Language of document : ECLI:EU:C:2009:9

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2009 1(1)

Kawża C‑427/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Direttiva 2003/35 – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Aċċess għall-ġustizzja”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tibbaża ruħha fuq żewġ proċeduri prekontenzjużi distinti. Minn naħa l-Kummissjoni takkuża lill-Irlanda talli, fir-rigward tal-proġetti privati, ma ttrasponietx fid-dritt nazzjonali d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (2), fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 (3) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva ta’ stima”). Min-naħa l-oħra, l-Irlanda ma implementatx (kompletament) id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-aċċess għall-ġustizzja, id-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE (4), u talli ma nnotifikatx il-miżuri ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni.

2.        L-aċċess għall-ġustizzja mmexxi mid-dritt Irlandiż tal-urbaniżmu huwa fiċ-ċentru tal-kawża. F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jinjora kuntradizzjoni li tivvizzja s-suġġeriment tal-Kummissjoni: hija tallega, minn naħa, li l-ilmenti tagħha huma diretti biss kontra n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni u mhux kontra n-natura ta’ dawk li ġew adottati. Min-naħa l-oħra, hija testendi sewwa fuq in-natura tal-miżuri Irlandiżi, jiġifieri li hija teżamina fid-dettall jekk ċerti miżuri Irlandiżi humiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/35.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Id-Direttiva 2003/35 għandha bħala għan li timplementa ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni KEE/ONU fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika għall-proċess deċiżjonali u għall-aċċess tal-ġustizzja fir-rigward tal-ambjent(5) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), li l-Komunità ffirmat f’Aarhus (fid-Danimarka) fil-25 ta’ Ġunju 1998 (6).

A –    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

4.        L-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiddefinixxi l-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat, li fih jinkludi ċerti entitajiet mhux governattivi:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni,

[…]

[l]-espressjoni ‘pubbliku kkonċernat’ tindika l-pubbliku li huwa affettwat jew li jirriskja li jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ ambjent jew li għandu interess fir-rigward tal-proċess deċiżjonali; għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-entitajiet mhux governattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa fid-dritt intern huma kkunsidrati li għandhom interess.”

5.        L-Artikolu 3(1) jippreċiża l-mod kif il-partijiet fil-Konvenzjoni għandhom jimplementaw din tal-aħħar:

“Kull parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, regulatorji jew miżuri oħra neċessarji, inkluż il-miżuri intiżi sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, kif ukoll miżuri xierqa ta’ infurzar, bl-iskop li jimplementaw u jżommu kuntest ċar, trasparenti u konsistenti sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.”

6.        L-Artikolu 3(8) jistħoqqlu attenzjoni safejn jirrigwarda l-kwistjoni tal-ispejjeż:

“Kull parti għandha tiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jiġu bl-ebda mod ippenalizzati, ippersegwitati jew suġġetta għal miżuri vessatorji minħabba l-involviment tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax is-setgħat tal-qrati nazzjonali li jattribwixxu spejjeż ta’ ammont raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.”

7.        L-Artikolu 6 jistipula r-regoli tal-parteċipazzjoni pubblika għall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ ċerti proġetti. Dan jirrigwarda proġetti msemmija fil-lista tal-Anness I tal-Konvenzjoni jew proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

8.        L-Artikolu 9(2) jirregola l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-parteċipazzjoni pubblika prevista mill-Konvenzjoni:

“Kull parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)       għandhom interess suffiċjenti sabiex jaġixxu jew, alternattivament,

b)      li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ parti tirrikjedi dan bħala kundizzjoni,


ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit permezz ta’ liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew omissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u preġudizzju għal dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u skont l-objettiv li jikkonsisti sabiex jagħti lill-pubbliku kkonċernat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess li għandha kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 2 għandu jiġi meqjus bħala suffiċjenti fis-sens tas-subparagrafu (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jiġu meqjusa li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudizzjati fis-sens tal-paragrafu b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux l-possibbiltà ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma jaffettwawx l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jinfetħu proċeduri ġudizzjarji fejn tali obbligu huwa previst fid-dritt intern.”

9.        Il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 9 jikkontjenu indikazzjonijiet oħra fuq il-garanziji li għandhom joffru l-proċeduri ġudizzjarji:

“(4)      Barra dan, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ inġunzjoni jekk ikun hemm lok, u għandhom ikunu oġġettivi, ugwali u mgħaġġla mingħajr mal-ispejjeż tagħhom ikunu eċċessivi b’mod projbittiv. Id-deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu għandhom jiġu mogħtija bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati u, meta possibbli ta’ korpijiet oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

(5)      Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu iktar effettivi, kull parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà li tingħatalu li jibda proċeduri ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju, u għandha tikkunsidra l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna li għandhom l-għan li jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra għal aċċess għall-ġustizzja.”

B –    Id-Direttiva 2003/35

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/35 għandu l-emendi għad-Direttiva ta’ stima.

11.      Il-punt 1 ta’ dan l-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “pubbliku interessat” b’dan il-mod:

“il-pubbliku affettwat jew x’altarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

12.      Il-punt 7 jirrigwarda l-aċċess għall-ġustizzja:

“għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘L-Artikolu 10a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

(a)      li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

(b)      li jżommu l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-orgnizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-ef[f]ettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista.”

13.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/35 għandu l-emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (7). Il-paragrafu 4 tiegħu huwa miktub, fl-istess diċitura bħall-Artikolu ġdid 10a tad-Direttiva ta’ stima.

C –    Id-dritt Irlandiż

14.      In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet jirrigwarda essenzjalment l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fid-dritt Irlandiż mill-Planning and Development Act 2000 (8), fil-verżjoni tal-Planning and Development (Strategic Infrastucture) Act 2006 (9). L-Artikoli 50 u 50A jirreferu għar-regoli dwar ir-rikorsi possibbli mibdija kontra ċerti miżuri ta’ pjanifikazzjoni.

15.      L-interess ġuridiku mitlub huwa rregolat mill-Artikolu 50A(3) tal-liġi:

“(3)  Il-qorti ma għandhiex tagħti l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 50 sakemm ma tkun żgurat ruħha li —

(a)      ikun hemm raġunijiet serji li jindikaw li d-deċiżjoni jew l-att ikkonċernat huwa null jew għandu jiġi annullat, u

(b)       (i)    min jagħmel it-talba jkollu interess sostanzjali fl-operazzjoni li tkun is-suġġett tat-talba, jew

(ii)      meta d-deċiżjoni jew l-att ikkonċernat jirrigwarda proġett identifikat mill-Artikolu 176, illum fis-seħħ, jew mid-dispożizzjonijiet meħuda b’applikazzjoni tiegħu bħala proġett li jista’ jkollu effetti rilevanti fuq l-ambjent, min jagħmel it-talba —

(I)      ikun korp jew organizzazzjoni (ħlief jekk ikun awtorità statali, awtorità pubblika, jew korp jew aġenzija governattiva) li jkollu bħala għanijiet il-promozzjoni tal-protezzjoni ambjentali,

(II)      ikun, matul it-tnax-il xahar li jiġu qabel id-data li fiha tkun saret it-talba, fittex dawk l-iskopijiet jew l-għanijiet, u

(III) jissodisfa dawk ir-rekwiżiti (jekk ikun hemm) bħala korp jew organizzazzjoni kieku jkollu jippreżenta appell taħt l-Artikolu 37(4)(c), bis-saħħa tal-Artikolu 37(4)(d)(iii) (u, għal dan l-iskop, kull rekwiżit previst taħt l-Artikolu 37(4)(e)(iv) għandu jkun applikabbli bħallikieku r-riferiment li jkollu għat-tip ta’ kwistjoni li għalih id-deċiżjoni, li tkun is-suġġett tal-appell, tirreferi, ikun riferiment għat-tip ta’ kwistjoni li fih id-deċiżjoni jew l-att, li jkunu s-suġġett tat-talba għal awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 50, taqa’).”

