Language of document : ECLI:EU:T:2010:203

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

19 ta’ Mejju 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ksur kontinwu u f’diversi forom – Multi – Preskrizzjoni – Kooperazzjoni”

Fil-kawża T‑19/05,

Boliden AB, stabbilita f’Stokkolma (l-Isvezja),

Outokumpu Copper Fabrication AB, li kienet Boliden Fabrication AB, stabbilita f’Västerås (l-Isvezja),

Outokumpu Copper BCZ SA, li kienet Boliden Cuivre & Zinc SA, stabbilita f’Liège (il-Belġju),

irrappreżentati inizjalment minn C. Wetter u O. Rislund, sussegwentement minn Wetter u M. Johansson, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament tal-Artikolu 1(a) sa (c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2826, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Inkwantu din ikkonstatat illi r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998, kif ukoll bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ottubru 1999, u fit-tieni lok, talba għal tnaqqis mill-ammont tal-multa imposta b’din id-deċiżjoni fuq ir-rikorrenti, u fit-tielet lok, kontrotalba tal-Kummissjoni għal żieda tal-imsemmi ammont,


IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti Outokumpu Copper Fabrication AB (li kienet Boliden Fabrication AB), Outokumpu Copper BCZ SA (li kienet Boliden Cuivre & Zinc SA) u Boliden AB huma parti mill-grupp Boliden, li l-kumpannija parent tagħhom, Boliden, hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Svediż, ikkwotata fil-Borża ta’ Stokkolma (l-Isvezja), li għandha stabilimenti fl-Ewropa u fil-Kanada. Il-grupp huwa speċjalizzat, b’mod partikolari, fl-esplojtazzjoni tal-minjieri, l-ipproċessar u l-bejgħ ta’ metalli u ta’ prodotti minerali, prinċiparjament ir-ramm u ż-żingu.

1.     Il-proċedura amministrattiva

2        Wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn Meuller Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Mueller”) f’Jannar 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlet żjarat ta’ verifika mhux mistennija, f’Marzu 2001, fil-bini ta’ diversi impriżi li jaħdmu fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, skont l‑Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

3        Fid-9 u fl-10 ta’ April 2001, saru żjarat ta’ verifika addizzjonali fil-bini ta’ KME Germany AG (li kienet KM Europa Metal AG) u ta’ Outokumpu Oyj u Luvata Oy (li kienet Outokumpu Copper Products Oy) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Outokumpu”). Fid-9 ta’ April 2001, Outokumpu offriet li tikkoopera mal-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”), kemm fir-rigward tal-pajpijiet industrijali kif ukoll tal-pajpijiet għall-plumbing. Wara ż-żjarat ta’ verifika addizzjonali, il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha dwar il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing fi tliet proċeduri separati, jiġifieri l-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), il-Każ COMP/E‑1/38.121 (Attrezzaturi) u l-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali).

4        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2001, il-grupp Outokumpu bagħat memorandum lill-Kummissjoni, akkumpanjat minn ċertu numru ta’ annessi, li kien jiddeskrivi s-settur tal-pajpijiet tar-ram u l-ftehim kollużivi relatati miegħu.

5        Fil-5 ta’ Ġunju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, saru intervisti relatati mal-offerta ta’ kooperazzjoni magħmula mill-grupp Outokumpu, ma’ rappreżentanti ta’ din l-impriża. Din l-impriża indikat ukoll illi kienet lesta li tħalli lill-Kummissjoni tinterroga l-membri tal-persunal tagħha involuti fil-ftehim imsemmija fil-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

6        F’Lulju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, minn naħa waħda, bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Wieland-Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”) u lill-grupp KME [kompost minn KME Germany, KME France SAS (li kienet Tréfimétaux SA) u KME Italy SpA (li kienet Europa Metalli SpA)] u, min-naħa l-oħra, stiednet lill-grupp Outokumpu sabiex jibgħatilha informazzjoni addizzjonali. Fil-15 ta’ Ottubru 2002, il-grupp KME wieġeb għall-imsemmija talba għal informazzjoni. It-tweġiba tiegħu kienet tinkludi dikjarazzjoni u talba sabiex jibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Barra minn hekk, il-grupp KME ppermetta lill-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni kollha pprovduta fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) u f’dak tal-kawża COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

7        Fit-23 ta’ Jannar 2003, Wieland bagħtet dikjarazzjoni, lill-Kummissjoni, li kienet tinkludi talba sabiex, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), tibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

8        Fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), fit-3 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-grupp Boliden, lil HME Nederland BV (iktar ’il quddiem “HME”) u lil Chalkor AE Epexergasias Metallon (iktar ’il quddiem “Chalkor”), u fl-20 ta’ Marzu 2003, bagħtet ukoll lill-grupp IMI (kompost minn IMI plc, IMI Kynoch Ltd u Yorkshire Copper Tube).

