi, jiġifieri, essenzjalment, l-ewwel nett, liema hija d-delimitazzjoni tas-suq rilevanti, it-tieni nett, liema huma r-relazzjonijiet ta’ saħħa bejn l-impriżi f’dan is-suq – sabiex isir magħruf jekk Booking.com għandhiex pożizzjoni dominanti fih – kif ukoll, it-tielet nett, liema huma l-effetti tal-prattiki kkritikati lil din il-kumpannija fir-rikors fuq l-imsemmi suq – sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kumpannija tabbużax minn din il-pożizzjoni eventwali.

127. Issa, dawn huma biss sempliċi kwistjonijiet ta’ dritt tal-kompetizzjoni, li għandhom jiġu deċiżi fir-rigward tar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Ruma II.

128. Il-kuntratt huwa inqas u inqas determinanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar in-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat minn Wikingerhof peress li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dan il-kuntratt lanqas ma jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, motiv ta’ difiża għal Booking.com (158). Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-ipoteżi ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li bħala oppożizzjoni għaliha l-konvenut jinvoka kuntratt ta’ liċenzja, imsemmija fil-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prattiki kkontestati, jekk jitqiesu illegali, ma jsirux legali minħabba li huma koperti, parzjalment jew totalment, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew mill-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għalihom, peress li kuntratt ma jistax “jawtorizza” aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni.

129. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jiena tal-parir li azzjoni bħal dik imressqa minn Wikingerhof taqa’ taħt “materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia.

130. Kif enfasizzaw Wikingerhof u l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ prossimità li għandu jintlaħaq mill-punt 1 tal-Artikolu 7 u mill-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, il-qorti tad-delitt hija l-iktar adatta sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet prinċipali mqajma fil-kuntest ta’ tali azzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni ta’ provi korrispondenti – kemm għal dak li jirrigwarda s-suq rilevanti, ir-relazzjonijiet ta’ saħħa f’dan is-suq jew l-effett tal-prattiki kkontestati fuq l-imsemmi suq (159).

131. Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tiżgura l-koerenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia u dak tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Ruma II.

132. L-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma titqegħidx f’dubju mill-argument ta’ Booking.com u tal-Gvern Ċek li jgħid li azzjoni bħal dik ta’ Wikingerhof taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, minħabba li, billi talbet il-waqfien ta’ allegat aġir antikompetittiv, Wikingerhof tfittex fir-realtà li tikseb emenda favur tagħha tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com u, b’hekk, drittijiet kuntrattwali ġodda.

133. Fil-fatt, peress li Wikingerhof ma għandhiex l-intenzjoni, permezz tal-azzjoni tagħha, li tikser ir-relazzjoni kuntrattwali li torbotha ma’ Booking.com, iżda li tiżgura li din tkompli b’osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, Booking.com għandha, jekk din l-azzjoni titqies fondata, tadatta inevitabbilment l-aġir tagħha fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali li hija timplimenta fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni, għal-limiti imposti minn dan id-dritt. F’dan ir-rigward, ma huwiex inabitwali, sa fejn naf jien, li l-waqfien ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti joħloq drittijiet ġodda għar-rikorrent, pereżempju meta l-abbuż jikkonsisti f’rifjut ta’ bejgħ jew fl-iffissar ta’ prezzijiet abbużivi. Fl-ewwel każ, il-waqfien tal-abbuż jimplika, b’mod konkret, li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi sforzata tidħol f’kuntratt mar-rikorrent u, fit-tieni każ – billi jiġi ssemplifikat xi ftit – li jitnaqqsu l-prezzijiet tagħha b’mod favorevoli għar-rikorrent.

134. Din l-interpretazzjoni lanqas ma titqiegħed f’dubju mill-argument ta’ Booking.com li jgħid li t-talba ta’ Wikingerhof hija intiża li tikseb in-nullità parzjali tal-kuntratt li jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji, peress li din timplika li jiġi vverifikat jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ewwel kumpannija jmorrux kontra d-dritt tal-kompetizzjoni u, konsegwentement, humiex nulli.

135. Ċertament, azzjoni għall-annullament ta’ kuntratt taqa’ taħt il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (160). Madankollu, kif sostniet Wikingerhof waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kumpannija ma tipprovax, permezz tat-talba tagħha, tikseb in-nullità tal-kuntratt li jorbotha ma’ Booking.com, fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt tal-kuntratti dwar il-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, in-nullità tad-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni tikkostitwixxi l-iktar l-iktar konsegwenza indiretta ta’ din it-talba (161).

136. L-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma titqiegħed f’dubju mill-argument ta’ Booking.com li jgħid li t-talba ta’ Wikingerhof taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, peress li din tal-aħħar tat “liberament il-kunsens tagħha”, fis-sens tal-ġurisprudenza relatata ma din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Booking.com, u dan anki kieku kellu jitqies li din il-kumpannija hija f’pożizzjoni dominanti.

137. L-argument ta’ Booking.com ikun, fil-fehma tiegħi, fondat kieku l-kuntest proċedurali kien invertit. Kieku din il-kumpannija kienet adixxiet qorti b’azzjoni għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha u li Wikingerhof kienet qajmet, bħala motiv ta’ difiża, li hija ma kinitx tat “liberament il-kunsens tagħha” għal dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, li l-impożizzjoni tagħhom tikkaratterizza, min-naħa ta’ Booking.com, abbuż ta’ użu inkompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni, din l-azzjoni tkun taqa’ taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (162). Fil-fatt, kif indikajt, din il-klassifikazzjoni tiddependi mit-talba mressqa mir-rikorrent, u mhux mill-motivi ta’ difiża mqajma mill-konvenut.

138. Madankollu, f’dan il-każ, Wikingerhof tinvoka, bħala konvenuta, “obbligu ta’ delitt” li jirriżulta mill-allegat ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest proċedurali, il-qorti adita għandha, sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha, tikkunsidra l-allegazzjonijiet ta’ Wikingerhof bħala stabbiliti, inkluż il-fatt li hija kellha taqbel mal-kundizzjonijiet ġenerali kontenzjużi minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ din il-kumpannija. Din l-aħħar kumpannija ma tistax għalhekk tibdel il-klassifikazzjoni tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali billi ssostni, fid-difiża tagħha, l-argument li jgħid li Wikinghof tat “liberament il-kunsens tagħha” għal dawn il-kundizzjonijiet ġenerali.