16.      L-Artikolu 50A(4) jippreċiża li l-interess serju rikjest mhux limitat għall-interessi immobiljari jew finanzjarji.

17.      L-Artikolu 50A(10) u (11)(b) jobbliga lill-qrati jittrattaw il-proċeduri li jitressqu quddiemhom bid-diliġenza kollha li tippermetti amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-Artikolu 50A(12) jippermetti li jiġu adottati regoli addizzjonali li huma intiżi sabiex iħaffu l-proċedura.

III – Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet

18.      Dan ir-rikors jiġi wara żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni.

19.      Fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni, il-Kummissjoni lmentat dwar il-leġiżlazzjoni Irlandiża li ma tissuġġettax il-proġetti privati ta’ kostruzzjoni tat-toroq għall-proċedura legali ta’ stima tal-impatti fuq l-ambjent. Fit-18 ta’ Ottubru 2002, hija stiednet lill-Irlanda sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilmenti li sarulha. L-Irlanda aġixxiet fil-5 ta’ Marzu 2003, iżda ma kkonvinċietx lill-Kummissjoni, li bagħtitilha opinjoni motivata fil-11 ta’ Ġunju 2003. L-Irlanda rrispondiet b’ittra tal-10 ta’ Settembru 2003.

20.      It-tieni proċedura tirrigwarda l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/35. Fit-28 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni rrikjediet mill-Irlanda li hija tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-notifikazzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni. Billi l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Irlanda fis-7 ta’ Settembru 2005 ma ssodisfawhiex, il-Kummissjoni bagħtitilha, fid-19 ta’ Diċembru 2006, l-ewwel opinjoni motivata, li għaliha l-Irlanda rrispondiet fl-14 ta’ Frar 2006. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda t-tieni opinjoni motivata li fiha hija tatha terminu ta’ xahrejn li fl-iskadenza tiegħu, jiġifieri fit-18 ta’ Diċembru 2006, id-Direttiva kellha tiġi implementata. Wara li nnotifikat diversi emendi tad-dritt intern tagħha li seħħew fit-30 ta’ Novembru 2006, 18 ta’ Diċembru 2006 u 18 ta’ Jannar 2007, l-Irlanda rrispondiet lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Frar 2007.

21.      Il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li tgħaqqad iż-żewġ proċeduri u ppreżentat dan ir-rikors fis-7 ta’ Settembru 2007.

22.      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiddikjara li billi ma adottatx, skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 (2) , (3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, id-dispożizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex qabel l-għoti ta’ kull permess, il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent li jappartjenu lill-kategorija ta’ kostruzzjoni tat-toroq koperta mill-klassi 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE, ikunu suġġetti, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-direttiva, għal proċedura ta’ applikazzjoni għal permess u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont din l-aħħar direttiva;

–        tiddikjara li billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3, punti 1 u 3 sa 7 u għall-Artikolu 4 punti 1 sa 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi 85/337/KEE u 96/61/KE tal-Kunsill jew, f’kull każ, billi ma nnotifikatx l-obbligi l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva;

–        tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

23.      L-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors.

24.      Wara l-iskambji tan-noti tal-proċedura bil-miktub, il-partijiet iltaqgħu fis-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2008.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

25.      L-ewwel ser naqbad il-punti li qablu jew kważi qablu fuqhom il-partijiet qabel ma niddedika ruħi għan-nuqqas ta’ qbil dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

A –    Fuq il-leġiżlazzjonijiet dwar it-toroq privati

26.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Irlanda ma adottatx il-miżuri kollha li jippermettu li jiġi ggarantit li l-proġetti tal-kategorija “kostruzzjoni ta’ toroq” tal-Anness II, klassi 10, inċiż (e) tad-Direttiva ta’ stima jkunu suġġetta għar-rekwiżiti tad-direttiva safejn it-toroq privati mhumiex inklużi fil-leġiżlazzjoni Irlandiża.

27.      Il-kunċett ta’ triq fis-sens tad-Direttiva ta’ stima ma jinkludi ebda distinzjoni skont jekk huwiex proġett privat jew pubbliku. Għaldaqstant, ikun inkompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva li jiġu esklużi t-toroq privati (10). L-Irlanda ma tikkontesta lanqas li l-kunċett ta’ triq fis-sens ta’ din il-kategorija ta’ proġett tinkludi bħala regola l-proġetti privati ta’ kostruzzjonijiet tat-toroq ukoll. Għall-kuntrarju hija takkomplixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli b’dan il-mod, iżda, billi dawn l-emendi saru biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża.

28.      Ir-rekwiżiti tad-Direttiva ta’ stima għandhom f’kull każ japplikaw għat-toroq privati wkoll. Huwa inkontestabbli li qabel l-aħħar emendi, it-toroq privati bħala tali ma waqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni applikabbli tad-dritt Irlandiż. Mhuwiex biżżejjed li jiġi ddikjarat, kif tagħmel l-Irlanda, li dawn it-toroq jagħmlu, prattikament fil-każijiet kollha, parti minn proġetti oħra, għax dan ikun iwassal sabiex wieħed jammetti li s-sitwazzjonijiet kollha mhumiex koperti.

29.      Hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li billi ma adottatx, kif l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2), (3) u (4) tad-direttiva imponewlha li tagħmel, id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex qabel l-għoti ta’ kull permess, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent li jappartjenu għall-kategorija ta’ “kostruzzjoni tat-toroq” koperta mill-klassi 10, inċiż (e) tal-Anness II, ikunu suġġetti, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-direttiva, għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni u ta’ stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva ta’ stima.

B –    Punti mhux ikkontestati tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/35

30.      Il-partijiet jiftiehmu sabiex jirrikonoxxu li fil-mument rilevanti, l-Artikolu 3, punti 1, 4, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/35 ma kienx għadu ġie implementat għas-sistemi Irlandiżi kollha ta’ awtorizzazzjoni. L-Irlanda tiċċita b’mod partikolari d-Dublin Docklands Development Authority Act 1997, il-Fisheries Act 1980, il-Foreshore Act 1993, id-Dumping at Sea Acts 1996 to 2006 u l-Arterial Drainage Acts 1945 u 1995.

31.      Barra dan, il-Kummissjoni rtirat l-ilmenti tagħha dwar l-Artikolu 4, punti 1, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/35 wara li l-Irlanda kienet innotifikat il-miżuri ta’ implementazzjoni li hija kienet adottat. Safejn, madankollu, l-Irlanda tirrikonoxxi li emendi oħra tad-dritt Irlandiż huma meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Artikolu 4, punti 2 u 3 tad-Direttiva 2003/35, il-Kummissjoni żżomm l-ilment tagħha ta’ implementazzjoni inkompletat. L-Irlanda tikkwota f’dan ir-rigward l-Environmental Protection Agency (Licensing) Regulations 1994 to 2004 u l-Waste Management (Licensing) Regulations 2004.

32.      Safejn l-Irlanda nnotifikat miżuri iktar wiesgħa ta’ implementazzjoni għal dawn is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża.

33.      Hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa kollha għall-implementazzjoni tal-Artikolu 3, punti 3, 4, 5 u 6 u tal-Artikolu 4, punti 2 u 3, l-Irlanda naqset mill-obbligi li għandha skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35/KE.