9        Fid-9 ta’ April 2003, ir-rappreżentanti ta’ Chalkor iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u talbu, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), l-applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

10      Fid-29 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-kumpanniji kkonċernati. Wara li l-imsemmija kumpanniji kellhom aċċess għall-fajl elettroniku, u wara li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, huma, bl-eċċezzjoni ta’ HME, ħadu sehem f’seduta fit-28 ta’ Novembru 2003.

11      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 4820 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.240 – Pajpijiet industrijali), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2004) 2826 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat 13 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 192, p. 21).

13      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim bejniethom tas-swieq fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing:

a)      Boliden […], in solidum ma’ [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

b)      [Outokumpu Copper Fabrication], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

c)      [Outokumpu Copper BCZ], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper Fabrication], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

d)      Austria Buntmetall AG:

i)      in solidum ma’ Buntmetall Amstetten [GmbH], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

e)      Buntmetall Amstetten […]:

i)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Austria Buntmetall […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

f)      [Chalkor], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sal-bidu ta’ Settembru 1999 mill-inqas;

g)      [HME] mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-22 ta’ Marzu 2001 mill-inqas;

h)      IMI […], in solidum ma’ IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

i)      IMI Kynoch […], in solidum ma’ IMI […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

j)      Yorkshire Copper Tube […], in solidum ma’ IMI […] u IMI Kynoch […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

k)      [KME Germany]:

i)      individwalment, mit-3 ta’ Ġunju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME France] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

l)      [KME Italy]:

i)      in solidum ma’ [KME France], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME France], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

m)      [KME France]:

i)      in solidum ma’ [KME Italy], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

[…]

s)      Outokumpu […], in solidum ma’ [Luvata], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

t)      [Luvata], in solidum ma’ Outokumpu […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

u)      [Wieland]:

i)      individwalment mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-8 ta’ Lulju 1999, u

ii)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Boliden […], [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], in solidum: EUR 32.6 miljun;

b)      Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], in solidum: EUR 0.6695 miljun;

c)      Austria Buntmetall […], Buntmetall Amstetten […] u [Wieland], in solidum: EUR 2.43 miljun;

d)      [Chalkor]: EUR 9.16 miljun;

e)      [HME]: EUR 4.49 miljun;

f)      IMI […], IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], in solidum: EUR 44.98 miljun;

g)      [KME Germany]: EUR 17.96 miljun;

h)      [KME Germany], [KME France] u [KME Italy], in solidum: EUR 32.75 miljun;

i)      [KME Italy] u [KME France], in solidum: EUR 16.37 miljun;

j)      Outokumpu […] u [Luvata], in solidum: EUR 36.14 miljun;

k)      [Wieland], individwalment: EUR 24.7416 miljun.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

14      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-impriżi inkwistjoni kienu pparteċipaw fi ksur (iktar ’il quddiem il-“kartell” jew il-“ksur inkwistjoni” wieħed, kontinwu, kumpless u fil-każ tal-grupp Boliden, tal-grupp KME u ta’ Wieland, f’diversi forom. Il-Kummissjoni spjegat li l-ftehim nazzjonali, bħala tali, ma kinux koperti mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 2 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Prodotti u swieq inkwistjoni

