Language of document : ECLI:EU:C:2009:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Aċċess għall-ġustizzja – Direttiva 2003/35/KE”

Fil-Kawża C‑427/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2007,

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia, P. Oliver u J.-B. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins, SC, u minn D. McGrath, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc‑Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi ma adottatx, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 4(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11”), id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent li jaqgħu taħt il-kategorija tal-bini tat-toroq koperta mill-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, ikunu suġġetti, b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva emendata, għal proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, u

–        billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(1) u (3) sa (7), u mal-Artikolu 4(1) sa (6) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 7, p. 466), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikatx l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, rispettivament, taħt id-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 u taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 2003/35

2        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/35 jipprovdi:

“Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Århus [fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali], b’mod partikolari billi:

a)      tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent;

b)      ittejjeb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u tipprovdi disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja ġewwa d-Direttivi tal-Kunsill 85/337 [...] u 96/61/KE.”

3        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

 Id-Direttiva 85/337

4        B’mod konformi mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendat bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35, għall-finijiet ta’ dik id-direttiva:

“[…]

il-pubbliku: ifisser: persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

il-pubbliku interessat: ifisser: il-pubbliku affettwat jew x’altarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess”

5        Skont l-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 85/337, kif emendat bl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/35:

“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni [tingħata l-awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.

F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom:

(a)       jikkunsidraw jekk għamla oħra ta’ stima tkunx approprjata;

b)      jagħmlu disponibbli għall-pubbliku interessat it-tagħrif miksub taħt għamla jew oħra ta’ l-istima riferita fil-punt (a), it-tagħrif li jkollu x’jaqsam mad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni u r-raġunijiet għaliex tkun ġiet mogħti;

[…]”.

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)      eżami każ b’każ,

jew

b)      l-għetiebi [limiti] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.      Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi [limiti] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV billi:

a)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju mogħti tal-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni [awtorizzazzjoni] u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett partikolari u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati;

b)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif billi jqis, fost ħwejjeġ oħra, l-għarfien u l-metodi korrenti ta’ l-istima.

[…]

3.      It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

–        deskrizzjoni tal-proġett li jikkomprendi tagħrif dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tal-proġett,

–        deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti,

–        il-fatti magħrufa (“data”;) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

–        il-punti prinċipali (“outline”;) ta’ l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent,

–        sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fl-inċiżi ta’ qabel.

[…]”

8        L-Artikolu 6(2) sa (6) tad-Direttiva 85/337, kif emendat bl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/35 huwa redatt hekk:

“2.      Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġjonevoli:

(a)      fuq it-talba għall-kunsens [l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni] dwar l-iżvilupp;

(b)      il-fatt illi l-proġett huwa bla ħsara għal proċedura ta’ l-istima ta’ l-impatt ambjentali u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(ċ)      id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, dawk li minnhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu ssottomessi kummenti jew mistioqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d)      in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)      indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

(f)      indikazzjoni dwar iż-żmenijiet jew il-pos[t]ijiet meta u li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(ġ)      id-dettalji ta’ l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fi kwadri raġjonevoli taż-żmien, dan li ġej għandu jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interesat:

(a)      kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

(b)      skond il-leġislazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku interessat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(ċ)      skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2002[2003]/4/KE tal-Parlamewnt Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent […], it-tagħrif għajr dak riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 8 u li jintgħamel disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku interessat ikun ġie mgħarraf skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-pubbliku interessat għandu jingħata opportunitajiet minn kmienu u effettivi għalbiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens [l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni] fl-iżvilupp.

5.      L-arranġamenti ddettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (per eżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku interessat jiġi kkonsultat (per eżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.      Għandhom jiġu pprovvduti kwdari [termini] raġjonevoli taż-żmien għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku interessat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

9        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337, kif emendat bl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/35, jipprovdi:

“1.      Meta Stat Membru isir ikun jaf illi proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta Stat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikatament jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra, bi:

(a)      deskrizjoni tal-proġett, flimkien ma’ kull tagħrif disponibbli dwar l-impatt possibbli tiegħu meta dan jaqsam il-fruntieri;

(b)      tagħrif dwar in-natura tad-deċiżjoni li tista’ tittieħed,

u għandu jagħti lill-Istat Membru l-ieħor żmien raġjonevoli għalbiex jindika jekk jixtieqx jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), u jista’ jinkludi t-tagħrif riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Jekk Stat Membru li jirċievi t-tagħrif skond il-paragrafu 1 jindika illi jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif meħtieġ skond l-Artikolu 6(20 [6(2)] u li jagħmel disponibbli skond l-Artikolu 6(3)(a) u (b).

[…]

5.      L-arranġamenti ddettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri interessati u għandhom ikunu hekk li jgħinu lill-pubbiku interessat fit-territorju ta’ l-Istat membru affettwat li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) għall-proġett.”

10      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/337, kif emendat bl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/35, jipprovdi:

“1.      Meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu konċessi jew irrifjutati kunsens/approvazzjoni [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bihom skond il-proċeduri xierqa u għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:

–        il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjoni mehmuża magħha,

–        wara li jkunu eżaminaw it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interesst, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet lifuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku,

–        deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi maġġuri.