139. Finalment, l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Apple Sales International et (163), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, li tinsab f’kuntratt li jorbot distributur mal-fornitur tiegħu, tista’ tapplika fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa mill-ewwel wieħed kontra t-tieni wieħed fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, meta l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat jimmaterjalizza ruħu, bħal f’din il-kawża, fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom (164).

140. Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’, skont il-formulazzjoni tagħha, tikkonċerna t-tilwim kollu maħluq jew li ser jinħoloq fil-każ ta’ relazzjoni ġuridika partikolari (165). Dan it-“test” jirrikjedi xejn iktar u xejn inqas minn rabta (suffiċjentement diretta) bejn il-kuntratt ikkonċernat u t-talba inkwistjoni. Il-kawża tagħha ma hijiex determinanti f’dan il-kuntest. Għalhekk, tali konvenzjoni tista’ tapplika kemm fir-rigward ta’ talbiet f’“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, kif ukoll fir-rigward ta’ talbiet f’“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm teżisti tali rabta (166). Konsegwentement, l-interpretazzjoni li tgħid li azzjoni għal responsabbiltà ċivili, bħal dik imressqa minn Wikingerhof kontra Booking.com, taqa’ taħt il-“materji ta’ delitt”, hija kompletament kompatibbli mas-sentenza Apple Sales International et (167).

V.      Konklużjoni

141. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal responsabbiltà ċivili, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni taqa’ taħt “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż meta r-rikorrent u l-konvenut ikunu partijiet f’kuntratt u meta l-allegat aġir antikompetittiv li l-ewwel wieħed jikkritika fil-konfront tat-tieni wieħed jimmaterjalizza fir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3      Ser nuża t-terminu “materji ta’ delitt” iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.


4      Infakkar li r-Regolament Brussell Ia ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), li dan stess kien issostitwixxa l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni pprovduta minnha dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Brussell Ia. B’mod partikolari, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I tapplika wkoll għall-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 27)). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza dwar il-punt 3 tal-Artikoli 5 tal-ewwel żewġ strumenti tapplika b’analoġija għall-punt 2 tal-Artikolu 7 tat-tielet strument (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Konsegwentement, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi, għall-konvenjenza, biss għal dan l-aħħar regolament, filwaqt li nsemmi b’mod indifferenti s-sentenzi u l-konklużjonijiet dwar l-istrumenti li ppreċedewh.


5      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kalfelis”).


6      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992 (C‑26/91, EU:C:1992:268) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Handte”).


7      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Brogsitter”).


8      Ara, reċentement, id-domandi magħmula, f’dan ir-rigward, mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:310), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex, fl-aħħar mill-aħħar, tagħti deċiżjoni dwarhom.


9      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).


10      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 (ĠU 2007, L 199, p. 40).


11      Ara l-premessa 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II.


12      Infakkar li d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), ma tirregolax il-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u ta’ liġi applikabbli.


13      B’mod iktar preċiż, Wikingerhof ibbażat l-azzjoni tagħha fuq l-Artikolu 33 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni) (iktar ’il quddiem il-“GWB”), moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll fuq l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 19(2) tal-GWB u, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 20(1) tal-GWB.


14      Fil-fatt, dan il-post jikkorrispondi għas-sede ta’ Booking.com, li tinsab f’Amsterdam, li tikkostitwixxi ċ-ċentru tad-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ din il-kumpannija.


15      Fi kwalunkwe każ, skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, peress li din il-klawżola ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Brussell Ia.


16      Ara, fid-dritt tal-Unjoni, il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 23 sa 38), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 24). Għalkemm dawn is-sentenzi jirrigwardaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, is-soluzzjoni li tirriżulta minnhom tapplika wkoll għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali f’dan il-qasam. Fil-fatt, is-sors tar-regoli inkwistjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.


18      Ara l-Artikolu 63 tar-Regolament Brussell Ia.


19      Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell Ia.


20      Nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni previst fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Ser nillimita ruħi li nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” tkopri kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment li kkawża dan id-dannu. Għalhekk, meta dawn iż-żewġ postijiet ma jikkoinċidux, il-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-postijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punti 24 u 25), kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-post tal-avveniment kawżali jikkorrispondi, fil-qasam ta’ akkordju antikompetittiv, għall-post fejn dan l-akkordju ġie konkluż definittivament (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 43 sa 50)) u, fil-qasam tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, fil-post fejn l-operat abbużiv ġie implimentat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 52)). Fir-rigward tal-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li tintrabat mas-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv, li fi ħdanu l-vittma tallega li sofriet dannu (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, punti 37 sa 43), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punti 27 sa 37)).


21      Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija mistoqsija dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju. Infakkar sempliċement li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi identifikat il-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, għandu jiġi ddeterminat l-obbligu li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent u għandu jiġi evalwat, konformement mal-liġi applikabbli għal dan l-obbligu, il-post fejn dan twettaq jew għandu jitwettaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, EU:C:1976:133, punt 13), u De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punt 13)). Kriterju awtonomu ta’ dan il-“post tat-twettiq” huwa madankollu previst fil-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u għall-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta definizzjoni awtonoma u fattwali tal-post tat-twettiq tal-kuntratt, bl-obbligi kollha meħuda flimkien, billi tagħti importanza predominanti lid-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262); tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257), kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2010, Car Trim (C‑381/08, EU:C:2010:90)).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 28); tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 43), kif ukoll tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 51).


23      Wikingerhof u Booking.com ma jaqblux dwar dan il-punt. Ser nerġa’ lura għal dan l-aspett, b’mod partikolari, fit-Taqsima C ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      C‑603/17, EU:C:2019:65 (iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley”).


25      Il-kliem “matière contractuelle”, użat fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament Brussell Ia, li għalih jikkorrispondu b’mod partikolari l-verżjoni Spanjola, Taljana, Portugiża, Rumena, Finlandiża u Daniża ta’ dan ir-regolament, huwa relattivament wiesa’. Min-naħa l-oħra, il-kliem tal-verżjoni Ingliża (“in matters relating to a contract”), li huma ispirati minnha b’mod partikolari l-verżjoni Bulgara, Kroata, Olandiża jew anki Svediża, huwa intiż li jeżiġi l-eżistenza ta’ kuntratt, filwaqt li jiġi ssodisfatt b’sempliċi rabta bejnu u l-azzjoni. Il-verżjoni Ġermaniża hija, min-naħa tagħha, ħafna iktar preċiża u, f’dan il-każ, iktar eżiġenti mill-oħrajn (“wenn ein Vertrag oder Ansprüche aus einem Vertrag den Gegenstand des Verfahrens bilden”).