15      Is-settur ikkonċernat, dak tal-fabbrikazzjoni tal-pajpijiet tar-ram, jinkludi żewġ gruppi ta’ prodotti, jiġifieri, minn naħa waħda, il-pajpijiet industrijali, li jinqasmu f’sottogruppi differenti skont l-użu finali tagħhom (kondizzjonar tal-arja u tkessiħ, attrezzaturi, tisħin tal-ilma u tisħin bil-gass, filter dryers u telekomunikazzjoni), u min-naħa l-oħra, il-pajpijiet għall-plumbing, imsejħa wkoll “pajpijiet tal-plumbing”, li huma użati fil-bini għall-installazzjonijiet tal-ilma, taż-żejt, tal-gass u tas-sħana (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-Każijiet COMP/E-1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) u COMP/E-1/38.240 (Pajpijiet industrijali) kienu jikkonċernaw żewġt iksur distinti. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha prinċiparjament fuq il-fatt li “huma impriżi differenti (u membri differenti tal-persunal ta’ dawn l-impriżi) li kienu involuti fil-ftehim dwar il-pajpijiet għall-plumbing, minn naħa waħda, u f’dawk dwar il-pajpijiet industrijali, min-naħa l-oħra, ftehim li l-organizzazzjoni tagħhom ukoll kienet differenti”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-settur tal-pajpijiet għall-plumbing kien differenti minn dak tal-pajpijiet industrijali f’dak li jirrigwarda l-klijentela koperta, l-użu finali u l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet illi dan il-grupp ta’ prodotti kien jinkludi żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti: il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, minn naħa waħda, u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Hija osservat illi “il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik mhux bilfors huma interkambjabbli u li jistgħu jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti distinti fid-dawl tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155). Madankollu, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset illi dawn iż-żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti kellhom jiġu kkunsidrati bħala “l-istess grupp wieħed ta’ prodotti […] għaliex essenzjalment huma l-istess impriżi (u l-istess membri tal-persunal ta’ dawn l-impriżi) li huma involuti fil-ftehim dwar dawn iż-żewġ sottofamilji ta’ prodotti u li l-ftehim kienu organizzati b’mod simili” (premessi 13 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll illi s-suq ġeografiku rilevanti kien iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Hija kkalkolat illi, fl-2000, fiż-ŻEE, il-valur tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji kien ta’ madwar EUR 970.1 miljun u dak tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kien ta’ EUR 180.9 miljun. Konsegwentement, il-valur ta’ dawn iż-żewġt iswieq flimkien ġie stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fl-2000 fiż-ŻEE (premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Komponenti tal-ksur inkwistjoni

19      Il-Kummissjoni spjegat illi l-ksur inkwistjoni kien jidher fi tliet forom distinti, iżda konnessi (premessi 458 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel parti tal-kartell, jiġifieri l-ftehim SANCO, kienet tikkonsisti mill-ftehim konklużi bejn il-“produtturi SANCO”, peress li SANCO kienet trade mark tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji prodotti mill-grupp KME, minn Wieland u mill-grupp Boliden (premessi 115 sa 118, 125 sa 146 u 456 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      It-tieni parti tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri l-ftehim WICU u Cuprotherm, kienet tinkludi l-ftehim konklużi bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”, peress li WICU u Cuprotherm kienu trade marks ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik prodotti mill-grupp KME u minn Wieland (premessi 121 u 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      It-tielet parti tal-kartell, jiġifieri l-ftehim Ewropej imsaħħa, kienet tinkludi l-ftehim konklużi fi ħdan grupp ikbar ta’ produtturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Din kienet tinkludi l-impriżi msemmija fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq kif ukoll il-grupp Buntmetall (kompost minn Austria Buntmetall u Buntmetall Amstetten), Chalkor, HME, il-grupp IMI, Mueller u l-grupp Outokumpu (premessi 147, 148, 192 u 459 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

22      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li l-ksur inkwistjoni kien beda fit-3 ta’ Ġunju 1988 f’dak li jirrigwarda lill-grupp KME u lill-grupp Boliden, fid‑29 ta’ Settembru 1989 f’dak li jirrigwarda lill-grupp IMI, lill-grupp Outokumpu u lil Wieland, fil-21 ta’ Ottubru 1997 f’dak li jirrigwarda lil Mueller u, mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998 f’dak li jirrigwarda lil Chalkor, lill-grupp Buntmetall u lil HME. Għal dak li jikkonċerna d-data li fiha l-ksur intemm, il-Kummissjoni ddikjarat li din kienet it-22 ta’ Marzu 2001, ħlief fil-każ ta’ Mueller u ta’ Chalkor, li, skont il-Kummissjoni, waqfu jipparteċipaw fil-kartell fit-8 ta’ Jannar 2001 u f’Settembru 1999 rispettivament (premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      F’dak li jikkonċerna n-natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni, fir-rigward tal-grupp Boliden, tal-grupp IMI, tal-grupp KME, tal-grupp Outokumpu u ta’ Wieland, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat illi, minkejja li l-kartell kellu perijodi ta’ attività inqas intensa bejn l-1990 u Diċembru 1992, minn naħa waħda, u bejn Lulju 1994 u Lulju 1997, min-naħa l-oħra, madankollu l-ksur qatt ma waqaf totalment, b’tali mod li l-ksur inkwistjoni kien effettivament jikkostitwixxi ksur wieħed mhux preskritt (premessi 466, 471, 476, 477 u 592 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