2.      L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lil kull Stat Membru li jkun ġie kkonsultat skond l-Artikolu 7, billi jibagħtulu t-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri kkonsultati għandhom jiżguraw illi dan it-tagħrif jiġi magħmul disponibbli f’manjiera approprjata lill-pubbliku interessat fit-territorju tagħhom.”

11      L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, huwa redatt hekk:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

(a)      li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

(b)      li jżommu l-indebboliment ta’ [li jsostnu li nkiser] dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista [proċeduri ta’ stħarriġ] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [kkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostiwixxi interess biżżejjed u l-indebboliment [l-ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-orgnizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti [jinkisru] għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [stħarriġ] preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista ta’ stħarriġ amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju], meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduiri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista.”

12      L-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendat bid-Direttiva 97/11 jelenka l-proġetti previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva emendata. Fil-punt 10(e) ta’ dan l-anness, taħt it-titolu “Proġetti ta’ infrastruttura”, jinsabu inklużi l-bini ta’ toroq, portijiet u stallazjonijiet tal-portijiet, inklużi menqiet għall-bastimenti tas-sajd (proġetti mhux inklużi fl-Anness I).

 Id-Direttiva 96/61/KE

13      B’mod konformi mal-Artikolu 2(13) u (14) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), kif emendat bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/35:

“13)      ‛il-pubbliku’; għandu jfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

14)      ‘il-pubbliku interessat’; għandu jfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

14      L-Artikolu 15(1) u (5) tad-Direttiva 96/61, kif emendat bl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/35, huwa redatt hekk:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku interessat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura għal:

–        il-ħruġ ta’ permess għal stallazzjonijiet ġodda,

–        il-ħruġ ta’ permess għal kull bidla sostanzjali fil-ħidma ta’ stallazzjoni,

–        l-aġġornament ta’ permess jew il-kondizzjonijiet ta’ permess għal istallazzjoni skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 13.

Il-proċedura ddikjarata fl-Anness V għanha tapplika għall-għanijiet ta’ din il-parteċipazzjoni.

[…]

5.      Meta tkun ittieħdet deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku skond il-proċeduri approprjati u għandha tagħmel disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:

(a)      il-kontenut tad-deċiżjoni, inkluża kopja tal-permess u ta’ kull kondizzjoni u ta’ kull aġġornament sossegwenti; u

(b)      wara li tkunu eżaminat it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interessat, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku.”

15      L-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/35, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

(a)      li jkollu interess biżżejjed, jew alternattivament

(b)      li jżomm l-indebboliment ta’ [li jsostni li nkiser] dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista [proċeduri ta’ stħarriġ] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [kkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostiwixxi interess biżżejjed u l-indebboliment [l-ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 2(14) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti [jinkisru] għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [stħarriġ] preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista [ta’ stħarriġ] amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju], meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi tagħrif prattiku jintgħamel disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      Skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 176 tal-liġi dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-2000 (Public Act No 30/2000, Planning and Development Act, 2000), kif emendata bil-liġi dwar l-ippjanar u l-iżvilupp (infrastruttura strateġika) tal-2006 [Public Act No 27/2006, Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act, 2006, Order 2006, S. I. No 525/2006] (iktar ’il quddiem il-“PDA”), u tal-Anness 5 tar-regolamenti dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-2001 (Planning and Development Regulations 2001, S. I. No 600/2001), rapport dwar l-impatt fuq l-ambjent u stima tal-effetti fuq l-ambjent huma obbligatorji għal ċerti proġetti, meta jinqabżu ċerti limiti, proġetti li fosthom mhijiex inkluża l-kategorija partikolari tal-proġetti tat-toroq privati.

17      Il-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) hija rregolata mill-Order 84 tar-regoli tal-Qrati Superjuri (Rules of the Superior Courts), liema qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-deċiżjonijiet tal-qrati u tal-korpi amministrattivi.

18      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju jistgħu jitqajmu kemm motivi tad-dritt pubbliku kif ukoll tad-dritt privat. Il-motivi tradizzjonali tad-dritt pubbliku jirrelataw mal-istħarriġ tal-abbuż ta’ poter u mal-istħarriġ tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom mill-imsemmija qrati u organizzazzjonijiet.

19      L-istħarriġ ġudizzjarju huwa proċedura li tikkonsisti f’żewġ stadji. L-ewwel għandha tiġi ppreżentata talba quddiem il-qorti, għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat rikors bħal dan. It-talba għandha tinkludi espożizzjoni tal-motivi li jidentifikaw il-kumpens mitlub u dikjarazzjoni li tesponi l-fatti li fuqhom hija bbażata. Jekk l-awtorizzazzjoni tingħata, ir-rikorrent jista’ jibda l-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

20      Proċedura legali speċifika tapplika għat-talbiet għal stħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ippjanar, li hija rregolata mill-Artikoli 50 u 50A tal-PDA.