26      B’mod partikolari, il-verżjoni Ġermaniża, Spanjola, Taljana, Kroata u Rumena jikkorrispondu għall-verżjoni Franċiża. Il-verżjoni Ingliża (“in matters relating to tort, delict or quasi-delict”) hija simili. Il-verżjoni Olandiża (“ten aanzien van verbintenissen uit onrechtmatige daad”) tirreferi espliċitament għall-kunċett ta’ obbligi ta’ delitt. Il-verżjoni Portugiża (“Em matéria extracontratual”) tista’ tkun iktar wiesgħa, peress li tirreferi għall-obbligi mhux kuntrattwali kollha. Fl-aħħar nett, il-verżjoni Daniża (“i sager om erstatning uden for kontrakt”), Finlandiża (“sopimukseen perustumatonta vahingonkorvausta koskevassa asiassa sen paikkakunnan”) u Svediża (“om talan avser skadestånd utanför avtalsförhållanden”) jirriflettu l-idea ta’ azzjoni għad-danni fl-assenza ta’ kuntratt.


27      Ara, fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87, punti 9 u 10), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ta’ delitt”, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (punti 15 u 16) kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (punt 19); tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 16), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 37).


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 26), u tal‑10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 16).


30      Ara l-premessa 16 tar-Regolament Brussell Ia. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, EU:C:1976:133, punt 13); tal‑20 ta’ Frar 1997, MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 29), kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 26).


31      Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u, fir-rigward tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


32      Sentenza Handte (punt 15).


33      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005 (C‑27/02, EU:C:2005:33).


34      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punti 45 u 51).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39), kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Ordre des avocats du barreau de Dinant (C‑421/18, EU:C:2019:1053, punti 25 u 26).


36      Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet din id-definizzjoni fir-Regolament Ruma I, konformement mal-għan ta’ koerenza fl-interpretazzjoni tar-Regolamenti Brussell Ia, Ruma I u Ruma II (ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “obbligi kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma I, jindika “obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra”. Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 44).


37      Fil-fehma tiegħi, permezz ta’ din il-formulazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għall-obbligi imposti minħabba kuntratt. Fil-fatt, l-obbligi kuntrattwali huma kemm dawk stipulati mill-partijiet fil-kuntratt kif ukoll dawk li l-liġi timponi, b’mod supplimentari jew imperattiv, għal dan it-tip ta’ kuntratt. Fi kwalunkwe każ, l-obbligi kuntrattwali għandhom l-ewwel sors tagħhom fil-liġi, peress li dawn għandhom effett vinkolanti biss bejn il-partijiet sa fejn dan ikun previst mil-liġi (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (nota ta’ qiegħ il-paġna 50)).


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punti 14 u 16), tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 30), kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 59). L-obbligi kollha li jirriżultaw minn kuntratt għandhom jitqiesu bħala “assunti liberament”, mingħajr ma jkun neċessarju li d-debitur ikun ta l-kunsens individwalment għal kull wieħed minnhom. Meta jaċċettaw li jidħlu f’kuntratt, il-partijiet jaċċettaw l-obbligi kollha imposti minħabba l-impenn tagħhom.


39      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436, punt 49). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja assimilat ma’ kuntratt “relazzjoni kuntrattwali taċita” (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 24 sa 27)).


40      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87, punt 13).


41      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn (C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 16).


42      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punti 53 u 54).


43      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr (C‑25/18, EU:C:2019:376, punti 27 sa 29).


44      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 22), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr (C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 23).


45      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 53).


46      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punti 48 u 49).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 48).


48      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1977, Sanders (73/77, EU:C:1977:208, punti 17 u 18), u tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 25). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Gabriel (C‑96/00, EU:C:2001:690, punti 44 sa 46).


49      Ara, fl-istess sens, Minois, M., Recherche sur la qualification en droit international privé des obligations, LGDJ, Pariġi, 2020, p. 174 sa 180.


50      Sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 61); tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 48), kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 44).


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1988, Arcado (9/87, EU:C:1988:127, punti 12 u 13). Din l-idea hija espressa b’modi differenti fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134): “obbligu kuntrattwali li jservi ta’ bażi għall-azzjoni” (punt 11); “obbligu […] li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent” (punt 13), jew anki “obbligu […] li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali invokat sabiex tiġi ġġustifikata t-talba” (punt 15 u d-dispożittiv). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2017:787, punt 54).


52      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża Industrie Tessili Italiana Como (12/76, mhux ippubblikati, EU:C:1976:119, Ġabra p. 1489) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punt 44). Peress li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia ma japplikax biss għall-kuntratti, jiena nittratta f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet legali kollha li jimponu obbligi minħabba impenn volontarju ta’ persuna fil-konfront ta’ persuna oħra.


53      L-Artikolu 12 tar-Regolament Ruma I fih, inċidentalment, lista mhux eżawrjenti tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-lex contractus, li tipprovdi, fil-fehma tiegħi, indikazzjonijiet rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk talba taqax taħt “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1988, Arcado (9/87, EU:C:1988:127, punt 15).


54      Dan ma jfissirx li l-qorti tal-kuntratt bilfors ser tapplika d-dritt tagħha stess. Fil-fatt, il-forum li għandu ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia ma jikkoinċidix neċessarjament mal-liġi magħżula skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I. Dan lanqas ma jfisser li l-qorti tal-kuntratt ser tapplika neċessarjament, fil-mertu, id-dritt tal-kuntratti sabiex tiddeċiedi l-kwistjonijiet imqajma quddiemha. Fil-fatt, kwistjoni meqjusa bħala “kuntrattwali”, fis-sens tal-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, tista’ titqies, fid-dritt sostantiv applikabbli, bħala li hija ta’ natura ta’ delitt, eċċ.


55      Ara, fl-istess sens, Minois, M., op. cit., p. 174 u 180 sa 186. Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jikkorrispondi għalhekk għal dak tar-Regolament Ruma I, il-koinċidenza ma hijiex perfetta. Pereżempju, filwaqt li l-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 7 japplika għal ċerti azzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji (ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament Ruma I jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan id-dritt.


56      Ara, b’mod partikolari, it-talbiet inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punti 2 u 18); tat‑8 ta’ Marzu 1988, Arcado (9/87, EU:C:1988:127, punt 12), kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C‑288/92, EU:C:1994:268, punti 2 u 11).