24      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fuq il-grupp Boliden, fuq il-grupp Buntmetall, fuq Chalkor, fuq HME, fuq il-grupp IMI, fuq il-grupp KME, fuq il-grupp Outokumpu u fuq Wieland (premessa 842 u Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      L-ammonti tal-multi ġew stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji espliċitement imsemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li skont id-deċiżjoni kkontestata, kienu applikabbli fil-mument tal-ksur inkwistjoni (premessi 601 sa 603 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), minkejja illi ma rreferietx għalihom b’mod sistematiku. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk, u sa fejn, l-impriżi kkonċernati kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

 Ammont inizjali tal-multi

–       Gravità

27      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat in-natura proprja tal-ksur, l-effett reali tiegħu fuq is-suq, il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tal-imsemmi suq (premessi 605 u 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Hija sostniet illi l-prattiki tat-tqassim tas-swieq u l-iffissar tal-prezzijiet, bħal dawk msemmija f’din il-kawża, kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur serju ħafna u kkunsidrat illi s-suq ġeografiku affettwat mill-kartell kien jikkorrispondi għal dak tat-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li s-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kien settur industrijali importanti ħafna, li l-valur tiegħu kien stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fiż-ŻEE fl-2000, l-aħħar sena sħiħa tal-kartell (premessi 606 u 674 sa 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jirrigwarda l-effett reali fuq is-suq, il-Kummissjoni rrilevat illi kien hemm provi biżżejjed illi juru li l-kartell kien ipproduċa effetti fuq is-suq ikkonċernat b’mod totali, partikolarment fuq il-prezzijiet, anki jekk kien impossibbli li dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż (premessi 670 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-finijiet ta’ din il-konstatazzjoni, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq diversi fatturi. L-ewwel nett, hija bbażat ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju filwaqt li rreferiet għall-fatt illi l-parteċipanti kienu skambjaw informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ u l-livelli tal-prezz (premessi 629 u 630 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      It-tieni nett, hija kkunsidrat il-fatt li l-membri tal-kartell kellhom sehem sinjifikattiv, jiġifieri 84.6 %, tas-suq fiż-ŻEE (premessa 635 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      It-tielet nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tabelli, memoranda u noti miktuba, fil-kuntest tal-laqgħat tal-kartell, mill-membri ta’ dan il-kartell. Dawn id-dokumenti kienu juru illi l-prezzijiet kienu għolew matul ċerti perijodi tal-kartell u li l-membri tal-kartell kellhom dħul addizzjonali meta mqabbel mal-perijodu preċedenti. Uħud minn dawn id-dokumenti kienu juru illi l-persuni involuti fil-kartell kkunsidraw illi dan kien ippermetta lill-impriżi kkonċernati jilħqu l-objettivi tal-prezz tagħhom. Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur M., direttur preċedenti ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Boliden, kif ukoll minn Wieland, mill-grupp Boliden u minn Mueller fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom (premessi 637 sa 654 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju kienu baqgħu relattivament stabbli matul il-kartell kollu, anki jekk xi drabi l-klijenti tal-parteċipanti nbidlu (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-impriżi kkonċernati kienu kkommettew ksur serju ħafna (premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Trattament differenzjat