21      Skont l-Artikolu 50A(3) tal-PDA:

“Il-qorti ma għandhiex tagħti l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 50 sakemm ma tkun żgurat ruħha li —

(a)      ikun hemm raġunijiet serji li jindikaw li d-deċiżjoni jew l-att ikkonċernat huwa null jew għandu jiġi annullat, u

(b)      li

(i)      min jagħmel it-talba jkollu interess sostanzjali fl-operazzjoni li tkun is-suġġett tat-talba, jew

(ii)      meta d-deċiżjoni jew l-att ikkonċernat jirrigwarda proġett identifikat mill-Artikolu 176, illum fis-seħħ, jew mid-dispożizzjonijiet meħuda b’applikazzjoni tiegħu bħala proġett li jista’ jkollu effetti rilevanti fuq l-ambjent, min jagħmel it-talba —

(I)      ikun korp jew organizzazzjoni (ħlief jekk ikun awtorità statali, awtorità pubblika, jew korp jew aġenzija governattiva) li jkollu bħala għanijiet il-promozzjoni tal-protezzjoni ambjentali,

(II)      ikun, matul it-tnax-il xahar li jiġu qabel id-data li fiha tkun saret it-talba, fittex dawk l-iskopijiet jew l-għanijiet, u

(III) jissodisfa dawk ir-rekwiżiti (jekk ikun hemm) bħala korp jew organizzazzjoni kieku jkollu jippreżenta appell taħt l-Artikolu 37(4)(c), bis-saħħa tal-Artikolu 37(4)(d)(iii) (u, għal dan l-iskop, kull rekwiżit previst taħt l-Artikolu 37(4)(e)(iv) għandu jkun applikabbli bħallikieku r-riferiment li jkollu għat-tip ta’ kwistjoni li għalih id-deċiżjoni, li tkun is-suġġett tal-appell, tirreferi, ikun riferiment għat-tip ta’ kwistjoni li fih id-deċiżjoni jew l-att, li jkunu s-suġġett tat-talba għal awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 50, taqa’).”

22      L-Artikolu 50A(4) tal-PDA jippreċiża li l-interess sostanzjali rikjest mhux limitat għall-interessi immobiljari jew finanzjarji.

23      L-Artikolu 50A(10) u (11)(b) tal-PDA jobbliga lill-qrati jittrattaw il-proċeduri li jitressqu quddiemhom bid-diliġenza kollha li tippermetti amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-Artikolu 50A(12) tal-PDA jippermetti li jiġu adottati regoli addizzjonali li huma intiżi sabiex iħaffu l-proċedura.

 Il-proċedura prekontenzjuża

24      Il‑Kummissjoni ġabret flimkien fir-rikors preżenti lmenti li jirriżultaw minn żewġ proċeduri prekontenzjużi.

25      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ressqet, fis-sena 2001, ilment kontra l-Irlanda u li jirrigwarda l-ħsara kkawżata lil żona mal-kosta li tinsab f’Commogue Marsh, Kinsale, fil-kontea ta’ Cork, minn proġett ta’ triq privata. Fit-18 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda fejn indikat li l-ebda awtorizzazzjoni ma kienet tidher li ngħatat għall-proġett inkwistjoni u li l-ebda evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent ma kienet saret minkejja l-karattru sensittiv tas-sit, kuntrarjament għar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11.

26      Dan l-Istat Membru rrisponda għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni fil-5 ta’ Marzu 2003 billi indika li l-proġett inkwistjoni kien jagħmel parti minn żvilupp li kien ingħata awtorizzazzjoni.

27      Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fil-11 ta’ Lulju 2003, fejn stiednet lill-Irlanda sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 fi żmien xahrejn minn meta tirċevi l-opinjoni motivata.

28      B’ittra tad-9 ta’ Settembru 2003, l-Irlanda talbet estensjoni tat-terminu ta’ xahrejn sabiex tingħata risposta għall-opinjoni motivata, liema risposta ngħatat permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2003.

29      Fit-tieni lok, fit-28 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċevi din l-ittra.

30      L-Irlanda rrispondiet b’ittra tas-7 ta’ Settembru 2005, fejn ammettiet li kienet ittrasponiet biss parzjalment id-Direttiva 2003/35.

31      Fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lill-Irlanda tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data meta tirċievi din l-opinjoni.

32      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2006, l-Irlanda ppreċiżat li kienu qed jiġu mfassla xi miżuri ta’ traspożizzjoni.

33      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali fejn talbet lill-Irlanda tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tirrispondi għall-imsemmi opinjoni fi żmien xahrejn sa mid-data meta tirċeviha. Dan l-Istat Membru wieġeb fis-27 ta’ Frar 2007, wara l-iskadenza tat-terminu impost mill-Kummissjoni.

34      Peress li ma kinitx sodisfatta mir-risposti mogħtija mill-Irlanda fil-kuntest taż-żewġ proċeduri prekontenzjużi, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 226 KE.

 Fuq ir-rikors

35      Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq żewġ ilmenti.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

36      Il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-bini ta’ triq privata jammonta għal proġett ta’ infrastruttura li jaqa’ taħt il-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 u li, konsegwentement, l-awtoritajiet Irlandiżi huma marbuta, b’mod konformi mal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva emendata, jiżguraw li, qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni, proġetti bħal dawn ikunu suġġetti għal evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-effetti tagħhom fuq l-ambjent jekk huwa kkunsidrat li dawn jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

37      Il-leġiżlazzjoni Irlandiża, billi tillimita r-rekwiżit li ssir stima tal-effetti fuq l-ambjent għall-proġetti ta’ toroq pubbliċi proposti mill-awtoritajiet pubbliċi, b’hekk tinjora r-rekwiżiti Komunitarji.