C –    Fuq il-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat

34.      Il-partijiet huma maqsuma fuq il-punt dwar jekk il-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat għandux jiġi implementat fid-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttiva 2003/35 tagħti ċerti drittijiet lill-pubbliku kkonċernat u, b’mod partikolari, li d-drittijiet hekk mogħtija lill-entitajiet mhux governattivi mhumiex biżżejjed iggarantiti fl-Irlanda.

35.      Id-definizzjonijiet ta’ kunċetti li jinsabu fid-direttivi m’għandhomx jiġu implementati litteralment fil-każijiet kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “żona speċjali ta’ konservazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 1(l) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (11) m’għandux jiġi implementat b’mod espress u li huwa biżżejjed li l-oqsma koperti minn dan il-kunċett u kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni li għandhom jiġu adottati jkunu ddefiniti b’mod legalment suffiċjenti fid-dritt nazzjonali (12).

36.      Il-kwistjoni deċiżiva hija għalhekk dwar jekk il-persuni indikati mill-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat jistgħux jibbenefikaw minn drittijiet li tagħtihom id-Direttiva 2003/35. Il-Gvern Irlandiż jesponi dwar dan is-suġġett li dawn id-drittijiet huma diġà ggarantiti lill-pubbliku kollu u li mhuwiex għalhekk neċessarju li tingħata definizzjoni partikolari tal-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat.

37.      Sabiex tiċħad dan l-argument, il-Kummissjoni kien messha wriet liema drittijiet tal-pubbliku kkonċernat mhumiex suffiċjentement implementati fid-dritt Irlandiż. Hija tillimita ruħha fuq dan il-punt għall-aċċess għall-ġustizzja tal-entitajiet mhux governattivi. Dan l-aspett tal-implementazzjoni tal-Artikolu 3(1) għandu jiġi analizzat separatament flimkien mal-aċċess ta’ dawn l-entitajiet mhux governattivi għall-ġustizzja (13).

38.      Fir-rigward tad-drittijiet l-oħra tal-pubbliku kkonċernat, il-Kummissjoni ma pprovatx li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma ġewx suffiċjentement implementati. Hemm lok għalhekk li dan ir-rikors jiġi miċħud fuq dan il-punt.

D –    Fuq l-aċċess għall-qrati

39.      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 3, punt 7 u tal-Artikolu 4, punt 4 tad-Direttiva 2003/35, jiġifieri dwar l-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61. Minn naħa, il-miżuri li l-Irlanda kienet diġà adottat meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata ma jimplementawx dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-Irlanda ma nnotifikatx il-miżuri kollha li hija kienet ħadet bl-għan tal-implementazzjoni tagħhom.

1.      Fuq in-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni

40.      L-akkuża magħmula kontra l-Irlanda li ma kinitx implementat l-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 tikkorrispondi għall-għan inizjali tal-intimazzjoni, li kienet limitata sabiex tfakkar lill-Irlanda li hija ma kinitx adottat miżuri ta’ implementazzjoni. Rigward l-aċċess għall-qrati, li r-regoli ta’ dan huma msemmija f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-Irlanda rrispondiet b’mod ġenerali li dan kien diġà ggarantit fid-dritt Irlandiż.

41.      Matul il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura kontenzjuża li segwiet, il-partijiet komplew jestendu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom għall-kwalità tal-miżuri ta’ implementazzjoni esposti mill-Irlanda. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni kull darba rreaġixxiet għall-argumenti u għall-informazzjoni li kellha l-Irlanda billi tapprofondixxi l-kritika tagħha.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-espożizzjoni tal-Kummissjoni

42.      Il-Kummissjoni tista’ bħala regola tittrasforma l-ilment ta’ nuqqas totali ta’ implementazzjoni f’ilment ta’ implementazzjoni insuffiċjenti (14) f’kull każ meta l-Istat Membru jinnotifika biss tardivament il-miżuri ta’ implementazzjoni li huwa adotta u ma jippermettix għalhekk lill-Kummissjoni li tirrikonoxxi u li tiddenunzja kmieni biżżejjed il-lakuni li huma jinkludu. Fil-fatt, l-ilment ta’ nuqqas ta’ implementazzjoni jkopri bħala regola l-ilment ta’ implementazzjoni ħażina (15).

43.      Każijiet tali mhumiex frekwenti minħabba li l-miżuri ta’ implementazzjoni li huma adottati biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata ma jistgħux jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni u li l-Kummissjoni tagħlaq ġeneralment il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għan-non-notifikazzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni minn meta dawn tal-aħħar jiġu nnotifikati lilha sabiex jiġu eżaminati nuqqasijiet eventwali ta’ konformità fil-kuntest ta’ proċedura oħra.

44.      F’din il-kawża, madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza fir-rikors (punt 5,26) u fir-replika (punt 18) tagħha li r-rikors tagħha huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk id-direttiva ġietx implementata. Hija tirriżerva d-dritt li teżamina l-kwalità tal-implementazzjoni fi proċedura ulterjuri.

45.      L-espożizzjoni tal-Kummissjoni hija madankollu kuntradittorja u, għaldaqstant, inammissibbli safejn hija tifformula sussegwentement l-ilmenti dwar il-lakuni kwalitattivi tad-dritt Irlandiż (16). Kieku l-Qorti kellha tiddeċiedi fuq dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija toħloq barra dan ir-riskju li tidħol fuq proċedura ulterjuri dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi, li l-Kummissjoni rriżervat espressament id-dritt li tiftaħ.

46.      Rigward l-ilment tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, ir-rikors għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn dan jirrigwarda l-kwalità tal-miżuri adottati mill-Irlanda. Dak kollu li hemm lok li jiġi eżaminat huwa l-punt dwar jekk l-Irlanda ħaditx miżuri ta’ implementazzjoni jew le.

47.      M’għandux jiġi eskluż madankollu li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa b’mod differenti l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv. Huwa għalhekk li jiena ser neżamina, eventwalment b’mod sussidjarju, jekk il-Kummissjoni pprovatx jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 ġewx implementati biżżejjed fid-dritt fil-leġiżlazzjoni Irlandiża.

b)      Fuq l-interess ġuridiku suffiċjenti

48.      L-ewwel punt ta’ nuqqas ta’ qbil jikkonċerna l-aċċess tal-membri tal-pubbliku kkonċernat għal rikors quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi.

49.      Skont l-Artikolu 10a, paragrafu 1(a) tad-Direttiva ta’ stima u l-Artikolu 15a, paragrafu 1(a) tad-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw dan l-aċċess għall-kundizzjoni li r-rikorrent ikollu interess ġuridiku suffiċjenti.

50.      F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux biss fir-rigward tal-implementazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Planning and Development Act 2000, fil-verżjoni tal-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006.

51.      Fi tweġiba għal mistoqsija li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet matul is-seduta u f’komunikazzjoni ulterjuri bil-miktub, il-gvern Irlandiż informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi ta’ emenda ta’ 2006 kienu daħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2007. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkostitwiti mill-Artikolu 13 tal-Liġi tal-2006, li daħħal l-Artikolu 50 emendat kif ukoll l-Artikolu ġdid 50a fil-liġi inizjali ta’ 2000. Il-Gvern Irlandiż jibbaża ruħu fuq regolament dwar l-applikazzjoni ta’ partijiet tal-liġi li ġiet emendata (17).