57      Ara, pereżempju, it-talbiet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punti 3 u 14), u tat‑8 ta’ Marzu 1988, Arcado (9/87, EU:C:1988:127, punt 13).


58      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Ruma I.


59      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282, punti 54 u 58). F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Ruma I jirriżulta li l-kwistjoni tal-eżistenza u dik tal-validità tal-kuntratt jaqgħu taħt il-lex contractus.


60      Ara, b’mod partikolari, Gaudemet-Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ, Pariġi, ir-raba’ edizzjoni, 2010, p. 165 sa 177; Briggs, A., Civil Jurisdiction and Judgments, Informa Law, Oxon, 2015, is-sitt edizzjoni, p. 209 sa 220; Niboyet, M.‑L., Geouffre de la Pradelle, G., Droit international privé, LGDJ, Issy-les-Moulineaux, il-ħames edizzjoni, 2015, p. 346 u 347; Calster (van), G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 136 sa 139; Magnus, U., Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation – Commentary, Otto Schmidt, Cologne, 2016, p. 162 sa 189; Hartley, T., Civil Jurisdiction and Judgments in Europe – The Brussels I Regulation, the Lugano Convention, and the Hague Choice of Court Convention, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 107 sa 114, kif ukoll Minois, M., op. cit.


61      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (punt 18); tal‑1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C-167/00, EU:C:2002:555, punt 36), kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 19).


62      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punti 19 u 20); tal‑1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 41), kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 21).


63      Ara, rispettivament, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punti 19 sa 28), u s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punti 41 sa 54).


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punti 25 u 27); tat‑18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 35 sa 38), kif ukoll tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punti 37 u 50). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punt 59).


65      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma II, huwa obbligu li japplika għal fatt dannuż, arrikkiment indebitu, ġestjoni tan-negozju jew “culpa in contrahendo” (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 45 u 46)). Madankollu, nenfasizza li għalkemm l-“obbligi ta’ delitt” li jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jikkostitwixxu l-qalba tar-Regolament Ruma II, dan tal-aħħar madankollu għandu kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’, peress li ma jkoprix biss l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn fatt dannuż, iżda wkoll dawk li jirriżultaw minn kważi kuntratti bħall-arrikkiment indebitu jew il-ġestjoni tan-negozju (ara, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Ruma II).


66      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża Reichert u Kockler (C‑261/90, mhux ippubblikati, EU:C:1992:78, Ġabra p. 2169); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punti 55 u 57), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:487, punt 98). Bħalma affermat Wikingerhof, dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, ta’ talba għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu, meta din ma tirriżultax min-nullità ta’ kuntratt (ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 55)), peress li tali talba hija bbażata fuq obbligu li ma jirriżultax minn fatt dannuż (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punti 54 sa 75)).


67      Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 18).


68      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence (C‑618/15, EU:C:2016:976), u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II.


69      Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28), u tat‑3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215), kif ukoll l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II.


70      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475), u l-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II.


71      Ara, b’mod partikolari, Gaudemet-Tallon, H., op. cit., p. 217 sa 219; Briggs, A., op. cit., p. 238 sa 250; Calster (van), G., op. cit., p. 144 sa 147; Magnus, U., Mankowski, P., op. cit., p. 262 sa 276, kif ukoll Hartley, T., op. cit., p. 125 sa 126.


72      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Handte (C‑26/91, mhux ippubblikati, EU:C:1992:176, punt 16), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 67).


73      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brogsitter, punt 23.


74      Pereżempju, jekk bankier u l-klijent tiegħu jirrisjedu fl-istess proprjetà immobbli u l-ewwel wieħed iħarrek lit-tieni minħabba problemi mhux normali ta’ viċinat.


75      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 68).


76      Fil-fatt, is-sistemi nazzjonali kollha ma jagħtux l-istess kamp għar-responsabbiltà kuntrattwali u għar-responsabbiltà ta’ delitt, b’mod li s-sovrappożizzjonijiet bejn dawn iż-żewġ responsabbiltajiet ma jippreżentawx ruħhom bl-istess frekwenza. Dawn is-sovrappożizzjonijiet potenzjali huma partikolarment numerużi, pereżempju, fid-dritt Franċiż. Minn naħa, ir-responsabbiltà kuntrattwali hija stabbilita fih fil-parti l-kbira peress li, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) għandha tendenza li tinkludi fil-kuntratt obbligi ta’ sigurtà u ta’ informazzjoni, li huma t-traduzzjoni ta’ dmirijiet ġenerali imposti mil-liġi, kif ukoll obbligi dedotti mir-rekwiżit ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-ftehimiet. Min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà ta’ delitt hija wkoll ta’ natura miftuħa, peress li r-regoli f’dan il-qasam huma intiżi li jkopru l-fatti dannużi kollha li jistgħu jseħħu fil-ħajja soċjali. Ara, f’dan ir-rigward, Ancel, P., “Le concours de la responsabilité délictuelle et de la responsabilité contractuelle”, Responsabilité civile et assurances, Nru 2, Frar 2012, fajl 8, punti 2 sa 11.


77      Ara l-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Apple Sales International et (C‑595/17, EU:C:2018:854).


78      Ara l-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245); tat‑3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215), kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development (C‑666/18, EU:C:2019:1099).


79      Fid-dritt sostantiv tal-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet kuntrattwali u ta’ delitt jistgħu jiġu suġġetti għal sistemi differenti f’termini ta’ oneru tal-prova, ta’ kundizzjonijiet ta’ kumpens, ta’ preskrizzjoni, eċċ. Għalhekk jista’ jkun fl-interess ta’ rikorrent li jagħżel rimedju wieħed jew l-ieħor. Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth et Hurley (nota ta’ qiegħ il-paġna 51).


80      Ara, dwar id-dritt Ingliż, Fentiman, R., International Commercial Litigation, Oxford University Press, Oxford, it-tieni edizzjoni, 2015, p. 177, 178 u 279. Tali akkumulazzjoni ma tagħtix dritt għal kumpens doppju għall-istess dannu. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iżid il-possibbiltajiet tiegħu li jikseb il-kumpens mitlub.


81      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development (C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 23), kif ukoll Gout, O., “Le cumul des responsabilité contractuelle et extracontractuelle en droit belge et en droit français: de la genèse des règles aux perspectives d’évolution”, f’Van den Haute, E., Le droit des obligations dans les jurisprudences française et belge, Bruylant, Brussell, 2013, p. 123-146.