38      L-Irlanda ssostni li l-proġetti ta’ bini ta’ toroq privati, li ma tikkonstestax li jaqgħu taħt il-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, kważi dejjem jifformaw parti integrali minn proġetti oħra li huma, min-naħa tagħhom, suġġetti għar-rekwiżit tal-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent taħt id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 176 tal-PDA u tal-anness 5 tar-regolamenti dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-2001 meta jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

39      Dan l-Istat Membru barra minn hekk jammetti li d-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 ma tagħmilx distinzjoni bejn il-proġetti tat-toroq privati u pubbliċi u jindika li għandu l-intenzjoni li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu sabiex il-proġetti tat-toroq ikunu kategorija indipendenti, suġġetta għar-rekwiżit tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent jekk il-proġġett tat-toroq jista’ jkollu effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      L-Istati Membri, taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, għandhom jistabbilixxu, għall-proġetti inklużi fil-klassijiet elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva emendata, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi tal-limiti jew kriterji, jekk l-imsemmija proġetti għandhomx ikunu sottoposti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva. Skont din l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw dawn iż-żewġ proċeduri.

41      Għalkemm l-Istati Membri b’hekk ingħataw marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti li għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni jew sabiex jistabbilixxu kriterji u/jew limiti applikabbli, il-limiti ta’ din id-diskrezzjoni jinsabu fl-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-pożizzjoni tagħhom, jiġu sottoposti għal studju dwar l-effetti tagħhom (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 50 tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, Ġabra p. I‑1197, punt 37, kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, Mellor, C‑75/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru li jiffissa l-kriterji jew il-limiti f’tali livell li, fil-prattika, it-totalità ta’ klassi ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li jsir studju tal-effetti jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnu bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva emendata, ħlief jekk it-totalità tal-proġetti esklużi tista’ tiġi kkunsidrata, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali, li ma jkunx jista’ jkollha effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent (ara s-sentenzi Kraaijeveld et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 38).

43      Taħt il-proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, il-punt 10(e) tal-Anness II ta’ din id-direttiva emendata jirreferi għall-“bini tat-toroq”.

44      F’dan ir-rigward, billi ssuġġettat il-proġetti tal-bini ta’ toroq privati għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss fis-sitwazzjoni fejn dawn jagħmlu parti minn proġetti oħra, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, li huma stess huma suġġetti għall-obbligu ta’ evalwazzjoni, il-leġiżlazzjoni Irlandiża, kif applikabbli fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kellha bħala effett li teżenta minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kull proġett ta’ bini ta’ triq privata mwettqa waħidha, anki jekk dak il-proġett kien jista’ jkollu effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

45      Barra minn hekk, għandu jingħad li l-kriterju li jirreferi għan-natura privata jew pubblika ta’ triq huwa irrilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà tal-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11.

46      B’hekk, l-ewwel ilment huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment

47      Mill-aħħar verżjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jirriżulta li skont din u fid-dawl tal-irtirar tal-ilmenti li jirrigwardaw l-Artikolu 4(1), (5) u (6) tad-Direttiva 2003/35, it-traspożizzjoni li saret mill-Irlanda għadha mhux kompluta għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1) u (3) sa (7) u l-Artikolu 4(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, u minn dan jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, l-Irlanda ma kkomunikatx fit-termini preskritti d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati li jimplementaw l-Artikoli ċċitati iktar ’il fuq, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 6.

49      It-tieni lment, ikkunsidrat fil-partijiet varji tiegħu, hekk kif invokat essenzjalment mill-Kummissjoni b’hekk jirrigwarda b’mod esklużiv in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/35, hekk kif il-Kummissjoni kkonfermat fis-seduta, mingħajr, konsegwentement, mal-kwalità tat-tranpożizzjoni ġiet ikkritikata u, b’hekk, mingħajr ma tista’ effettivament tiġi kkontestata minn din fil-kuntest tal-kawża preżenti.

50      Barra minn hekk, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet tal-PDA msemmija fir-rikors preżenti huma dawk li jirriżultaw mill-emendi introdotti mil-liġi tal-2006 li temenda, imsemmija fil-punt 16 tas-sentenza preżenti. L-imsemmija emendi, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, kienu daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2006, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali.

 Fuq ir-rekwiżit tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li l-kunċetti ta’ “pubbliku” u ta’ “pubbliku interessat” ma jkunux definiti b’mod aktar restrittiv fil-leġiżlazzjoni Irlandiża milli fid-Direttiva 2003/35. Hija ssostni li, b’mod partikolari, id-drittijiet mogħtija lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi mhumiex suffiċjentement iggarantiti, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, għalkemm l-imsemmija direttiva tagħti lil dawn l-organizzazzjonijiet ċerti drittijiet bħala pubbliku interessat.

52      L-Irlanda tirrispondi li, fid-dawl tal-obbligu ġenerali li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, li huwa impost b’mod partikolari fuq il-qrati, l-introduzzjoni ta’ liġijiet bil-għan li jiġu ddefiniti l-kunċetti ta’ “pubbliku” u ta’ “pubbliku interessat” mhijiex neċessarja sabiex jingħata effett sħiħ lil dawn id-definizzjonijiet. Hija żżid li d-drittijiet ġodda mogħtija huma diġà ggarantiti għall-pubbliku kollu u b’hekk mhux neċessarju li tingħata definizzjoni partikolari tal-kunċett ta’ “pubbliku interessat”.