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax madankollu tieħu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża emendi tad-dritt Irlandiż li daħlu fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu li l-Kummissjoni stabbilixxiet fl-opinjoni mmotivata, jiġifieri wara t-18 ta’ Diċembru 2006. L-indikazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż jidhru għalhekk li jeskludu eżami tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

53.      Jidher madankollu minn dokumenti annessi mad-difiża li dan l-argument dwar id-dħul fis-seħħ huwa żbaljat. Ir-regolament iċċitat mill-Gvern Irlandiż jirregola l-applikazzjoni ta’ partijiet oħra tal-liġi tal-2006. Ir-regoli l-ġodda applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 13 tal-liġi li ġiet emendata tal-2006, diġà daħlu fis-seħħ mis-17 ta’ Ottubru 2006 (18), jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk teżamina b’mod partikolari l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni qajmet kontra l-Artikolu 50A(3)(a)(i) tal-Planning and Development Act 2000, fil-verżjoni Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006. Il-Kummissjoni toġġezzjona għal din id-dispożizzjoni billi ma tippermettix lir-rikorrent jitlob għal “judicial review” ħlief meta huwa għandu interess sostanzjali (“substantial interest”).

55.      Il-Kummissjoni l-ewwel issostni li l-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli li ġiet ippromulgata wara d-Direttiva 2003/35 ma tikkontjeni ebda referenza għal din tal-aħħar, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, li jirrikjedi referenza tali (ksur li l-Kummissjoni madankollu ma invokatx bħala tali f’dan il-każ). Dan jista’ jindika li l-leġiżlatur Irlandiż lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni tad-direttiva meta huwa adotta din il-leġiżlazzjoni. In-nuqqas ta’ riferiment għad-Direttiva ma jipprovax madankollu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma timplementax id-direttiva.

56.      Il-Kummissjoni tikkunsidra t-tieni sentenza Friends of the Curragh Environment mogħtija mill-High Court Irlandiża (19) bħala li hija l-prova essenzjali tan-nuqqas ta’ implementazzjoni, f’liema sentenza din il-Qorti tispjega fir-rigward tal-eżami tas-“substantial interest” li d-Direttiva 2003/35 ma ġietx implementata fid-dritt Irlandiż. L-Irlanda tirrifjuta dan l-argument billi tinvoka s-sentenza Sweetman (20) li din l-istess qorti tat ulterjorment u li fiha hija rrevediet d-dikjarazzjoni preċedenti tagħha.

57.      Mhuwiex meħtieġ, fl-aħħar mill-aħħar, li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-punt dwar liema mid-dikjarazzjonijiet li l-High Court għamlet dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/35 hija dik korretta. Dak li huwa determinanti huwa li d-dritt Irlandiż jagħti aċċess għall-ġustizzja li jiddependi mill-interess ġuridiku tar-rikorrent. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk takkuża lill-Irlanda b’nuqqas totali ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dawn tal-aħħar humiex konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva hija kwistjoni li tirrigwarda l-kwalità tagħhom.

58.      Għaldaqstant, ir-rikors huwa infondat fuq dan il-punt safejn huwa jirrigwarda n-nuqqas totali ta’ miżuri ta’ implementazzjoni u huwa inammissibbli fir-rigward tal-kwalità ta’ dawn tal-aħħar.

59.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tittratta dan il-punt f’iktar dettall, kunsiderazzjoni għandha tingħata l-ewwel għall-kritika sussegwenti tal-Kummissjoni li s-sentenza Sweetman ma tkoprix il-proġetti privati. La d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Irlandiż u lanqas is-sentenzi Irlandiżi miġjuba għat-tagħrif tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħmlu madankollu distinzjoni bejn proġetti privati u proġetti pubbliċi (21).

60.      Għalkemm huwa veru li, fis-sentenza Sweetman, il-High Court tenfasizza espressament li l-persuna li qed tiżviluppa hija awtorità pubblika filwaqt li s-sentenzi Friends of the Curragh Environment irrigwardaw proġett privat (22), dawn il-konstatazzjonijiet tal-qorti Irlandiża m’għandhom ebda effett perċettibbli fuq l-applikazzjoni tad-dritt Irlandiż billi huma ikkonċernaw biss applikazzjoni diretta tad-Direttiva 2003/35 eżaminata fuq pjan purament ipotetiku.

61.      Huwa għalhekk li għandu jiġi preżunt li l-istess regoli għandhom jiġu applikati għall-aċċess għall-proċeduri ta’ kontroll ta’ proġetti privati u pubbliċi.

62.      Il-Kummissjoni toġġezzjona wkoll talli l-Irlanda ma implementatx id-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u li interpretazzjoni tad-dritt Irlandiż konformi mad-direttiva, kif deċiż fis-sentenza Sweetman, mhijiex biżżejjed u ma tistax tiswa’ bħala implementazzjoni.

63.      Sabiex ikun jista’ jiġi aċċettat dan l-argument, li bħala prinċipju huwa korrett (23), il-Kummissjoni għandha madankollu turi l-ewwel li l-implementazzjoni mhijiex biżżejjed ċara. L-espożizzjoni li hija tagħmel fuq dan il-punt hija limitata essenzjalment għall-konstatazzjonijiet li l-High Court Irlandiża għamlet fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni allegata tad-Direttiva 2003/35 fit-tieni parti tas-sentenza Friends of the Curragh Environment (24).

64.      Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju tal-interess sostanzjali ġuridiku applikat mill-High Court tal-Irlanda huwa iktar restrittiv mill-kriterju tal-interess suffiċjenti ġuridiku (25). Din id-dikjarazzjoni ma tirrigwardax madankollu d-Direttiva 2003/35, iżda għal kundizzjoni ta’ ammissibbiltà imposta mid-dritt Irlandiż li kienet fis-seħħ qabel fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Planning and Development Act u li llum għadha tiġi applikata f’oqsma oħra ta’ applikazzjoni tal-“judicial review”.

65.      Għalhekk il-gvern Irlandiż huwa korrett– inkonformità ma’ dak li l-High Court tal-Irlanda ddikjarat fis-sentenza Sweetman – meta jirrispondi li interess ġuridiku suffiċjenti fis-sens tad-Direttiva 2003/35 u interess suffiċjenti skont id-dritt Irlandiż tal-proċedura huma kunċetti distinti.

66.      Skont id-Direttiva 2003/35, jiġifieri taħt l-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u taħt l-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, huma l-Istati Membri li huma kompetenti sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku jew preġudizzju għal dritt. Għalkemm huma għandhom jagħmlu dan b’mod konformi mal-għan li jikkonsisti fil-garanzija lill-pubbliku kkonċernat ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, huwa madankollu possibbli wkoll li tiġi implementata sistema ta’ aċċess għall-ġustizzja iktar restrittiva, jiġifieri li l-aċċess jiġi suġġett għall-kundizzjoni li r-rikorrent jinvoka preġudizzju għal dritt. Id-direttiva tħalli għalhekk lill-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ interess ġuridiku suffiċjenti u ma timponilhom b’hekk ebda norma minima imperattiva.

67.      L-Irlanda ddeċidiet li interess ġuridiku sostanzjali biss huwa suffiċjenti għall-iskopijiet tad-direttiva biss (26). Il-liġi tipprovdi espressament li dan l-interess mhuwiex limitat għal interessi immobiljari jew finanzjarji (27). Skont sentenza reċenti tas-Supreme Court tal-Irlanda, ir-rikorrent għandu jipprova li huwa għandu interess personali partikolari ta’ piż sostanzjali li qed jiġi mhedded mill-proġett inkwistjoni jew li huwa konness mal-iżvilupp inkwistjoni (28). Il-Kummissjoni ma tressaqx argument li juri għaliex dan il-kriterju huwa inkompatibbli mad-direttiva.

