Language of document : ECLI:EU:T:2015:652

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

18 ta’ Settembru 2015

Kawża T‑653/13 P

Kari Wahlström

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2010 – Djalogu annwali mal-evalwatur – Iffissar ta’ għanijiet”

Suġġett:      Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Ottubru 2013, Wahlström vs Frontex (F‑116/12, ĠabraSP, EU:F:2013:143), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tad-9 ta’ Ottubru 2013, Wahlström vs Frontex (F‑116/12, ĠabraSP, EU:F:2013:143), hija annullata inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-tieni u t-tielet parti tat-tieni motiv għal annullament invokat fl-ewwel istanza kif ukoll it-talba għal indennizz. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2010 ta’ Kari Wahlström huwa annullat. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) hija kkundannata għall-pagament ta’ indennizz ta’ EUR 2 000 lil K. Wahlström. Frontex hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura u ma’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Rapport ivvizzjat b’irregolarità proċedurali – Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Ksur tal-obbligu ta’ djalogu bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata – Irregolarità sostanzjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu li jiġu stabbiliti l-għanijiet li għandhom jintlaħqu – Annullament tar-rapport fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Linji gwida għall-evalwaturi u membri tal-persunal rigward il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-persunal – Effetti legali

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Iffissar formali ta’ għanijiet waqt bidla fl-assenjazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali – Rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal li waqqaf l-attività tiegħu vvizzjat b’irregolaritajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 47, u tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra, EU:C:1990:125, punt 48

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP, EU:T:2002:103, punt 39

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, djalogu ta’ kwalità huwa essenzjali għaliex dan jikkostitwixxi ċ-ċavetta tal-imsemmija proċedura u jippreżupponi kuntatt dirett bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata, li huwa l-uniku tali li jiffavorizza djalogu frank u ddettaljat, li jippermetti lill-persuni kkonċernati, minn naħa, li jevalwaw b’eżattezza n-natura, ir-raġunijiet u l-portata tal-eventwali diverġenzi u, min-naħa l-oħra, li jaslu li jifhmu lil xulxin aħjar. Mingħajr skambju dirett bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata, l-evalwazzjoni ma tkunx tissodisfa b’mod sħiħ il-funzjoni tagħha ta’ għodda ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani u ta’ strument ta’ akkumpanjament tal-iżvilupp personali tal-persuna kkonċernata.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal, meħuda qabel l-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ma jistax ikollha l-effett li tirrendi inutli d-djalogu bejn il-membru tal-persunal u l-evalwatur tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, li għandu jippermetti lill-persuni kkonċernati, minn naħa, li jevalwaw b’eżattezza n-natura, ir-raġunijiet u l-portata tal-eventwali diverġenzi tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jaslu li jifhmu lil xulxin aħjar.

Ladarba rapport ta’ evalwazzjoni huwa bbażat fuq ġudizzji ta’ valur suġġettivi u għaldaqstant, min-naħa tagħhom, tali li jistgħu jiġu mmodifikati, għandu jitqies li, kieku l-membru tal-persunal kien instema’ qabel l-istabbiliment tal-imsemmi rapport, fil-kuntest ta’ djalogu, kien ikun jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu u, b’dan il-mod, forsi jikseb modifika tal-evalwazzjonijiet li saru fl-imsemmi rapport. Għaldaqstant, in-nuqqas li jinżamm id-djalogu annwali bejn il-membru tal-persunal u l-evalwatur tiegħu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, jikkostitwixxi irregolarità sostanzjali.

(ara l-punti 25 sa 28 u 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP, EU:T:2004:283, punt 40, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑27/05, ĠabraSP, EU:T:2007:321, punti 48 u 49

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 53)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2008, Neophytou vs Il-Kummissjoni, T‑43/07 P, ĠabraSP, EU:T:2008:432, punt 71

5.      Minkejja li l-linji gwida għall-evalwaturi u l-membri tal-persunal rigward il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-persunal ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, dawn jistabbilixxu, madankollu, regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prassi li għandha tiġi segwita u li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tipprovdi raġunijiet kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, meta tadotta tali regoli ta’ kondotta u meta tiddikjara, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li ser tapplikahom għall-każijiet koperti minn dawn ir-regoli, l-istituzzjoni inkwistjoni tkun qiegħda tistabbilixxi limiti għaliha stess fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli għaliex altrimenti tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 209 sa 211

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il-Parlament, T‑92/96, ĠabraSP, EU:T:1997:105, punt 46

6.      Peress li l-iffissar tal-għanijiet jikkostitwixxi element ta’ referenza fundamentali għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ membru tal-persunal u għall-istabbiliment tar-rapport ta’ evalwazzjoni, it-tneħħija tal-obbligu li jiġu ffissati formalment għanijiet għal membru tal-persunal waqt bidla fl-assenjazzjoni, u dan fil-kuntest ta’ djalogu mal-evalwatur tiegħu, ikollha bħala effett li jiġu ttrattati b’mod differenti l-membri tal-persunal, fil-qasam tal-iffissar ta’ għanijiet, skont id-data ta’ bidla fl-assenjazzjoni tagħhom.

Fil-fatt, l-“iffissar formali ta’ għanijiet” jinkludi l-iffissar ta’ għanijiet fil-kuntest ta’ djalogu mal-evalwatur. F’każ kuntrarju, dan iwassal għal trattament differenti tal-membri tal-persunal, fil-qasam tal-iffissar ta’ għanijiet, skont id-data ta’ bidla fl-assenjazzjoni tagħhom, sa fejn il-membru tal-persunal li jibdel l-assenjazzjoni tiegħu fil-bidu tas-sena jista’ jingħata għanijiet ġodda fil-kuntest tad-djalogu annwali mal-evalwatur, b’mod differenti mill-membru tal-persunal li jiġi assenjat mill-ġdid matul is-sena ta’ referenza, li jiġi mċaħħad minn tali djalogu.

(ara l-punti 62 u 66)

7.      Meta t-talbiet għad-danni jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, l-annullament iddikjarat mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, minnu nnifsu, kumpens xieraq u, fil-prinċipju, suffiċjenti għad-danni morali kollha li l-parti rikorrenti setgħet sofriet.

Madankollu, l-annullament ta’ att, meta ma jkollu l-ebda effettività, ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu l-kumpens xieraq u suffiċjenti għad-danni morali kollha kkawżati permezz tal-att annullat. Dan huwa l-każ meta, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tannulla rapport ta’ evalwazzjoni, ikun impossibbli, b’mod retroattiv, li jingħataw għanijiet lil membru tal-persunal li waqqaf l-attività tiegħu kif ukoll li jiġi organizzat djalogu formali fuq tali għanijiet. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tiegħu ma tistax tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġdida fil-kuntest ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ġdid u b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet iffissati ab initio. Għaldaqstant, jibqa’ dubju dwar il-prestazzjoni li l-persuna kkonċernata setgħet turi kieku ġew iffissati għanijiet inizjalment. Dan id-dubju jikkostitwixxi dannu.

Għaldaqstant, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax, inkwantu tali, jikkostitwixxi kumpens xieraq u suffiċjenti.

(ara l-punti 82 sa 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, ĠabraSP, EU:C:2008:134, punt 98

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni, T‑89/01, ĠabraSP, EU:T:2002:212, punt 97, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Skareby vs Il-Kummissjoni, T‑193/08 P, ĠabraSP, EU:T:2009:377, punt 99