34      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat erba’ gruppi li hija kkunsidrat bħala rappreżentattivi tal-importanza relattiva tal-impriżi fil-ksur inkwistjoni. It-tqassim, mill-Kummissjoni, tal-membri tal-kartell f’diversi kategoriji kien ibbażat fuq l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fil-kartell għall-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE matul is-sena 2000. Konsegwentement, il-grupp KME ġie kkunsidrat bħala l-attur prinċipali fis-suq ikkonċernat u ġie kklassifikat fl-ewwel kategorija. Il-gruppi Wieland (kompost minn Wieland u mill-grupp Buntmetall, li tiegħu Wieland kisbet il-kontroll f’Lulju 1999), IMI u Outokumpu ġew ikkunsidrati bħala operaturi ta’ daqs medju fuq dan is-suq u ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Il-grupp Boliden tqiegħed fit-tielet kategorija. Fir-raba’ kategorija kien hemm HME u Chalkor (premessi 681 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      L-ishma tas-suq ġew stabbiliti abbażi tad-dħul mill-bejgħ, magħmul minn kull persuna li wettqet ksur, li kien ġej mill-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing fuq is-suq konġunt tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Għaldaqstant l-ishma tas-suq ta’ impriżi li ma kinux ibiegħu pajpijiet WICU u Cuprotherm ġew ikkalkolati billi d-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji ġie diviż bid-daqs totali tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u dawk miksijin bil-plastik (premessi 683 u 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multi bħala EUR 70 miljun għall-grupp KME, EUR 23.8 miljun għall-gruppi Wieland, IMI u Outokumpu, EUR 16.1 miljun għall-grupp Boliden u EUR 9.8 miljun għal Chalkor u għal HME (premessa 693 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fid-dawl tal-fatt illi Wieland u l-grupp Buntmetall kienu impriża waħda wara Lulju 1999, u li, sa Ġunju 1995, KME France u KME Italy flimkien kienu impriża distinta minn KME Germany, l-ammont inizjali tal-multi li ġie impost fuqhom rispettivament ġie stabbilit bil-mod segwenti: EUR 35 miljun għall-grupp KME (KME Germany, KME France u KME Italy in solidum); EUR 17.5 miljun għal KME Germany; EUR 17.5 miljun għal KME Italy u KME France in solidum; EUR 3.25 miljun għall-grupp Wieland; EUR 19.52 miljun għal Wieland u EUR 1.03 miljun għall-grupp Buntmetall (premessi 694 sa 696 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Sabiex tiġi kkunsidrata n-neċessità li l-multa tkun stabbilita f’livell li jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 35.7 miljun, billi ikkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ mondjali tiegħu, iktar minn EUR 5 biljuni, kien jindika li huwa kellu daqs u saħħa ekonomika li jiġġustifikaw l-imsemmija żieda (premessa 703 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont inizjali tal-multi

39      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % għall-perijodi l-oħra addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, imma ta’ inqas minn sena. Għaldaqstant, ġie deċiż illi:

–        peress li l-grupp IMI pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 23.8 miljun;

–        peress li l-grupp Outokumpu pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa, stabbilita fl-ammont ta’ EUR 35.7 miljun wara ż-żieda tagħha għal raġunijiet dissważivi;

–        peress li l-grupp Boliden ipparteċipa fil-kartell għal tnax-il sena u disa’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 125 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16.1 miljun;

–        peress li Chalkor ipparteċipat fil-kartell għal tnax-il xahar, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8;

–        peress li HME pparteċipat fil-kartell għal sentejn u sitt xhur, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 25 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8 miljun;

–        peress li l-grupp KME pparteċipa fil-kartell għal ħames snin u seba’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 35 miljun;

–        peress li KME Germany ipparteċipat fil-kartell għal seba’ snin u xahrejn, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 70 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress li KME France u KME Italy ipparteċipaw fil-kartell għal ħames snin u għaxar xhur, fil-konfront tagħhom kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress illi Wieland kienet ikkunsidrata, minn naħa waħda, responsabbli individwalment għal perijodu ta’ disa’ snin u disa’ xhur u, min-naħa l-oħra, responsabbli in solidum mal-grupp Buntmetall għal perijodu addizzjonali ta’ sena u tmien xhur, fil-konfront tagħha ġew applikati, żieda ta’ 95 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 19.52 miljun, li għaliha kienet responsabbli Wieland waħidha, u żieda ta’ 15 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 3.25 miljun, li għaliha Wieland u l-grupp Buntmetall kienu responsabbli in solidum (premessi 706 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi inkwistjoni huma s-segwenti:

–        il-grupp KME: EUR 54.25 miljun;

–        KME Germany: EUR 29.75 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 27.13 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 1.03 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 3.74 miljun;

–        Wieland: EUR 38.06 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 49.98 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 74.97 miljun;

–        Chalkor: EUR 10.78 miljun;

–        HME: EUR 12.25 miljun;

