Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2021 – Aupicon et vs SEAE

(Kawża T-655/18) 1

(“Servizz pubbliku – Uffiċjali– Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni annwali tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Linji gwida dwar l-istabbiliment tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Deċiżjoni li tistabbilixxi l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal assenjat fil-Gana għal 20 % – Nuqqas ta’ stabbiliment tal-kwestjonarju meħtieġ mil-linji gwida – Irregolarità proċedurali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Delphine Aupicon (Gaboron, il-Botswana) u l-10 rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness tas-sentenza (rappreżentant: N. de Montigny, avukata)

Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (rappreżentanti: S. Marquardt u R. Spáč, aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer, F.-M. Hislaire u C. García Fernández, avukati)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Baġit u għall-Amministrazzjoni tas-SEAE tad-19 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istabbiliment tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, sa fejn din tistabbilixxi r-rata tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fil-Gana għal 20 % tal-ammont ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikun neċessarju, tad-dikjarazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ Jannar 2018 tar-rikorrenti sa fejn din tapplika din id-deċiżjoni għall-ewwel darba.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Baġit u għall-Amministrazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-19 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istabbiliment tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 hija annullata sa fejn din tistabbilixxi, mill-1 ta’ Jannar 2018, ir-rata tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fil-Gana għal 20 % tal-ammont ta’ referenza.

Id-dikjarazzjonijiet tar-remunerazzjoni ta’ Delphine Aupicon u tar-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness tas-sentenza, imfassla mis-SEAE għal Jannar 2018, huma annullati sa fejn dawn japplikaw id-deċiżjoni tas-SEAE tad-19 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi, mill-1 ta’ Jannar 2018, ir-rata tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fil-Gana għal 20 % tal-ammont ta’ referenza.

Is-SEAE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 25, 21.1.2019.