53      L-Irlanda ssostni wkoll li, skont l-Artikolu 50A(3)(b)(ii) tal-PDA, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-ambjent huma eżentati mill-obbligu li juru li huma jippossjedu interess ġuridiku sostanzjali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni fid-dritt intern ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ inklużjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika u kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed, sakemm dan effettivament jassigura l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑214/98, Ġabra p. I‑9601, punt 49; tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑38/99, Ġabra p. I‑10941, punt 53, u tat-30 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑32/05, Ġabra p. I‑11323, punt 34).

55      Minn ġurisprudenza daqstant stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’forza vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex ikun sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jeħtieġ li, fil-każ fejn id-direttiva għandha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/96, Ġabra p. I‑1489, punt 15; tal-4 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑207/96, Ġabra p. I‑6869, punt 26, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

56      Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35, li jikkonsisti f’li jiġu miżjuda definizzjonijiet ma’ dawk li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, u b’mod partikolari li jiġi indikat, fis-sens ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva, x’għandu jiġi mifhum b’“pubbliku interessat”, u filwaqt li fl-istess ħin, id-Direttiva 2003/35 tirrikonoxxi drittijiet ġodda għall-imsemmi pubbliku, ma jistax jiġi dedott min-nuqqas ta’ inklużjoni speċifika ta’ dawn id-definizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Irlandiża li l-Irlanda ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tittrasponi d-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

57      Fil-fatt, il-portata tad-definizzjoni l-ġdida tal-“pubbliku interessat” b’hekk introdotta mid-Direttiva 2003/35 tista’ tiġi analizzata biss, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tad-drittijiet kollha li l-imsemmija direttiva tagħti lill-“pubbliku interessat”, billi huma żewġ aspetti inseparabbli.

58      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’liema mod il-“pubbliku interessat”, mifhum bħala l-pubbliku li huwa affettwat minn jew li qiegħed fil-periklu li jkun affettwat minn jew li għandu interess fil-proċeduri deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, ma jiddisponix mid-drittijiet li suppost għandu jgawdi taħt l-emendi introdotti mid-Direttiva 2003/35.

59      Fl-aħħar nett, għandu jingħad li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar l-apprensjoni mill-ġurisprudenza dwar r-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ambjent bħala li jappartjenu għall-“pubbliku interessat” jirrigwardaw, prinċipalment, lacunae eventwali fl-implementazzjoni effettiva tad-drittijiet li l-imsemmija organizzazzjonijiet jistgħu jipprevalu minnhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju, u konsegwentement huma barra mill-portata tal-ilment dwar nuqqas ta’ traspożizzjoni li l-Qorti ġiet adita bih b’mod esklużiv.

60      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni lment, inkwantu jikkonċerna r-rekwiżit tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35 mhux fondat.

 Fuq ir-rekwiżit tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3) sa (6) u tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/35

–       L-argumenti tal-partijiet

61      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 3(3) sa (6) u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/35 ma ġewx trasposti kompletament.

62      Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Irlanda ssostni li saret traspożizzjoni għal dak li jirrigwarda s-sistema tal-permessi ta’ ppjanar, iżda hija tammetti li kien għadu neċessarju, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu trasposti permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet li jirrigwardaw proċeduri oħra ta’ awtorizzazzjoni.

63      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, l-Irlanda tirrikonoxxi li hija kien għadha trid tadotta u tinnotifika ċerti miżuri għat-traspożizzjoni sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-iskadenza tat-terminu stabbilt fl-imsemmija opinjoni motivata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑173/01, Ġabra p. I‑6129, punt 7, u tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑114/02, Ġabra p. I‑3783, punt 9).

65      Huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, l-Irlanda ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jassiguraw traspożizzjoni kompluta tal-Artikolu 3(3) sa (6) u tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/35. It-tibdil li seħħ sussegwentement, wara li ġie ppreżentat ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax, barra minn hekk u skont ġurisprudenza stabbilita, jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑211/02, Ġabra p. I‑2429, punt 6).

66      It-tieni lment sa fejn dan jikkonċerna n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3) sa (6) u tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/35 huwa b’hekk fondat.

 Fuq ir-rekwiżit tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(7) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/35

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Il‑Kummissjoni ssostni li l-Irlanda ma ttrasponietx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(7) u mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/35, dispożizzjonijiet li permezz tagħhom ġew introdotti, rispettivament, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61. Il‑Kummissjoni tressaq ħames argumenti insostenn ta’ din il-parti tat-tieni lment.

68      Permezz tal-ewwel argument, li jirrigwarda l-kunċett tal-interess ġuridiku biżżejjed introdott fl-Artikolu 3(7) u fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/35, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju li jirrigwarda l-ħtieġa li jintwera “interess sostanzjali”, li japplika fil-kuntest tal-proċedura legali speċifika applikabbli għat-talbiet għal stħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ippjanar prevista fl-Artikolu 50 tal-PDA, ma jikkorrispondix mal-kunċett tal-“interess biżżejjed” previst mill-imsemmija direttiva.

69      L-iffissar ta’ kriterju bħal dan, aktar strett minn dak użat fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, huwa ekwivalenti, skont il-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ traspożizzjoni tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/35.