82      L-istess kwistjoni tqum, fil-kuntest tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, peress li dawn ir-regolamenti jipprevedu kriterji ta’ rabta differenti skont jekk obbligu huwiex “kuntrattwali”, fis-sens tal-ewwel regolament, jew “mhux kuntrattwali”, fis-sens tat-tieni wieħed.


83      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Kalfelis (189/87, mhux ippubblikati, EU:C:1988:312, punti 25 sa 30).


84      Sentenza Kalfelis (punt 19). Fil-fehma tiegħi, mir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mingħajr dubju li l-kuntrarju huwa veru wkoll: il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talbiet “kuntrattwali” ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talbiet imsejsa fuq bażijiet mhux kuntrattwali.


85      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 74); Hess, B., Pfeiffer, T., u Schlosser, P, Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States, JLS/C4/2005/03, 2007, punt 192, kif ukoll Zogg, S., “Accumulation of Contractual and Tortious Causes of Action Under the Judgments Regulation”, Journal of Private International Law, 2013, vol. 9, Nru 1, p. 39 sa 76, b’mod speċjali p. 42-43.


86      Ser nerġa’ lura għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni anċillari fil-punti 112 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


87      Fil-fatt, obbligu ma jeżistix f’lakuna legali. Dan l-obbligu jirriżulta minn sitwazzjoni fattwali li tinvolvi, skont dispożizzjoni legali waħda jew iktar, ċerti konsegwenzi legali. Is-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni u l-konsegwenzi legali li hija twassal għalihom diffiċilment jistgħu jinftiehmu b’mod indipendenti mid-dispożizzjonijiet legali kkonċernati, u eżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jippermetti li tiġi identifikata n-natura tal-obbligu inkwistjoni. Ara House of Lords (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit) (Lord Millet), Agnew v Länsforsäkringsbolagens AB, [2001] 1 AC 223, punt 264; Bollée, S., “La responsabilité extracontractuelle du cocontractant en droit international privé”, f’d’Avout, L., Bureau, D., Muir-Watt, H., Mélanges en l’honneur du professeur Bernard Audit – Les relations privées internationales, LGDJ, Issy-les-Moulineaux, 2014, p. 119 sa 135, b’mod speċjali p. 132-133; Scott, A., “The Scope of ‘Non-Contractual Obligations’”, f’Ahern, J, Binchy, W., The Rome II Regulation on the Law Applicable to Non-Contractual Obligations, Martinus Nijhoff Publishers, 2009, p. 57-83, b’mod speċjali p. 58-62, kif ukoll Minois, M., op. cit., p. 129-130. Il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tapplika tali metodu, li jikkonsisti minn regoli sostantivi invokati sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi tal-obbligu li għandu jiġi kklassifikat. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punti 17 sa 19); tat‑18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 35 u 36), kif ukoll tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punti 27 u 37).


88      B’mod simili, fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet, l-istess fatt dannuż jista’ jinftiehem mill-perspettiva ta’ żewġ obbligi distinti, wieħed “kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma I, u l-ieħor “mhux kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma II.


89      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013 (C‑228/11, EU:C:2013:305).


90      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 21). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punti 16 sa 21), u tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 43). Ara wkoll, fil-livell nazzjonali, Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), is-27 ta’ Mejju 2008, [2009] IPRax, p. 150-151, kif ukoll Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) l-Ewwel Awla Ċivili, is-26 ta’ Ottubru 2011, Nru 10-17.026.


91      Sentenza Brogsitter, punti 20 u 21.


92      Sentenza Brogsitter, rispettivament punti 24, 25 u 26.


93      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 80). Ara, insostenn ta’ din l-interpretazzjoni tas-sentenza Brogsitter, b’mod partikolari, Briggs, A., op. cit., p. 217 sa 219, 239, u 247 sa 250, kif ukoll Haftel, B., “Absorption du délictuel par le contractuel, application du Règlement (CE) n° 44/2001 à une action en responsabilité délictuelle”, Revue critique de droit international privé, 2014, Nru 4, p. 863.


94      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 88). Ara wkoll, b’din l-interpretazzjoni tas-sentenza Brogsitter, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 48); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Granarolo (C‑196/15, EU:C:2015:851, punti 14 u 18); Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit), id-19 ta’ Awwissu 2016, Peter Miles Bosworth, Colin Hurley v Arcadia Petroleum Ltd & Others, [2016] EWCA Civ 818, punt 66; Weller, M., “EuGH: Vertragsrechtliche Qualifikation vertragsakzessorischer Ansprüche” LMK 2014, 359127, kif ukoll Hartley, T., op. cit., p. 108 u 109.


95      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punti 32 u 71), u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 21).


96      Fid-dritt sostantiv, id-diverġenzi li jeżistu fis-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tat-trattament tal-akkumulazzjonijiet tar-responsabbiltajiet jirriflettu b’mod partikolari l-punt dwar jekk huwiex leġittimu jew le li rikorrent ikun jista’ jagħżel is-sistema ta’ responsabbiltà l-iktar favorevoli għall-interessi tiegħu. Barra minn hekk, fid-dritt Franċiż u Belġjan, ir-regola ta’ “nuqqas ta’ akkumulazzjoni” hija intiża sabiex tiżgura l-effikaċja tal-arranġamenti konvenzjonali ta’ responsabbiltà. F’dan ir-rigward, filwaqt li dawn id-drittijiet ma jippermettux li jiġu organizzati kuntrattwalment minn qabel ir-regoli tar-responsabbiltà ta’ delitt, li huma ta’ ordni pubbliku, id-dispożizzjonijiet dwar id-danni kuntrattwali jistgħu, għall-kuntrarju, iwasslu għal tali arranġamenti, peress li l-partijiet jistgħu, b’mod partikolari, jiddefinixxu mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ ftuħ tad-dritt għal kumpens u b’hekk inaqqsu jew jaggravaw ir-responsabbiltà kuntrattwali. Ara, b’mod partikolari, Gout, O., op. cit.


97      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 83).


98      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87, punt 17); tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27), kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61).


99      Ara, fl-istess sens, Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 167; Calster (van), G., op. cit., p. 164, kif ukoll Haftel, B., op. cit.


100      Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:310), fejn kien stabbilit bejn il-partijiet li l-aġir ikkritikat fil-qasam ta’ delitt seta’ jikkostitwixxi wkoll nuqqas kuntrattwali.