–        il-grupp Boliden: EUR 36.225 miljun (premessa 719 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

41      L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu ġie miżjud b’50 % minħabba li dan kien reċidiv, peress illi kien id-destinatarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [FA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessi 720 sa 726 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt illi l-gruppi KME u Outokumpu kienu tawha informazzjoni, fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom, li ma hijiex koperta bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

43      Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’EUR 40.17 miljun, ammont li kien jikkorrispondi mal-multa li kienet tiġi imposta fuqu għall-perijodu ta’ ksur minn Settembru 1989 sa Lulju 1997, id-determinazzjoni ta’ liema kienet possibbli minħabba l-informazzjoni li huwa kien ta lill-Kummissjoni (premessi 758 sa 759 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fir-rigward tal-grupp KME, l-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqu tnaqqas b’EUR 7.93 miljun minħabba l-kooperazzjoni tiegħu, li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ksur inkwistjoni kien jinkludi l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (premessi 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

45      Bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ 50 % lill-grupp Outokumpu, ta’ 35 % lill-grupp Wieland, ta’ 15 % lil Chalkor, ta’ 10 % lill-grupp Boliden u lill-grupp IMI u ta’ 35 % lill-grupp KME. HME ma bbenefikat minn l-ebda tnaqqis bis-saħħa ta’ dan l-Avviż (premessa 815 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont finali tal-multi

46      Bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti tal-multi sabiex jiġu imposti fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

–        il-grupp Boliden: EUR 32.6 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 0.6695 miljun;

–        Chalkor: EUR 9.16 miljun;

–        HME: EUR 4.49 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 44.98 miljun;

–        il-grupp KME: EUR 32.75 miljun;

–        KME Germany: EUR 17.96 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 16.37 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 36.14 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 2.43 miljun;

–        Wieland: EUR 24.7416 miljun (premessa 842 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il‑“Qorti Ġenerali”), fl-20 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

48      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

49      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-perijodi inklużi bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998 u bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ottubru 1999;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

51      Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, minn naħa waħda, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom.

1.     Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

52      Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti jissollevaw motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur wieħed u kontinwu.

53      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi u skont il-ġurisprudenza illi, matul il-perijodi bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998, kif ukoll bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ottubru 1999, huma kellhom l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħhom, jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha fil-kartell u li huma kienu jafu bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra li kkommettew il-ksur fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew li huma setgħu b’mod raġjonevoli jippreveduhom u li kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju.

54      Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, illi l-ftehim SANCO ma kienx għadhom parti mill-kartell. Għaldaqstant, il-kartell kien fih biss żewġ partijiet, jiġifieri l-ftehim WICU u Cuprotherm u l-ftehim Ewropej imsaħħa.

55      Fid-dawl tal-fatt li huwa stabbilit illi r-rikorrenti ma pparteċipaw qatt fil-ftehim WICU u Cuprotherm u li huma ma baqgħux jattendu għal-laqgħat li saru fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998, il-ksur attribwit lir-rikorrenti ma kienx kontinwu iżda kien ġie interrott.

56      Skont ir-rikorrenti, il-fatt illi wara l-1 ta’ Lulju 1995, huma komplew jipparteċipaw fin-netwerk ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-“produtturi SANCO” ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell kinitx ġiet interrotta jew le. Fil-fatt, minn meta s-Sur M, wieħed mid-diretturi ġenerali f’dak iż-żmien, telaq f’nofs l-1995 sal-21 ta’ Novembru 1997, huma ma kinux jafu li kien hemm laqgħat tal-kartell, u lanqas dwar l-eżistenza tal-kartell bħala tali. Ir-rikorrenti saru jafu bl-eżistenza tal-ftehim Ewropej imsaħħa fil-21 ta’ Novembru 1997, meta huma ġew mistiedna mill-grupp KME sabiex jipparteċipaw f’dan il-ftehim, ħaġa li huma rrifjutaw li jagħmlu.

57      Barra minn hekk, is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni eżistenti bejn il-“produtturi SANCO” sa mill-1988 kienet ir-riżultat tal-implementazzjoni ta’ ftehim ta’ liċenzji legali. Għaldaqstant, l-għan oriġinali u prinċipali tal-imsemmija sistema kien legali. Madankollu, matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettew illi, bejn l-1988 u nofs l-1995, l-imsemmija sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienet serviet ukoll bħala għodda fi ħdan il-kartell. Huma jsostnu illi, peress li kienu injoraw il-laqgħat kontinwi u l-kuntatti kollużorji fi ħdan il-kartell wara nofs l‑1995, il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni wara din id-data ma kinitx għadha tikkostitwixxi parteċipazzjoni fil-kartell, iżda sempliċement implementazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzji legali.