70      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-High Court (l-Irlanda), tal-14 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Diċembru 2006 rispettivament, mogħtija fil-kawża Friends of the Curragh Environment Ltd, juru li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju fis-seħħ fl-Irlanda ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li timplementa d-Direttiva 2003/35, peress li l-High Court kienet indikat, fit-tieni waħda minn dawn is-sentenzi, fir-rigward tal-eżami tal-“interess sostanzjali”, li din id-direttiva ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż.

71      L-Irlanda tikkontesta r-rilevanza tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-High Court, sa fejn dawn l-ewwel nett kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar l-effett dirett tad-Direttiva 2003/35.

72      Hija żżid li s-sentenza mogħtija mill-High Court, fis-26 ta’ April 2007, fil-kawża Sweetman, għall-kuntrarju stabbilixxiet, li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-imsemmija direttiva huma implementati mill-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju kkompletata mir-regoli tal-proċedura speċifiċi previsti f’ċerti kodiċijiet, b’mod partikolari fl-Artikolu 50 tal-PDA, peress li l-kriterju bbażat fuq l-interess sostanzjali ġie kklassifikat mill-imħallef bħala flessibbli u ġie kkunsidrat bħala li ma jikkontradixxix l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35.

73      Permezz tat-tieni argument, il-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, peress li ma ġiex traspost fid-dritt Irlandiż, kuntrarjament għall-ewwel subparagrafu ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli, ir-rekwiżit li r-rikorrent jista’ jikkontesta l-legalità sostantiva tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ kull waħda mid-direttivi dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

74      L-Irlanda ssostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija artikoli jeħtieġu mhux biss li jkun previst stħarriġ eżawrjenti tal-mertu ta’ deċiżjoni, iżda sempliċement li tkun offerta l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità sostantiva ta’ deċiżjoni. Issa, stħarriġ bħal dan jeżisti fid-dritt Irlandiż.

75      L-Irlanda tafferma wkoll li r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott permezz tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott permezz tal-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, huma totalment trasposti fid-dritt Irlandiż minħabba l-eżistenza tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista quddiem il-qrati Irlandiżi. L-għan tal-istħarriġ ġudizzjarju huwa li jippermetti forma ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet u tal-azzjonijiet tal-qrati kif ukoll tal-korpi amministrattivi, sabiex jiġi ggarantit li l-missjonijiet mogħtija lil dawn l-awtoritajiet huma sodisdatti b’mod korrett u legali.

76      Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju speċifika tapplika għar-rikorsi kontra l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ippjanar, li hija rregolata mill-Artikoli 50 u 50A tal-PDA.

77      Il‑Kummissjoni ssostni, permezz tat-tielet argument, li l-ebda miżura ma ttieħdet mill-Irlanda sabiex tassigura t-traspożizzjoni tar-rekwiżiti li għandhom bħala għan il-ħeffa tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott permezz tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott permezz tal-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva.

78      Fir-raba’ argument, hija tinvoka l-istess nuqqas ta’ traspożizzjoni għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li li l-imsemmija proċeduri ma jkunux jinvolvu spejjeż projbittivi, fejn sostniet li fil-qasam tal-ispejjeż, ma jeżisti l-ebda limitu applikabbli għall-ammont li rikorrent tellief ikollu jħallas, peress li l-ebda dispożizzjoni legali ma tinkludi referenza għall-ispejjeż tal-proċeduri mhux projbittivi.

79      Skont l-Irlanda, il-proċeduri eżistenti huma ġusti, retti u ma jiswewx tant li huma projbittivi. Barra minn hekk, huma jippermettu l-istħarriġ b’ħeffa tad-deċiżjonijiet koperti mid-Direttivi 85/337 u 96/61 emendati bid-Direttiva 2003/35.

80      Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames argument, il-Kummissjoni takkuża lill-Irlanda li ma poġġietx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif meħtieġ mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott permezz tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott permezz tal-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, l-informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.

81      L-Irlanda tikkunsidra li ssodisfat dan l-obbligu peress li l-Order 84 tar-regoli tal-Qrati Superjuri, imsemmi fil-punt 17 tas-sentenza preżenti, huwa dispożizzjoni leġiżlattiva u li barra minn hekk, jeżisti sit tal-Internet tas-servizz tal-qrati Irlandiżi li jiddeskrivi l-qrati differenti u l-ġurisdizzjonijiet tagħhom u li jippermetti l-aċċess għas-sentenzi tal-High Court.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument dwar l-interess ġuridiku, mill-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u mill-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tigħhom, li l-membri tal-pubbliku interessati li jkollhom interess ġuridiku biżżejjed jew li jallegaw ksur ta’ dritt meta l-liġi timponi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw proċeduri taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li jistabbilixxu x’jammonta għal tali interess biżżejjed jew ksur ta’ dritt b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku interessat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

83      Huwa paċifiku li, billi rikorrenti, membri tal-“pubbliku interessat”, li jistgħu jsostnu li għandhom interess li jissodisfa l-kundizzonijiet imsemmija fl-Artikolu 50A(3) tal-PDA, jitħallew jippreżentaw proċeduri kontra ċerti miżuri ta’ ppjanar, l-Irlanda adottat dispożizzjonijiet li permezz tagħhom id-dritt għall-aċċess għall-ġustizzja mogħti f’dan il-qasam speċifiku jiddependi direttament mill-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-imsemmija rikorrenti, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha.