101      Pereżempju, jekk il-klijent ta’ lukanda jaqa’ fil-parkeġġ tal-istabbiliment u jikkritika lill-operatur tiegħu bħala responsabbli, tali azzjoni tista’ tkun ibbażata biss, f’sistemi legali differenti, fuq il-ksur ta’ dmir ġenerali ta’ sigurtà u għalhekk taqa’ biss taħt ir-responsabbiltà ta’ delitt. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Franċiż, obbligu ta’ sigurtà huwa integrat fil-kuntratt ta’ akkomodazzjoni. L-istess japplika f’numru ta’ sitwazzjonijiet simili (persuna li tiżloq fuq il-pjattaforma ta’ stazzjon waqt li tkun qiegħda tistenna l-ferrovija tagħha, f’ħanut tax-xagħar, eċċ.). Ara Minois, M., op. cit., p. 92 u 93.


102      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament indikat, fil-punt 24 tas-sentenza Brogsitter, li l-obbligi kuntrattwali għandhom ikunu “iddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt”, nammetti li nsib diffikultajiet sabiex niżviluppa tali analiżi. Lil hinn mill-punti dwar dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tfisser permezz ta’ dan is-“suġġett” u dwar jekk dan għandux jiġi ddefinit b’mod awtonomu, il-kontenut tal-kuntratti kollha ma huwiex evidenti. Għalkemm huwa possibbli li jkunu magħrufa l-obbligi prinċipali ta’ ċerti kuntratti kurrenti mingħajr il-bżonn li jsir riferiment għal-lex contractus, dan ma japplikax għall-obbligi l-oħra li jirriżultaw minnhom. Barra minn hekk, infakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia jista’ japplika għal varjetà kbira u multipliċità ta’ kuntratti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punt 17)).


103      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 88), u Haftel, B., op. cit. B’mod ġenerali, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Brussell Ia ma għandhiex tiddependi mil-liġi applikabbli (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 55)). Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, EU:C:1976:133), esposta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija, u fil-fehma tiegħi għandha tibqa’, eċċezzjoni f’dan ir-rigward.


104      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 39).


105      Pereżempju, il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia tipprevali fuq regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament.


106      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-fatt dannuż huwa manifestament konness iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-artikolu, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq relazzjoni preeżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mal-fatt dannuż inkwistjoni. Mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (COM (2003) 427 final, p. 13), jirriżulta li din is-soluzzjoni ġiet prevista għal tali akkumulazzjonijiet ta’ responsabbiltajiet. Għalhekk, fil-każ ta’ tali akkumulazzjoni, jeżistu kemm “obbligu kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma I, kif ukoll “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma II. Madankollu, l-istess Artikolu 4(3) jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li tiġi applikata għat-tieni obbligu l-istess liġi bħal għall-ewwel wieħed. Madankollu, dan ma japplikax fil-każijiet kollha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


107      Infakkar li, bħala prinċipju, l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma II iħalli lill-partijiet il-possibbiltà li jagħżlu l-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali. L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament lanqas ma huwa applikabbli, fil-fehma tiegħi, f’tali ipoteżi.


108      Ara l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I.


109      Ara, fl-istess sens, Dickinson, A., “Towards an agreement on the concept of ‘contract’ in EU Private International Law?”, Lloyd’s Maritime and Commercial Law Quarterly, 2014, p. 466 sa 474, b’mod speċjali p. 473.


110      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 90).


111      Ara, b’mod partikolari, Briggs, A., op. cit.


112      Madankollu, il-forum indikat mill-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia u, mill-inqas, wieħed mill-forums indikati mill-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ikunu jikkoinċidu. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post fejn seħħ id-dannu fil-każ ta’ trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija kien jikkorrispondi mal-post fejn it-trasportatur kellu jikkunsinna l-merkanzija.


113      Ara s-sentenza Kalfelis (punt 20) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 85).


114      B’mod partikolari, l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili li jaqgħu taħt il-“private enforcement” spiss jinvolvu rikorrent li jaġixxi kontra diversi konvenuti – pereżempju, id-diversi impriżi membri ta’ akkordju antikompetittiv – u jidher opportun li tal-ewwel ikun jista’ jħarrek lil dawn il-konvenuti flimkien quddiem il-forum tad-delitt. Din il-possibbiltà ma għandhiex tiġi mfixkla mill-fatt li waħda minn dawn l-impriżi tkun il-parti kontraenti tar-rikorrent.


115      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 84), kif ukoll Haftel, B., op. cit. B’mod simili, il-fatt li r-rikorrent ikun jista’ jinvoka, għall-istess fatt dannuż, “obbligu kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma I, u/jew “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Ruma II, joffri lir-rikorrent il-possibbiltà ta’ ċerta law shopping.


117      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 85), kif ukoll Fentiman, R., op. cit., p. 278.


118      Fil-fehma tiegħi, tali abbuż jeżisti meta r-rikorrent juża d-dritt tiegħu li jagħżel l-iskop tiegħu bl-uniku għan li jikkawża ħsara lill-konvenut, jew meta jadixxi qorti li huwa jkun jaf sew li ma għandhiex ġurisdizzjoni b’għan purament dilatorju jew li jirrikorri għal tekniki oħra ta’ fastidju proċedurali fil-konfront tal-konvenut. Ara, b’mod partikolari, Usunier, L., “Le règlement Bruxelles I bis et la théorie de l’abus de droit”, f’Guinchard, E., Le nouveau règlement Bruxelles I bis, Bruylant, Brussell, 2014, p. 449-480.


119      B’mod iktar preċiż, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-mertu, il-lex causea tipprevedix ir-regola ta’ “nuqqas ta’ akkumulazzjoni”. Fil-każ ta’ talbiet kumulattivi bbażati fuq żewġ “obbligi” distinti, jista’ jkollhom jiġu eżaminati żewġ leges causea fuq dan il-punt. F’dan il-każ, tista’ tkun rilevanti wkoll il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli proċedurali tal-qorti adita, li jaqgħu taħt il-lex fori, jawtorizzawx it-tressiq ta’ talbiet kumulattivi għall-istess fatt dannuż. Ara, għal iktar dettalji, Plender, R., u Wilderspin, The European Private International Law of Obligations, Sweet & Laxwell, London, ir-raba’ edizzjoni, 2015, p. 67 sa 71.