58      Fir-rigward tal-perijodu bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti jallegaw illi, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 1998, huma kienu ħabbru, b’mod ċar u espliċitu, l-irtirar tagħhom mill-kooperazzjoni fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa. Ir-rikorrenti ma reġgħux ipparteċipaw fil-kartell ħlief fl-laqgħa li saret fit-8 ta’ Ottubru 1999.

59      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

60      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn imġieba kontinwa. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ din l-imġieba kontinwa jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħidhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt pjan ġenerali, minħabba l-iskop identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258).

61      Bl-istess mod, impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju globali anki jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi kostitwenti tal-istess akkordju, peress li, minn banda, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa kienet taqa’ taħt pjan globali u, mill-banda l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 sa T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 773, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 231).

62      F’din il-kawża. huwa stabbilit illi r-rikorrenti pparteċipaw fil-ftehim Ewropej imsaħħa mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-30 ta’ Ġunju 1997, mis-27 ta’ Awwissu 1998 sal-10 ta’ Diċembru 1998 u mit-8 ta’ Ottubru 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001. Huwa wkoll stabbilit illi mal-grupp KME u ma’ Wieland, b’mod frekwenti u fit-tul, skambjaw informazzjoni ddettaljata dwar il-volumi tal-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing tat-trade mark SANCO matul it-tul kollu tal-kartell, jiġifieri mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001.

63      Għaldaqstant jeħtieġ jiġi stabbilit jekk dan l-iskambju ta’ informazzjoni kienx jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-pjan globali tal-kartell u jekk ir-rikorrenti kellhomx ikunu jafu bl-eżistenza tal-kartell u tat-tmexxija tiegħu matul il-perijodi bejn l-1 ta’ Lulju 1995 u s-27 ta’ Awwissu 1998, kif ukoll bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ottubru 1999.

64      Fid-deċiżjoni kkontestata, (premessi 449 sa 457), il-Kummissjoni affermat illi l-elementi tal-pjan globali tal-kartell kienu jinkludu:

–        l-iffriżar tal-partijiet tas-suq rispettivi tagħhom permezz tat-tqassim tal-volumi tal-bejgħ skont il-pajjiż;

–        ftehim dwar iż-żidiet tal-prezz jew tal-prezzijiet ikkoordinati u l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żidiet jew ta’ dawn il-prezzijiet ikkoordinati;

–        l-implementazzjoni tat-tqassim tas-swieq u tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet permezz ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza li jistrieħ fuq arranġament ta’ mexxejja tas-suq għal territorji differenti Ewropej, kif ukoll fuq l-iskambju regolari ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar l-istrateġiji kummerċjali, il-volumi u l-objettivi tal-bejgħ, u kultant, dwar il-prezzijiet u l-iskontijiet.

65      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku ta’ skambji ta’ informazzjoni li jirrigwardaw il-pajpijiet SANCO, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat illi dawn kienu jippermettu li l-volumi tal-bejgħ jiġu kkontrollati Għandu jiġi mfakkar ukoll illi, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stqarret illi t-tqassim tal-volumi tal-bejgħ kien is-suġġett ta’ koordinazzjoni regolari bejn il-“produtturi SANCO” u l-membri tal-ftehim Ewropej imsaħħa. Finalment, fil-premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat illi l-kartell “kien jikkonsisti essenzjalment minn skambji ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ u, abbażi ta’ dawn, minn tqassim tal-kwoti”.

66      Ir-rikorrenti ma kkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet għall-perijodu mit-3 ta’ Ġunju 1988 sal-1 ta’ Lulju 1995. Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Lulju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001, huma jsostnu illi huma ma setgħux raġonevolment jipprevedu li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni wara nofs l-1995 kienet ser tikkontribwixxi għat-tmexxija tal-kartell.