68.      L-iktar l-iktar jista’ jiġi mistoqsi jekk ir-restrizzjoni tad-drittijiet ta’ rikors hijiex kompatibbli mal-għan espressament imsemmi li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Ir-regoli preċedenti, iktar ġenerużi, dwar l-interess ġuridiku neċessarju, juru li aċċess iktar wiesa’ għall-ġustizzja huwa bħala prinċipju possibbli fis-sistema legali Irlandiża.

69.      Sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi interess ġuridiku, irid neċessarjament ikun hemm bilanċ ta’ kunsiderazzjonijiet kuntradittorji. L-implementazzjoni effikaċi tad-dritt tirrikjedi aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, filwaqt li numru ta’ proċeduri ġudizzjarji huma forsi inutli minħabba li ma kienx hemm ksur tad-dritt. Rikorsi superfluwi mhux biss jingumbraw il-qrati, iżda jistgħu wkoll jostakolaw il-proġetti kkonċernati u jdewmu t-twettiq tagħhom. Fatturi bħal densità leġiżlattiva li dejjem qed tiżdied jew inklinazzjoni ikbar taċ-ċittadini li joħolqu xi kontroversji bejniethom, iżda wkoll tibdil fis-sitwazzjoni tal-ambjent jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ ibbilanċjar tali. Huwa minħabba f’hekk li wieħed ma jistax jikkonkludi sempliċement mill-fatt li l-aċċess għall-ġustizzja qabel kien iktar ġeneruż li approċċ iktar restrittiv huwa inkompatibbli mal-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

70.      Il-Kummissjoni fl-aħħar sostniet fis-seduta li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi wkoll il-kriterju tal-interess ġuridiku sostanzjali. Filwaqt li, skont dan il-prinċipju, il-modalitajiet proċedurali applikabbli jaqgħu taħt is-sistema ġuridika interna ta’ kull Stat Membru, dawn ma jistgħux madankollu jkunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (29).

71.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li trattament irriżervat lir-rikorrenti Irlandiżi fil-kawżi tad-dritt tal-ippjanar tat-territorju huwa inqas favorevoli minn oqsma ġuridiċi oħra, fejn ir-rikorrenti għandhom jiġġustifikaw biss interess ġuridiku suffiċjenti. Din il-perspettiva tista’ madankollu tkun konvinċenti biss jekk il-pożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju kellhom jiġu infurzati taħt id-dritt tal-ippjanar tat-territorju, iżda mhemm ebda indikazzjoni li dan huwa hekk. Sakemm jista’ jidher, ir-rikorsi taħt id-dritt tal-ippjanar tat-territorju jistgħu għall-kuntrarju jirrigwardaw ukoll kwistjonijiet ta’ dritt purament intern, iżda dawn ukoll huma miftuħa biss għar-rikorrenti li jistgħu jiġġustifikaw interess ġuridiku sostanzjali. Huwa għalhekk li din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tad-dritt tal-ippjanar tat-territorju ma tirriżultax fi trattament inqas favorevoli mill-każijiet affettwati mid-dritt Komunitarju.

72.      Mhemm xejn li jissuġġerixxi li t-traspożizzjoni fid-dritt Irlandiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 mhijiex suffiċjentement ċara għal dak li jirrigwarda l-interess ġuridiku rikjest għal kawżi mressqa minn individwi. Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra dan l-argument bħala ammissibbli, dan ikun f’kull każ infondat.

c)      Fuq id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (rikors kollettiv)

73.      It-tieni lment li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 jirrigwarda l-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Skont it-tieni sentenza tat-tielet paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli, l-interess ta’ ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi huwa meqjus bħala suffiċjenti sabiex jippermettilhom jippreżentaw rikors.

74.      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni toġġezzjona wkoll li l-Irlanda ma ttrasponietx il-kunċetti ta’ “pubbliku” u ta’ “pubbliku interessat”, kunċetti li huma ddefiniti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/35 għad-Direttiva ta’ stima. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali għandhom jiġu meqjusa bħala li għandhom interess fil-proċeduri kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali li jinkludu stima tal-effetti fuq l-ambjent.

75.      Id-definizzjonijiet ta’ kunċetti kif imsemmija fid-direttivi m’għandhomx dejjem jiġu trasposti verbatim. Huwa biżżejjed li l-effetti ġuridiċi relatati ma’ kunċett ikunu ddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod suffiċjentement preċiż fid-dritt (30).

76.      Jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat f’dan il-każ jekk id-dritt Irlandiż jirrikonoxxix l-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala li jagħmlu parti mill-pubbliku interessat b’tali mod li dawn jistgħu jiftħu kawżi kif previst taħt id-Direttiva 2003/35.

77.      L-Irlanda tesponi f’dan ir-rigward li l-Artikolu 50A(3)(b)(ii) tal-Planning and Development Act tal-Irlanda fil-verżjoni Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006 jeżenta lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi mill-obbligu li jipprovaw li huma għandhom interess ġuridiku sostanzjali. Qari attentiv tat-test tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma jippermettix li dan l-argument jiġi miċħud immedjatament.

78.      Il-Kummissjoni tirrispondi li t-tieni sentenza tal-High Court Friends of the Curragh Environment (31) irrigwardat ir-rikors ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li kien ġie miċħud minħabba li din l-organizzazzjoni ma kellhiex interess ġuridiku.

79.      Billi l-High Court ma applikatx il-verżjoni emendata tal-Planning and Development Act, verżjoni li, kif iddikjara l-gvern Irlandiż, kienet inapplikabbli ratione temporis, ebda deċiżjoni dwar il-leġiżlazzjoni ġdida dwar organizzazzjonijiet mhux governattivi ma tista’ tiġi dedotta minn din is-sentenza.

80.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar l-aċċess għall-ġustizzja ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi hija inkompatibbli mad-Direttiva 2003/35, jiġifieri mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61. Huwa għalhekk li l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni huwa infondat fuq dan il-punt ukoll. Il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni.

d)      Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-qrati Irlandiżi

81.      It-tielet ilment tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ. Skont l-ewwel paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ Artikoli, ir-rikorrent jista’ jikkontesta l-legalità, sostanzjali jew proċedurali, tad-deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet. Skontha, dan il-punt lanqas ma ġie traspost fid-dritt Irlandiż wara t-tieni sentenza tal-High Court Friends of the Curragh Environment (32) u s-sentenza Sweetman ma tirrimedjax għal din il-lakuna.

82.      L-ilment tan-nuqqas komplet ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat f’dan ir-rigward ukoll billi d-dritt Irlandiż jipprevedi rikors ta’ dan it-tip, jiġifieri “judicial review”.

83.      Il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet speċifiċi dwar l-eventwali portata tal-istħarriġ eżerċitat fil-kuntest ta’ “judicial review”. Huwa veru li fis-sentenza Sweetman iċċitata iktar ’il fuq (33) u fl-ewwel sentenza Friends of the Curragh Environment (34), il-High Court eżaminat l-eventwali oġġezzjonijiet għall-portata tal-istħarriġ taħt id-dritt Irlandiż, iżda xejn ma juri safejn il-Kummissjoni taqbel mar-raġunament adottat. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għalhekk tiddeċiedi fuq ilment dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni f’dan ir-rigward.

e)      Fuq it-trattament diliġenti tal-proċeduri ġudizzjarji

84.      Ir-raba’ lment imqajjem mill-Kummissjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 jikkonċerna t-tul tal-proċeduri. Skont il-ħames paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli, il-proċeduri għandhom isiru b’diliġenza. Fuq dan il-punt ukoll, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-tieni sentenza li l-High Court tat fil-każ Friends of the Curragh Environment (35), fejn hija ddikjarat li d-Direttiva ma ġietx trasposta.