120      Ara l-punt 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


121      B’mod partikolari, l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 26 tas-sentenza Brogsitter, li tgħid li hija l-qorti tar-rinviju li għandha “tiddetermina jekk l-azzjonijiet mressqa […] għandhomx bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali” għandha, fil-fehma tiegħi, tinftiehem b’dan il-mod.


122      Ara s-sentenza Brogsitter (punti 25 u 26). Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din l-aħħar sentenza, ispirat ruħha mill-ġurisprudenza tagħha dwar l-azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili kontra l-Unjoni. Infakkar li t-Trattat FUE jipprevedi, f’dan il-qasam, tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali: filwaqt li l-kawżi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel qrati (ara l-Artikolu 256(1), l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE), dawk relatati mar-responsabbiltà kuntrattwali ta’ din tal-aħħar jaqgħu, ħlief fil-każ ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kuntrarja, taħt il-ġurisdizzjoni tat-tieni (ara l-Artikoli 272 u 274 TFUE). Skont din il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni għal responsabbiltà ċivili mressqa kontra l-Unjoni taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux sempliċement jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet legali invokati mir-rikorrent. Dawn l-qrati huma obbligati li jivverifikaw jekk ir-rikors għad-danni li bih huma aditi għandux bħala suġġett talba għad-danni bbażata b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dawn il-finijiet, l-imsemmija qrati għandhom jivverifikaw, fir-rigward ta’ analiżi tal-elementi differenti tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjoni legali allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet, jekk jeżisti bejniethom kuntest kuntrattwali, marbut mas-suġġett tat-tilwima, li l-eżami ddettaljat tiegħu jirriżulta indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż. F’dan il-kuntest, l-azzjoni ser titqies bħala li hija bbażata fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jekk mill-analiżi preliminari tal-imsemmija elementi jirriżulta li hemm bżonn li jiġi interpretat kuntratt wieħed jew iktar konklużi bejn il-partijiet inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punti 61 sa 67), kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il‑Kummissjoni (C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punti 28 sa 30)).


123      B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia skont l-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament, dwar “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”, għandu jiġi vverifikat jekk din “tislitx il-bażi legali tagħha mil-liġi dwar il-falliment” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punt 4), u, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Tiger et (C‑493/18, EU:C:2019:1046, punt 27)). Bl-istess mod, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni hijiex “fil-qasam tad‑drittijiet tal-proprjetà immobbli in rem”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, hemm lok li jiġi vverifikat jekk din hijiex “ibbażata fuq dritt in rem” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et (C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 45)). Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni hijiex “fi proċedimenti [ta’] validità tad-deċiżjonijiet tal-organi [ta’ kumpanniji]”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent jikkontestax il-validità ta’ deċiżjoni ta’ korp ta’ kumpannija “taħt id-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tal-korpi tagħha” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 40)).


124      Ara, pereżempju, Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit), id-9 ta’ Awwissu 2018, Cristiano Committeri v Club Méditerranée SA and others, [2018] EWCA Civ 1889.


125      Fil-fatt, filwaqt li ċerti drittijiet nazzjonali, fosthom id-dritt Ingliż, jimponu fuq ir-rikorrenti li jindikaw biss il-fatti u s-suġġett tat-talba tagħhom, iżda wkoll ir-regoli ġuridiċi li huma jibbażaw fuqhom, ordinamenti ġuridiċi oħrajn, fosthom id-dritt Franċiż, ma jimponux fuq ir-rikorrenti tali rekwiżit. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 86).


126      Ara, f’dan l-istess sens, Weller, M., op. cit. Fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet, l-obbligi “kuntrattwali” u “ta’ delitt” li jirrigwardaw l-istess fatt dannuż huma, bħala prinċipju, indipendenti minn xulxin. Pereżempju, fil-każ ta’ dannu ikkawżat minn prodott difettuż, imsemmi fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk kienx hemm ksur ta’ dmir legali fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti indipendentement mill-kuntratt ta’ bejgħ. Fil-fatt, dan id-dmir huwa impost irrispettivament mill-kuntratt inkwistjoni u, għalhekk, bl-ebda mod ma huwa “indispensabbli” li jkun hemm “teħid inkunsiderazzjoni” jew “interpretazzjoni” ta’ dan il-kuntratt sabiex jiġi ddeterminat li huwa illegali li jiġi mmanifatturat prodott li jkun fih difett ta’ sigurtà jew dak li tikkostitwixxi tali difett.


127      Fil-fatt, is-sentenza Brogsitter tista’ tinftiehem fis-sens li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur tal-obbligu ta’ esklużività li allegatament rabat lill-partijiet minħabba l-kuntratt ikkaratterizza, fih innifsu, id-delitti invokati. It-talbiet imressqa fuq bażi ta’ delitt u dawk imressqa fuq bażi kuntrattwali kienu għalhekk ibbażati, għall-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment fuq l-istess obbligu, jiġifieri l-“obbligu kuntrattwali” ta’ esklużività.


128      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punti 79 u 83).


129      Nieħdu eżempju ieħor, li fih X għandu kuntratt ma’ Y, u Z iħeġġeġ lil Y jikser dan il-kuntratt. Jekk X iħarrek lil Z, fuq il-bażi tar-responsabbiltà ta’ delitt talli ħeġġeġ deliberatament lil Y jikser il-kuntratt, għandu jistabbilixxi li Y wettaq tali ksur. Il-qorti għandha, għal dan il-għan, tinterpreta l-kuntratt. Din hija kwistjoni preliminari, li tippermetti li tiġi stabbilita l-materjalità ta’ fatt rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ talba li b’xi mod ieħor tkun “ta’ delitt” (ara Hartley, T., op. cit., p. 109).


130      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Rich (C‑190/89, EU:C:1991:319, punti 26 sa 28); tal‑14 ta’ Novembru 2002, Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punti 46 u 47), kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt (C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 25). Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet, kull waħda mill-kwistjonijiet ta’ liġi mqajma perezz ta’ talba għandha, bħala prinċipju, tiġi kklassifikata b’mod separat. Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 50 sa 62); tas‑7 ta’ April 2016, KA Finanz (C‑483/14, EU:C:2016:205, punti 52 sa 58), kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punti 35 sa 60). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Verein für Konsumenteninformation (C‑272/18, EU:C:2019:679, punt 51).


131      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 39).


132      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


133      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 50), kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 62).