84      F’dan ir-rigward, sa fejn, hekk kif intqal fil-punt 49 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tikkontesta biss nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, billi barra minn hekk indikat espressament li m’għandhiex l-intenzjoni tallega traspożizzjoni skorretta jew inkompleta, m’hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-kriterju bbażat fuq l-interess sostanzjali hekk kif applikat u interpretat mill-qrati Irlandiżi jikkoinċidix ma’ dak ibbażat fuq l-interess ġuridiku biżżejjed stabbilit mid-Direttiva 2003/35, billi dan iwassal sabiex tiġi eżaminata l-kwalità tat-traspożizzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-kompetenza li l-imsemmija direttiva tagħti lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kunċett ta’ interess biżżejjed fl-osservanza tal-għan li hija tħaddan.

85      Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-High Court fil-kawża Friends of the Curragh Environment Ltd, li tibbaża ruħha fuqha prinċipalment il-Kummissjoni, ingħatat taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli qabel l-emendi introdotti fil-PDA fl-2006 u fi kwalunkwe każ, mhix suffiċjenti sabiex jiġi ppruvat l-allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni.

86      B’hekk, l-ewwel argument mhuwiex fondat.

87      Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument, huwa paċifiku li teżisti fid-dritt Irlandiż, minbarra l-proċedura legali speċifika applikabbli b’mod konformi mal-Artikoli 50 u 50A tal-PDA, l-istħarriġ ġudizzjarju rregolat mill-Order 84 tar-regoli tal-Qrati Superjuri. Dawn ir-rikorsi jippermettu li jintalab l-annullament tad-deċiżjonijiet jew atti, fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet u tal-azzjonijiet tal-qrati kif ukoll tal-korpi amministrattivi, li għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-kompiti mogħtija lil dawn l-awtoritajiet huma legalment sodisfatti.

88      L-azzjonijiet varji b’hekk stabbiliti, ippreżentati quddiem qorti, jistgħu japplikaw għad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 u tad-Direttiva 96/61 emendati bid-Direttiva 2003/35 dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari fil-qasam speċifiku tal-ippjanar, u b’hekk jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jammontaw għal traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, sa fejn dawn jeħtieġu li r-rikorrent jista’ jikkontesta l-legalità sostantiva jew proċedurali tal-imsemmija atti, deċiżjonijiet, jew ommissjonijiet.

89      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex quddiemha lment ibbażat fuq traspożizzjoni żbaljata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, hija ma tistax teżamina l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u li jirrigwardaw l-portata tal-istħarriġ effettivament imwettaq fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-High Court.

90      B’hekk, it-tieni argument mhuwiex fondat.

91      Għal dak li jirrigwarda t-tielet argument, dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, sa fejn dawn jistabbilixxu rekwiżiti fir-rigward tal-ħeffa tal-proċeduri, billi jirriżulta mill-Artikolu 50A(10) u (11)(b) tal-PDA li l-qrati kompetenti għandhom jittrattaw il-proċeduri bid-diliġenza kollha li tippermetti l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmi argument b’hekk mhuwiex fondat fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 49 tas-sentenza preżenti.

92      Fir-rigward tar-raba’ argument, li jittratta l-ispejjeż tal-proċeduri, jirriżulta mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, li l-proċeduri stabbiliti fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jiswew tant li jkunu projbittivi. Huma koperti biss l-ispejjeż li jsiru minħabba l-parteċipazzjoni f’proċeduri bħal dawn. Tali rekwiżit ma jipprojbixxix lill-qrati milli jikkundannaw parti għall-ispejjeż kemm-il darba l-ammont ta’ dawn tal-aħħar jissodisfa dak ir-rekwiżit.

93      Għalkemm huwa paċifiku li l-qrati Irlandiżi għandhom is-setgħa jiddeċiedu li ma jikkundannawx lill-parti li titlef il-kawża għall-ispejjeż u barra minn hekk jistgħu jgħaddu l-piż tal-ispejjeż imġarrba minn din fuq il-parti l-oħra, għandu jingħad li din hija biss prassi tal-qrati.

94      Din il-prassi waħidha, li min-natura tagħha m’għandhiex karattru ċert, ma tistax, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 54 u 55 tas-sentenza preżenti, tkun ikkunsidrata bħala li tammonta għal eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva.

95      B’hekk, ir-raba’ argument huwa fondat.

96      Fir-rigward tal-ħames argument, għandu jiġi mfakkar li wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-Direttiva 2003/35 huwa li jiġi promoss l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-ambjent, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

97      F’dan ir-rigward, l-obbligu li l-pubbliku jingħata informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju previst fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, introdott mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, u fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, introdott mill-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, għandu jiġi analizzat bħala obbligu li jinkiseb riżultat preċiż, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintlaħaq.

98      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali jew regolamentari speċifiċi li jirrigwardaw l-informazzjoni fuq id-drittijiet mogħtija lill-pubbliku, il-fatt biss li jkunu disponibbli, permezz ta’ pubblikazzjoni jew b’mezzi elettroniċi, ir-regoli dwar il-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif ukoll l-aċċess possibbli għad-deċiżjonijiet tal-qrati ma jistgħux ikunu kkunsidrati li jiggarantixxu b’mod suffiċjentement ċar u preċiż li l-pubbliku interessat ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet tiegħu għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-ambjent.

99      B’hekk, il-ħames argument għandu jintlaqa’.

100    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni lment, sa fejn jikkonċerna r-rekwiżit tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(7) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/35, fir-rigward tar-raba’ u l-ħames argumenti tiegħu, huwa fondat.