85.      L-Irlanda tirrispondi billi tinvoka l-Artikolu 50A(10) u (11)(b) tal-Planning and Development Act 2000 tal-Irlanda, fil-verżjoni tal-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006, li jgħid li l-qrati kompetenti għandhom jittrattaw il-proċeduri bid-diliġenza kollha li tippermetti l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-Artikolu 50A(12) jipprevedi wkoll l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex il-proċeduri jiġu mħaffa.

86.      Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tipprova fuq dan il-punt lanqas in-nuqqas totali ta’ traspożizzjoni. Safejn hija ma qajmitx ilmenti speċifiċi dwar il-kwalità ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, mhuwiex neċessarju li jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

f)      Fuq l-ispejjeż

87.      Il-ħames ilment li l-Kummissjoni qajmet fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 jirrigwarda l-ispejjeż. Skont il-ħames paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ Artikoli, il-proċeduri ma jistax ikollhom spiża projbitiva.

88.      Il-partijiet jaqblu fir-rigward tal-ispejjeż tal-qorti u d-dritt tar-rikorrent li jirbaħ il-kawża għar-rimborż tal-ispejjeż li huwa jkun inkorra (36). Dan jikkonċerna safejn dan ir-rikorrent għandu jiġi protett kontra kundanna eventwali li timponi fuqu r-rimborż tal-ispejjeż esposti mill-parti avversarja fil-każ li jitlef il-kawża.

89.      L-Irlanda tikkunsidra li d-Direttiva 2003/35 ma tikkontjeni ebda regola dwar l-ispejjeż esposti mill-partijiet. Hija tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li ma ġewx espressament implementati fid-Direttiva. Minn naħa, l-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-partijiet fil-Konvenzjoni għandhom jikkunsidraw l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna li huma intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(8) tipprovdi li r-regola msemmija fl-ewwel sentenza ma tippreġudika b’ebda mod is-setgħa tal-qrati nazzjonali li jagħtu spejjeż ta’ ammont raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.

90.      Dan l-argument mhuwiex konvinċenti, billi t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni għandha tinqara flimkien mal-ewwel sentenza, li skontha l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ma jistgħu bl-ebda mod jiġu ppenalizzati, ippersegwitati jew suġġetta għal miżuri vessatorji, minħabba l-azzjoni tagħhom. It-tieni sentenza tagħmilha ċara li l-għoti tal-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji ma jistax jiġi kkunsidrat bħala penalità, persekuzzjoni jew miżura vessatorja.

91.      Meta wieħed jinterpreta l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tad-direttiva korrispettiva, hemm lok li l-Artikolu 9(5) ta’ din il-Konvenzjoni jiġi kkunsidrat indipendentement minn kull referenza espliċita fid-Direttiva 2003/35. Dan l-Artikolu juri fil-fatt li, meta huma jkunu qablu li l-proċeduri ma kellux ikollhom kost ipprojbit, il-partijiet ta’ din il-Konvenzjoni kellhom ċar f’moħħhom il-bżonn ta’ miżuri ta’ għajnuna.

92.      Barra dan, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (37), jirrikjedi wkoll li għajnuna legali tingħata lil dawk li m’għandhomx riżorsi biżżejjed safejn din l-għajnuna hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-aċċess għall-ġustizzja. Peress li t-Trattat ta’ Liżbona għadu ma ġiex irratifikat, il-Karta għad m’għandhiex effetti legali vinkolanti komparabbli ma’ dawk tad-dritt primarju. Madankollu, bħala sors ta’ gwida legali, hija tpoġġi dawl fuq id-drittijiet fundamentali (38) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (39).

93.      Huwa għal din ir-raġuni li r-regola li tipprojbixxi li l-proċeduri jkollhom spiża projbitiva tkopri l-ispejjeż li l-partijiet kelhom isostnu.

94.      Madankollu ma teżistix projbizzjoni assoluta li r-rikorrenti kkonċernati bid-Direttiva 2003/35 jiġu kkundannati għall-ispejjeż, bħalma jindika mhux biss it-test, li jipprojbixxi biss l-ispejjeż projbitivi, iżda wkoll b’mod partikolari l-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jippresupponi li kull parti tista’ tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

95.      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tipproteġix biżżejjed kontra l-ispejjeż projbitivi u tibbaża ruħha dwar dan fuq il-fatt, b’mod paritkolari, li l-ispejjeż tal-partijiet avversarji li jirbħu l-kawża jistgħu jkunu estremament għolja fl-Irlanda, u spejjeż li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ EUR mhumiex esklużi.

96.      Il-gvern Irlandiż isostni għad-difiża tiegħu li jeżisti regolament dwar l-għajnuna legali, regolament imsejjaħ Attorney General’s Scheme, u li, barra dan, ir-rikorrenti potenzjali jistgħu wkoll jużaw il-proċedura tal-Ombudsman b’xejn. Din id-difiża mhijiex konvinċenti, billi, skont il-kliem tagħha stess, ir-regolament dwar l-għajnuna legali inkwistjoni ma japplikax għall-proċeduri msemmija fid-direttiva. Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa miżura ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar. Għalkemm huwa veru li l-Ombudsman jista’ joffri soluzzjoni ta’ alternattiva mhux burokratika meta mqabbla mal-proċeduri ġuridiċi, jista’ biss madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern tal-Irlanda stess, jagħti rakkomandazzjonijiet u mhux jadotta deċiżjonijiet vinkolanti.

97.      Kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni u kif enfasizzat mill-Irlanda, il-qrati Irlandiżi għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jikkundannaw il-parti li titlef il-kawża għall-ispejjeż kif ukoll li jimponu spejjeż imġarrba minn din tal-aħħar fuq il-parti li rebħet il-kawża. Teżisti għalhekk possibbiltà li jiġi llimitat ir-riskju ta’ spejjeż għolja projbitivi.

98.      Din il-possibbiltà li jiġi llimitat ir-riskju ta’ spejjeż għolja projbitivi hija biżżejjed, skont jiena, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. Huwa għalhekk li r-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat fuq dan il-punt ukoll.

99.      B’mod addizzjonali, nixtieq nindika li huwa tajjeb fid-dritt li l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjoni li tmur ben oltrè u tiddikjara li d-dritt Irlandiż ma jorbotx lill-qrati għar-rekwiżiti tad-Direttiva meta huma jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fir-rigward tal-ispejjeż. Hija ġurisprudenza stabbilita li setgħa diskrezzjonali li tista’ tiġi eżerċitata b’mod konformi ma’ direttiva mhijiex miżura suffiċjenti ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar billi prattika tali tista’ tiġi mibdula f’kull ħin (40). Din l-oġġezzjoni tikkonċerna madankollu diġà l-kwalità tal-miżura ta’ traspożizzjoni u hija għalhekk inammissibbli.

g)      Dwar l-informazzjoni lill-pubbliku

100. Is-sitt ilment tal-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15A tad-Direttiva 96/61, fl-aħħar, huwa dirett kontra l-mod li bih il-leġiżlazzjoni Irlandiża torganizza l-informazzjoni lill-pubbliku fuq id-drittijiet tagħhom mogħtija permezz tad-direttiva. Skont is-sitt paragrafu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ Artikoli, sabiex iżidu l-effikaċità tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni prattika tingħata lill-pubbliku dwar l-aċċess għar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji.

