Language of document :

Rikors imressaq fl-14 ta' Settembru 2007 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda

(Kawża C-427/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Recchia u D. Lawunmi, bħala aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi ma adottatx, skond l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2), (3) u (4), tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent1, il-miżuri neċessarji sabiex, qabel ma jingħata l-permess, il-proġetti ta' kostruzzjoni ta' toroq li jista' jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, kif elenkati fil-punt 10(e) ta' l-Anness II tad-Direttiva 85/337, ikunu suġġetti għal ħruġ ta' permess u għal stima ta' l-impatt ambjentali tagħhom skond l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 85/337;

tiddikjara illi, billi ma adottatx u billi, fi kwalunkwe każ, fit-terminu stabbilit, ma informatx lill-Kummissjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikolu 3(1)(3)(4)(5)(6) u (7), u ma' l-Artikolu 4(1)(2)(3)(4)(5) u (6) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE, tas-26 ta' Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja2, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva;

tikkundanna lill-Irlanda tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE

Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma ttrasponietx id-Direttiva 85/337/KEE kollha kemm hi billi ma adottatx miżuri li jiggarantixxu li jintlaħqu r-riżultati mixtieqa mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 4 fil-qasam ta' proġetti ta' toroq privati. Il-Kummissjoni tqis li l-proġetti ta' toroq privati (proposti minn żviluppaturi privati) jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE. Barra minn dan, il-preżunzjoni li proġetti bħal dawn huma mingħajr impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent hija bla bażi. Il-fatt li mhumiex inklużi l-proġetti ta' toroq privati proposti minn żiluppaturi privati jikkostitwixxi nuqqas mill-Irlanda li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli tad-Direttiva msemmija iktar 'il fuq.

Traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE

Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda naqset milli tadotta u tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/35/KE. B'mod ikar preċiż, l-Artikolu 3(1)(3)(4)(5) u (6) tad-Direttiva jinkludi emendi preċiżi għal numru ta' Artikoli tad-Direttiva 85/337. L-Irlanda ma tikkontestax li t-traspożizzjoni għandha ssir billi tiġi emendata l-liġi Irlandiża dwar l-ippjanar ta' l-iżvilupp u l-liġi dwar sistemi oħra ta' ħruġ ta' permess. L-Irlanda ma kkomunikat ebda emenda tal-liġi tagħha dwar l-ippjanar ta' l-iżvilupp fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplementari u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikat ebda liġi dwar sistemi oħra ta' ħruġ ta' permess. L-Artikolu 3(7) u l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva jeħtieġu mhux biss proċeduri ta' reviżjoni tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet iżda wkoll sistemi li jipprovdu garanziji speċifiċi. Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-Irlanda ssostni li s-sistema eżistenti ta' stħarriġ ġudizzjarju tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 3(7) u l-Artikolu 4(4), hija naqset milli tipprovdi biżżejjed informazzjoni sabiex tissodisfa l-obbligu stabbilit fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

____________

1 - - ĠU L 175, p. 40.

2 - - ĠU L 156, p. 17.