 Fuq l-inosservanza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35, sa fejn l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata ma ġiex rispettat

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Il‑Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni li ngħatat lilha mill-Irlanda fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/35 li introduċew l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 mhijiex suffiċjenti.

102    Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Irlanda ma informathiex dwar il-ġurisprudenza li tistabbilixxi l-aċċess tal-pubbliku interessat għall-istħarriġ ġudizzjarju jew il-liġijiet speċifiċi li jippermettu li jintwera li d-drittijiet u l-obbligi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju ġust, rett, f’waqtu u li ma jiswiex tant li jkun projbittiv.

103    Hija żżid li hija ma ġietx informata dwar il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti li tirrigwarda speċifikament l-użu tal-proċeduri ta’ stħarriġ fir-rigward tad-Direttiva 2003/35, u b’mod partikolari li hija ma kinitx id-destinatarja mill-Irlanda stess tas-sentenzi mogħtija mill-High Court fil-kawża Friends of Curragh Environment Ltd, li ġew ikkomunikati lilha minn sors ieħor.

104    L-Irlanda tirrikonoxxi li hija ma kkonformatx ruħha għalkollox mal-obbligu li tinforma lill-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35. Hija madankollu tippreċiża li, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(7), u tal-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva kienu diġà trasposti mid-dispożizzjonijiet legali eżistenti, hija ma kinitx obbligata tinnotifika dawn id-dispożizzjonijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105    Għandu jiġi mfakkar li għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija effettivament il-Kummissjoni li għandha d-dmir li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi meħtieġa sabiex din tivverifika l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 211 KE, li tgħasses fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li l-istituzzjonijiet ikunu adottaw abbażi ta’ dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑408/97, Ġabra p. I‑6417, punti 15 u 16, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑456/03, Ġabra p. I‑5335, punt 26).

106    Għall-finijiet stabbiliti minn din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35, bħal fil-każ ta’ direttivi oħra, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnotifikaw.

107    L-informazzjoni li l-Istati Membri huma b’hekk obbligati jagħtu lill-Kummissjoni għandha tkun ċara u preċiża. Din trid tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li permezz tagħhom l-Istat Membru jqis li jkun wettaq id-diversi obbligi imposti fuqu mid-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-Direttiva. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba nuqqas totali ta’ informazzjoni jew inkella minħabba informazzjoni mhux ċara u preċiża biżżejjed, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, intiża sabiex jiġi kkonstatat dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

108    Barra minn hekk, jekk it-traspożizzjoni ta’ direttiva tista’ tkun iggarantita minn regoli tad-dritt intern diġà fis-seħħ, l-Istati Membri mhumiex f’dak il-każ eżentati mill-obbligu formali li jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dawn ir-regoli sabiex din tista’ tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-konformità tagħhom mad-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

109    Fil-każ preżenti, sa fejn il-liġi diġà fis-seħħ kienet, waħedha, ikkunsidrata li tassigura l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/35 dwar l-aċċess għall-ġustizzja f’kwistjonijiet ambjentali, l-Irlanda kienet responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni dwar il-liġijiet jew ir-regolamenti inkwistjoni, mingħajr ma hija tista’ effettivament targumenta li preċedentement kienet innotifikat dawn ir-regoli tad-dritt intern li ġew adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 85/337 u 96/61 hekk kif applikabbli qabel l-emendi introdotti mid-Direttiva 2003/35.

110    Peress li dan l-Istat Membru jsostni li t-traspożizzjoni kienet ġiet ikkonstatata mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali b’mod partikolari dik tal-High Court, l-Irlanda kienet marbuta tikkomunika wkoll lill-Kummissjoni sommarju preċiż tal-imsemmija ġurisprudenza, biex b’hekk il-Kummissjoni setgħet tivverifika jekk dan l-Istat Membru kienx effettivament implementa d-Direttiva 2003/35 biss permezz tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, u tassigura l-istħarriġ li kien ir-responsabbiltà tagħha taħt it-trattat.

111    Konsegwentement, it-tieni lment sa fejn jikkonċerna l-ksur tal-obbligu li tingħata informazzjoni lill-Kummissjoni huwa fondat.

112    B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, għandu jiġi kkonstatat li l-Irlanda,

–        billi ma adottatx, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 4(2) sa (4) tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent li jaqgħu taħt il-kategorija tal-bini tat-toroq koperta mill-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, ikunu suġġetti, b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva emendata, għal proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, u

–        billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(3) sa (7), u mal-Artikolu 4(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/35 u billi ma nnotifikatx uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, rispettivament, taħt id-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11 u taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35.

113    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

114    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet jitilfu kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

115    Fil-kawża preżenti, għalkemm il-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Irlanda għall-ispejjeż, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti tilfet parti sostanzjali tal-ilmenti tagħha. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Irlanda,

–        billi ma adottatx, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 4(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1995, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent li jaqgħu taħt il-kategorija tal-bini tat-toroq koperta mill-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata bid-Direttiva 97/11, ikunu suġġetti, b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva, għal proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, u

–        billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(3) sa (7), u mal-Artikolu 4(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, u billi ma nnotifikatx uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, rispettivament, taħt id-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 97/11 u taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Irlanda għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.