101. Il-Kummissjoni tinvoka ż-żewġ sentenzi tal-kawża Friends of the Curragh Environment f’dan ir-rigward ukoll (41). Irrispettivament mil-leġiżlazzjonijiet effettivament eżistenti, il-pubbliku Irlandiż kellu jassumi wara dawn is-sentenzi li d-direttiva ma kinitx għadha trasposta fl-Irlanda.

102. L-argumenti li l-gvern Irlandiż jesponi dwar is-sentenza Sweetman ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għax din id-deċiżjoni ngħatat biss wara l-iskadenza tat-terminu li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet fl-opinjoni mmotivata.

103. Min-naħa l-oħra, il-Planning and Development Act 2000, fil-verżjoni tal- Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006, kienet diġà ġiet ippromulgata u kienet diġà daħlet fis-seħħ meta t-terminu kien skada. Dan l-argument ikollu, madankollu, iktar piż li kieku saret referenza espress għall-emendi tad-dritt dwar l-ippjanar tat-territorju fid-Direttiva 2003/35 trasposta, iżda dan mhuwiex il-każ.

104. Barra dan, it-tieni sentenza Friends of the Curragh Environment (42) turi b’mod iktar partikolari li l-qrati Irlandiżi ma kienu lanqas suffiċjentement informati b’dawn il-leġiżlazzjonijiet. Din il-kawża rrigwardat id-drittijiet ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li ġew forsi msaħħa mill-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006, li kien daħal fis-seħħ ftit ta’ żmien qabel, iżda din l-emenda legali mhija lanqas imsemmija fis-sentenza.

105. Il-punt deċiżiv huwa madankollu li l-obbligu li l-pubbliku jiġi informat ma jistax jiġi limitat għas-sempliċi pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ direttivi. Tali leġiżlazzjonijiet għandhom f’kull każ jiġu ppubblikati. L-obbligu espress li l-pubbliku jiġi informat għandu għalhekk imur ben oltrè.

106. Skont id-diċitura stess tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jxerrdu informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-ġustizzja, obbligu li mhuwiex issodisfatt bil-pubblikazzjoni biss tat-testijiet legali.

107. Il-Gvern Olandiż ma jirreferix għal miżuri ta’ informazzjoni oħra.

108. Għaldaqstant, l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35 inkwantu li ma tatx lill-pubbliku, kif rikjest mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, informazzjoni prattika dwar l-aċċess għar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji.

2.      Fuq l-informazzjoni lill-Kummissjoni

109. Issa għandu jiġi eżaminat jekk l-Irlanda tatx pariri suffiċjenti lill-Kummissjoni rigward il-miżuri li hija kienet adottat bl-għan tal-implementazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61. Skont il-Kummissjoni, l-informazzjoni li ġiet ipprovduta biha tar-regoli dwar l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji, b’mod partikolari (43), u l-aċċess għall-ġustizzja, inġenerali, ma kinitx suffiċjenti.

110. Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35, l-Istati Membri għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li huma adottaw għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

111. Huwa ta’ ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 10 KE, għandhom iħaffulha t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 211 KE, li tgħasses fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li l-istituzzjoni tkun adottat abbażi tat-Trattat (44). Huwa għal dawn il-finijiet li bħal direttivi oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35 jimponi obbligu ta’ informazzjoni fuq l-Istati Membri (45).

112. Għalhekk, l-informazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu lill-Kummissjoni għandha tkun ċara u preċiża. Din trid tindika mingħajr ambigwità liema huma l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrativi li permezz tagħhom l-Istat Membru jqis li jkun wettaq id-diversi obbligi li huwa għandu skont id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-direttiva. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba nuqqas totali ta’ informazzjoni jew inkella minħabba informazzjoni mhux biżżejjed ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (46).

113. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedura, l-Irlanda diġà indikat fir-risposta tagħha għall-ewwel opinjoni mmotivata li l-qrati Irlandiżi għandhom is-setgħa li jagħtu deċiżjoni fuq l-ispejjeż favur il-parti telliefa.

114. L-aċċess għall-ġustizzja huwa barra minn dan iggarantit, essenzjalment, mill-Planning and Development Act 2000 kif emendat bil-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006, li l-Irlanda pprovdiet kopja tiegħu lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2006, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fit-tieni sentenza mmotivata.

115. L-Irlanda b’hekk innotifikat lill-Kummissjoni bil-miżuri essenzjali li hija kienet adottat għall-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/35.

116. Il-Kummissjoni takkużaha madankollu li ma pprovdithiex b’kopja taż-żewġ sentenzi tal-High Court tal-Irlanda fis-sentenza Friends of the Curragh Environment (47).

117. L-Irlanda tirribatti l-ewwel nett li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jinformaw lill-Kummissjoni bil-leġiżlazzjonijiet eżistenti ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2003/35. Iż-żewġ sentenzi jirrigwardaw il-Planning and Development Act 2000, fil-verżjoni preċedenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/35.

118. Kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar din il-kwistjoni f’sens oppost mill-argument tal-Irlanda: għalkemm ir-regoli interni fis-seħħ fi Stat Membru jimplementaw diġà direttiva fis-sostanza tagħha, dan bl-ebda mod ma jeżentah mill-obbligu formali li jinforma lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ dawn ir-regoli sabiex din tkun tista’ tevalwa l-konformità tagħhom ma’ din id-direttiva (48).

119. L-Irlanda tenfasizza barra dan id-diffikultà li tesponi, fil-kuntest ta’ risposta għal opinjoni mmotivata, il-mod kif il-ġurisprudenza Irlandiża implementat id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Għandu jkun biżżejjed li ssir referenza għal din il-ġurisprudenza mingħajr iktar dettall filwaqt li ssir referenza għall-kapitolu korrispettiv tal-manwal tad-dritt amministrattiv Irlandiż applikabbli. Id-dikjarazzjonijiet tal-High Court huma obiter dicta li ma jikkontestawx implementazzjoni suffiċjenti. Il-High Court adottat deċiżjoni konformi biss wara l-aħħar ittra tal-Kummissjoni (49).

120. B’dawn is-sottomissjonijiet, l-Irlanda tikser madankollu l-obbligi li għandhom l-Istati Membri meta huma jimplementaw id-Direttivi fid-dritt nazzjonali tagħhom. Dawn l-obbligi japplikaw irrispettivament minn jekk Stat Membru jimplementax direttiva permezz tal-ġurisprudenza jew permezz ta’ leġiżlazzjonijiet. F’kull każ, kull dispożizzjoni tad-direttiva għandha tiġi eżaminata individwalment sabiex jiġi ddeterminat liema miżuri huma meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjoni. Meta Stat Membru bi ħsiebu jipprevali ruħu mill-validità ta’ regoli ta’ dritt eżistenti, huwa għandu jidentifika dik il-liġi qabel ma jiddetermina jekk miżuri oħra humiex superfluwi.

121. Huwa preċiżament dan l-eżami li l-Istat Membru jista’ (u għandu) jinnotifika lill-Kummissjoni u xejn iktar. Id-diffikultajiet ta’ sistema ta’ res judicata ma jirrigwardawx daqstant l-espożizzjoni ta’ dak l-eżami, iżda l-eżami fih innifsu. Madankollu, l-Istat Membru għandu jwettaq dan l-eżami irrispettivament mill-obbligu li jipprovdi informazzjoni.

