Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-14 ta' Marzu 2011 - UsedSoft GmbH vs Oracle International Corp.

(Kawża C-128/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UsedSoft GmbH

Konvenuta: Oracle International Corp.

Domandi preliminari

Il-persuna li tista' tinvoka eżawriment tad-dritt ta' distribuzzjoni tal-kopja ta' programm ta' kompjuter hija "persuna li tikseb legalment" skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE 1?

Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: id-dritt ta' distribuzzjoni tal-kopja ta' programm tal-kompjuter hija eżawrita, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE, meta l-persuna li tikseb tkun wettqet il-kopja bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet?

Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-persuna li tikseb liċenzja ta' softwer "użata", tista' wkoll tinvoka, għat-twettiq ta' kopja ta' programm bħala "persuna li tikseb legalment", skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE, l-eżawriment tad-dritt ta' distribuzzjoni tal-kopja ta' programm ta' kompjuter li l-ewwel persuna li tikseb legalment, bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, tkun wettqet billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet, jekk l-ewwel persuna li tikseb legalment tkun neħħiet il-kopja tagħha jew ma tużahiex iktar?

____________

1 - Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16).