Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-39/11)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cargolux Airlines International SA (Sandweiler, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: J. Joshua, Barrister, u G. Goeteyn, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1sa 4 fl-intier tagħhom jew parzjalment sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti;

tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 5;

sussidjarjament, sostanzjalment tnaqqas il-multa imposta skont il-ġurisdizzjoni illimitata tal-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010, fil-Każ COMP/39258 - Trasport bl-ajru, sa fejn tikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE billi kkoordinat ma' trasportaturi oħrajn l-aġir tagħha fir-rigward tal-prezzijiet għas-servizzi ta' trasport bl-ajru fir-rigward ta' (i) ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil (ii) ħlasijiet addizzjonali fuq is-servizzi tas-sigurtà, u (iii) in-nuqqas ta' ħlas ta' kummissjonijiet fuq il-ħlasijiet addizzjonali.

Insostenn tar-rikors tagħha ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi:

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni b'mod żbaljat ikklassifikat l-aġir bħala restrizzjoni bl-għan u ma ppruvat l-ebda effett antikompetittiv. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tissottometti li:

-    l-eżistenza tal-kunċett ta' restrizzjoni bl-għan ma jeżonerax lill-Kummissjoni mill-obbligu li twettaq evalwazzjoni, haġa li hija naqset li tagħmel;

-    id-deċiżjoni ma tinkludi l-ebda argument teoriku fir-rigward tal-inkonvenjenti, b'mod partikolari peress li l-allegazzjonijiet kollha dwar l-iffissar tar-rati bażiċi twaqqgħu.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, nuqqas ta' motivazzjoni, ksur ta' drittijiet tad-difiża u żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni naqset li tidentifika bi speċifiċità suffiċjenti l-portata u l-parametri tal-aġir li allegatament jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni naqset li tistabilixxi bażi ta' provi ta' min joqgħod fuqha insostenn tal-konklużjonijiet tagħha jew li tipprova, skont ir-rekwiżiti legali meħtieġa, l-fatti li fuqhom hija ssejjes il-konklużjonijiet tagħha. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tissottometti li:

-    l-ebda wieħed mill-iżbalji fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li dak iż-żmien ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni ma ġie ikkoreġut fid-deċiżjoni;

-    il-Kummissjoni abbużat mill-kunċett ta' ksur uniku u kontinwu billi baqgħet tinsisti dwar il-possibbiltà li aġir kompletament innoċenti jifforma parti minn impriża illegali u użat il-klassifikazzjoni ta' "akkordju dinji" bħala skuża biex iddaħħal provi li huma totalment di parte u irrilevanti.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta' liġi li l-Kummissjoni wettqet meta baljatament iddikjarat li kienet kompetenti fir-rigward tal-allegata koordinazzjoni antikompetittiva fir-rigward ta' titjiriet minn ajruporti ta' pajjiżi terzi lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE ("titjiriet lura"). Ir-rikorrenti ssostni li tali attivitajiet jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Il-ħames motiv, imressaq insostenn tat-talba għar-reviżjoni tal-multa taħt il-kompetenza illimitata tal-Qorti Ġenerali, huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tissottometti li:

-    il-Linji gwida dwar il-Multi tal-2006 ma humiex kompatibbli mar-rekwiżit tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1 li l-multa tiġi stabbilita fid-dawl tal-gravità u t-tul tal-ksur;

-    il-Kummissjoni issopravalutat b'mod grossolan il-gravità totali tal-allegat ksur. La l-livell perċentwali (16 % tal-valur tal-bejgħ), u lanqas l-ammont addizzjonali ma huma ġustifikati fil-każ preżenti;

-    fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat it-tul tal-ksur, ċaħdet b'mod żbaljat iċ-ċirkustanzi attenwanti u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, fosthom l-ekwità ġenerali tas-sanzjonijiet u s-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 81 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)