122. Il-Kummissjoni għandha raġun tiddikjara li l-informazzjoni li Stat Membru jipprovdi fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttivi ma tistax teskludi informazzjoni ta’ natura li tiġġustifika ċerti dubji dwar implementazzjoni korretta. Sentenzi li jiddikjaraw li direttiva għadha ma ġietx implementata huma importanti preċiżament meta Stat Membru jikkunsidra li l-ġurisprudenza stabbilita minn dawn il-qrati diġà timplementa d-direttiva b’mod adegwat.

123. Huwa għalhekk li l-Irlanda kien messha pprovdiet lill-Kummissjoni sunt tal-ġurisprudenza Irlandiża li jikkonstata li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/35 dwar l-aċċess għall-ġustizzja kienu diġà ġew implementati suffiċjentement fid-dritt. F’dan il-kuntest, l-Irlanda setgħet tippreċiża l-portata tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

124. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li billi ma resqitx iż-żewġ sentenzi tal-High Court fil-kawża Friends of the Curragh Environment għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, l-Irlanda naqset mill-obbligu ta’ informazzjoni li għandha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35 fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva ta’ stima u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61.

V –    Spejjeż

125. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Biss il-Kummissjoni għamlet talba tal-ispejjeż. Filwaqt li din tirbaħ il-kawża fuq ċerti punti, ma tirbaħx fir-rigward ta’ partijiet essenzjali tar-rikors tagħha. Huwa għalhekk li l-ispejjeż għandhom jinqasmu, u kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VI – Konklużjoni

126. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lid-domandi preliminari:

1. Billi ma adottatx, skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2), (3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, id-dispożizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex qabel l-għoti ta’ kull permess, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent li jappartjenu lill-kategorija ta’ “kostruzzjoni tat-toroq” koperta mill-klassi 10(e) tal-Anness II, ikunu suġġetti, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-direttiva, għal proċedura ta’ applikazzjoni għal permess u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva 85/337/KEE.

2. Billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Artikolu 3, punti 3 sa 6 u tal-Artikolu 4 punti 2 u 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda, fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika u tal-aċċess għall-ġustizzja, id-Direttivi 85/337/KEE u 96/61/KE tal-Kunsill,

billi ma tatx informazzjoni prattika lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ kontroll amministrattiv u ġudizzjarju, skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, liema direttivi ġew emendati bid-Direttiva 2003/35, u

billi ma resqitx iż-żewġ sentenzi tal-High Court fil-kawża Friends of the Curragh Environment għall-informazzjoni tal-Kummissjoni,

l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35.

3. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4. L-Irlanda u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.



1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2– ĠU L 175, p. 40.


3 – ĠU L 73, p. 5.


4 – ĠU L 156, p. 17.


5– ĠU 2005, L 124, p. 4.


6 Irratifikata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005, ĠU L 124, p. 1. Il-konvenzjoni hija rriprodotta fl-Anness tad-deċiżjoni.


7 ĠU L 257, p. 26, ikkodifikata permezz tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis ĠU. L 24, p. 8.


8 Liġi Nru 30 minn 2000.


9 Liġi Nru 27 mill-2006.


10 Fis-sentenza li hija tat fil-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ikun kuntrarju għall-għan innifsu tad-direttiva” li jiġu esklużi t-toroq urbani mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.


11 – ĠU L 206, p. 7.


12 Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑508/04, Ġabra p. I-3787, punti 66 et seq).


13 – Ara l-punti 73 et seq, iktar ’l isfel..


14 Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑456/03, Ġabra p. I-5335, punti 19 et seq) u tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑32/05, Ġabra p. I‑11323, punti 52 et seq).


15 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna14, punt 40).


16 Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, Ġabra p. I-5415, punti 47 et seq).


17 Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006 (Commencement) (n° 3) Order 2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006, S. I. Nru 684 tal-2006.


18 – Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006 (Commencement) Order 2006 tal-11 ta’ Ottubru 2006, S. I. Nru 525 tal-2006.


19 Sentenza tal-High Court of Ireland tat-8 ta’ Diċembru 2006, Friends of the Curragh Environment Limited vs An Bord Pleanála ([2006] IEHC 390).


20 Sentenza tal-High Court of Ireland tas-26 ta’ April 2007, Sweetman vs An Bord Pleanála ([2007] IEHC 153).


21 Barra s-sentenzi tal-High Court iċċitati fin-noti ta’ qiegħ tal-paġina 19 u 20, jeħtieġ ukoll li tiġi ċċitata b’mod partikolari s-sentenza li s-Supreme Court tal-Irlanda tat fit-2 ta’ Mejju 2008 fil-kawża Harding vs Cork County Council u Anor [2008] IESC 27.


22 – Sentenzi diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ tal-paġina 20, punt 3.10.


23 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-144/99, Ġabra p. I-3541, punt 21); tad-19 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑236/95, Ġabra p. I‑4459, punti 12 et seq), u tat-12 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑507/04, Ġabra p. I‑5939, punt 137).


24 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


25 – Ara wkoll is-sentenzi Harding (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21) u Sweetman (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).


26 – Artikolu 50A(3)(b) tal-Planning and Development Act 2000 fil-verżjoni tal-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006.


27 – Artikolu 50A(4) tal-Planning and Development Act 2000 fil-verżjoni tal-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006.


28 – Ara s-sentenza Harding (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21). Rigward il-possibbiltà li jiġi interpretat id-dritt Irlandiż b’mod konformi mad-direttiva, is-Supreme Court tasal għall-konklużjoni sorprendenti li interpretazzjoni oħra tal-kunċett (miftuħ) ta’ “substantial interest” huwa inkompatibbli (contra legem) mal-liġi Irlandiża.


29 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 67).


30– Ara punt 35 iktar ’il fuq.


31 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


32 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


33 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 6.11 et seq.


34 – Sentenza tal-High Court of Ireland tal-14 ta’ Lulju 2006, Friends of the Curragh Environment ([2006] IEHC 243).


35 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


36 – Dan ma jikkonċernax il-garanzija għall-ispejjeż legali, kif stabbilita fis-sentenza tas-Supreme Court tal-Irlanda tal-21 ta’ Lulju 1998 fil-każ Lancefort Ltd. vs An Board Pleanála (Nru 2) [1999] 2 IR 270 u lanqas il-possibbiltà li l-aċċess, prevista fl-Artikolu 50A(6) tal-Planning and Development Act 2000, kif emendat mill-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006, jiġi suġġett għall-proċedura tal-kumpens tal-eventwali danni.


37 – Il-Karta l-ewwel ġiet ipproklamata b’mod solenni f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1) u wara fi Strasburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 303, p. 1).


38 – Ara, f’dan ir-rigward ukoll is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (“tagħqid familjali”, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38) u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).


39 – Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, Ġabra p. I-955, punt 16); tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma (C‑107/97, Ġabra p. I‑3367, punt 65); tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 87), u Il-Parlament vs Il-Kunsill (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 105).


40 – Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑197/96, Ġabra p. I‑1489, punt 14); tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑358/98, Ġabra p. I‑1255, punt 17); tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑145/99, Ġabra p. I‑2235, punt 30) u tal-10 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, (C‑33/03 , Ġabra p. I-1865, punt 25).


41 – Diġa ċċitata fin-noti 19 u 35, rispettivament.


42 – Diġa ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


43 – Ara l-punti 87 et seq, iktar ’il fuq.


44 – Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (96/81, Ġabra p. 1791, punt 7) u tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, (C-408/97, Ġabra p. I‑6411, punti 15 u 16).


45 – Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 7) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 26).


46 – Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 8) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27).


47 – Iċċitati fin-noti 19 u 35, rispettivament.


48 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 30).


49 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.