134      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C‑288/92, EU:C:1994:268, punt 19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-qorti adita ma għandhiex tkun obbligata, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha, “tieħu inkunsiderazzjoni […] il-motivi invokati mill-konvenut”. Fuq dan il-punt, fil-fehma tiegħi, ma hemmx kontradizzjoni bejn din l-affermazzjoni u l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-qorti adita għandha, fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha, “tevalwa l-elementi kollha li għandha quddiemha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut” (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 46)). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti adita għandha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan l-istadju, mhux il-motivi ta’ difiża mqajma fil-mertu mill-konvenut, iżda l-argumenti eventwali tiegħu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni – dwar, pereżempju, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, eċċ. (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Kolassa (C‑375/13, EU:C:2014:2135, punt 77)).


135      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, EU:C:1982:79, punti 7 u 8).


136      Ara, fl-istess sens, Dickinson, A., op. cit., b’mod speċjali p. 471.


137      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Rich (C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 27); tat‑8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C‑111/01, EU:C:2003:257, punti 24 sa 32), kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 35). Ara wkoll, fl-istess sens, Zogg, S., op. cit., p. 50 u 51.


138      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, EU:C:1982:79, punt 8), u tat‑12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punti 34 u 35). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punt 89); Brosch, M., “Die Brogsitter-Defence: Neues zur Annexzuständigkeit am Vertragsgerichtsstand für deliktische Ansprüche in der EuGVVO, zugl Anmerkung zu EuGH 13. 3. 2014, C‑548/12, Marc Brogsitter/Fabrication de Montres Normandes EURL und Karsten Fräßdorf”, ÖJZ 2015, p. 958 sa 960, kif ukoll Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 168.


139      Sentenza tat‑3 ta’ April 2014 (C‑387/12, EU:C:2014:215).


140      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punti 16 sa 22).


141      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia ma huwiex intiż sabiex jipproteġi lil waħda mill-partijiet fil-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punti 38 u 39)). Fil-fehma tiegħi, l-istess analiżi għandha ssir fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.


142      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Brussell Ia.


143      Ara, fir-rigward tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell Ia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436, punti 54 sa 58), u tat‑2 ta’ April 2020, Reliantco Investment u Reliantco Investment Limassol Sucursala Bucureşti (C‑500/18, EU:C:2020:264, punti 58 sa 73), u, dwar it-Taqsima 5 ta’ dan il-kapitolu, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosworth u Hurley (punti 91 sa 103). Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tat-Taqsima 3 tal-imsemmi kapitolu. Ara, madankollu, skont approċċ analogu fir-rigward ta’ din it-Taqsima 3, Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), l-1 ta’ April 2020, Aspen Underwriting Ltd and others v Credit Europe Bank NV, (2020) UKSC 11, punti 34 sa 41.


144      Ara, b’mod partikolari Briggs, A., op. cit., p. 237, u Weller, M., op. cit.


145      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punt 19).


146      Ara, fl-istess sens, Zogg, S., op. cit., p. 57 sa 62, u Minois, M., op. cit., p. 250.


147      Fl-istat attwali tar-Regolament Brussell Ia, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi eċċezzjoni li tippermetti, meta talbiet relatati jkunu pendenti quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, lit-tieni qorti adita li tissospendi l-proċeduri quddiemha. Ara, favur it-twessigħ tar-regola ta’ konnessjoni, Gaudemet-Tallon, H. op. cit., p. 175.


148      F’dan ir-rigward, Wikingerhof indikat, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija setgħet, ipotetikament, tibbaża t-talba tagħha fuq ir-regoli tad-dritt Ġermaniż fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, b’mod iktar preċiż fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ eżekuzzjoni bona fide ta’ ftehimiet.


149      Madankollu, dan ser ikun ċertament il-każ fir-rigward tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Ruma II.


150      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 28); tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 34 sa 56); tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 51), kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punti 22 sa 37). Ara, fl-istess sens, Behar-Touchais, M., “Abus de puissance économique en droit international privé”, Revue internationale de droit économique, 2010, vol. 1, p. 37 sa 59, b’mod speċjali p. 41‑42.


151      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335).


152      Ċertament, l-impriżi vittmi tal-akkordju kienu ttrasferixxew il-kreditu tagħhom lill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali li, hija nnifisha ma kinitx ikkonkludiet kuntratt mal-impriżi konvenuti. Madankollu, minħabba dan it-trasferiment ta’ dejn, din il-kumpannija kienet teżerċita d-drittijiet li kellhom il-vittmi kontra l-imsemmija impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 35)).


153      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 43).


154      Ara, b’analoġija, Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), it-23 ta’ Novembru 2017, WRP 2018, 629, punti 22 u 23.


155      Kif mogħtija fil-qosor fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


156      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


157      B’analoġija, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni għal abbuż minn pożizzjoni dominanti li fiha xerrej jakkuża lill-fornitur tiegħu bl-impożizzjoni ta’ prezzijiet tal-bejgħ inġusti (ara l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE), jista’ jkun neċessarju, sabiex tiġi stabbilita l-materjalità ta’ dan l-aġir, li jiġi ddeterminat dak li jgħid il-kuntratt. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-prezzijiet eżatti previsti mill-kuntratt – pereżempju minħabba li huma bbażati fuq formula ta’ kalkolu kumplessa, li huma jieħdu inkunsiderazzjoni diversi varjabbli, eċċ. – il-klawżoli tal-kuntratt dwar il-prezz għandhom eventwalment jiġu interpretati mill-qorti. Iżda, hawnhekk ukoll, din hija sempliċi kwistjoni preliminari, intiża li tiġi stabbilita l-materjalità tal-aġir ikkritikat, sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjoni prinċipali tal-legalità tagħha fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.


158      F’kull każ, hekk kif indikajt fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżistenza ta’ tali motiv ta’ difiża ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-talba.


159      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


160      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


161      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 36).


162      Ara, fl-istess sens, Vilà Costa, B., “How to Apply Articles 5(1) and 5(3) Brussels I Regulation to Private Enforcement of Competition Law: a Coherent Approach”, f’Basedow, J., Francq, S. u Idot, L. (edituri), International antitrust litigation: Conflict of laws and coordination, Hart Publishing, Oxford, 2012, b’mod speċjali p. 24.


163      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018 (C‑595/17, EU:C:2018:854).


164      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Apple Sales International et (C‑595/17, EU:C:2018:854, punti 28 sa 30).


165      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Apple Sales International et (C‑595/17, EU:C:2018:854, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


166      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Apple Sales International et (C‑595/17, EU:C:2018:541, punti 34, 35 kif ukoll 71).


167      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018 (C‑595/17, EU:C:2018:854).