67      Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex konvinċenti. Fil-fatt, wara li pparteċipaw għal diversi snin kemm fil-ftehim SANCO kif ukoll fil-ftehim Ewropej imsaħħa, li kienu jinkludu t-tqassim tal-produzzjoni u s-sorveljanza tal-implementazzjoni ta’ dan it-tqassim permezz ta’ skambji frekwenti u ddettaljati dwar il-volumi tal-bejgħ, ir-rikorrenti ma għandhomx jippretendu illi t-tluq tas-Sur M. f’nofs l-1995 ikkawża amnesija akuta fi ħdan l-impriża f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kartell jew il-mod tat-tmexxija tiegħu.

68      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jallegawx illi s-Sur M. kien l-uniku impjegat jew direttur li kien jaf bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bejn l-1988 u l-1995.

69      Għandu jiġi kkonstatat illi, matul it-totalità tal-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, ir-rikorrenti appoġġjaw il-mekkaniżmu antikompetittiv miftiehem fil-kartell. L-involviment tagħhom fl-imsemmija sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għalhekk ikkostitwixxiet il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 281). Fil-fatt, minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 64 sa 68 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti bilfors kellhom ikunu jafu illi l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienet taqa’ fil-pjan globali tal-kartell.

70      Finalment, għandu jiġi rrilevat illi l-argument tar-rikorrenti illi l-ftehim SANCO ma kienx għadhom jikkostitwixxu parti mill-kartell wara nofs l-1995 huwa infondat. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 69 iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti fil-kartell hija stabbilita permezz tal-fatt illi huma pparteċipaw b’mod mhux interrott f’sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni u li huma bilfors kellhom ikunu jafu li din is-sistema kienet parti mill-pjan globali tal-ksur inkwistjoni.

71      Minn dan jirriżulta illi t-talba għall-annullament parzjali mressqa mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

72      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar it-termini tal-preskrizzjoni, żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

73      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar illi mill-premessi 601 u 842 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-multi imposti mill-Kummissjoni ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stipulat fil-linji gwida u fl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

74      Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu ġenerali indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

76      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 267).

77      Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-ammont inzijali jew ir-rata’ ta’ żieda minħabba t-tul, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II-2917, punti 64 u 79).

78      Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet f’dan ir-rigward, bħala regola, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar it-termini tal-preskrizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti jsostnu illi, peress illi huma ma pparteċipawx fi ksur wieħed u kontinwu, il-Kummissjoni kisret ir-regoli applikabbli fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni billi imponiet multa għall-perijodu qabel it-22 ta’ Marzu 1996, minkejja li l-investigazzjoni tagħha ma bdietx qabel it-22 ta’ Marzu 2001. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw illi l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ skont il-liċenzji SANCO wara nofs l-1995 ma kinux jagħmlu parti mill-kartell u li l-akkordju li fih huma ssieħbu fis-27 ta’ Awwissu 1998 ma kienx l-istess akkordju li minnu huma kienu telqu f’nofs l-1995.

80      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll illi huma kellhom jibbenefikaw mill-istess trattament bħal HME, Mueller, il-grupp Buntmetall u Chalkor f’dak li jirrigwarda t-termini tal-preskrizzjoni, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

81      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi mill-punti 60 sa 71 iktar ’il fuq jirriżulta illi l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, korrettament stabbilixxiet illi r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu bejn it-3 ta’ Ġunju 1998 u t-22 ta’ Marzu 2001. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni tagħhom mhux interrotta fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienet biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom fil-kartell.

83      Minn dan jirriżulta illi, indipendentement mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar HME, Mueller, il-grupp Buntmetall u Chalkor, il-preskrizzjoni skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tapplikax fil-konfront tar-rikorrenti.

84      Fi kwalunkwe każ, u għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi kkonstatat illi mill-premessi 216, 449 u 450 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li HME, Mueller, il-grupp Buntmetall u Chalkor inżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-kartell mill-1997 jew mill-1998, filwaqt li r-rikorrenti nżammu responsabbli mill-1988.

85      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti jsostnu illi l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma kkunsidratx, waqt il-kalkolu taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul ta’ żmien, il-parteċipazzjoni mnaqqsa tagħhom fil-kartell matul perijodu sostanzjali. F’dan ir-rigward, huma jallegaw illi, matul żewġ perijodi ta’ interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell, huma bagħtu u rċevew informazzjoni biss fuq il-volumi tal-bejgħ skont l-arranġament ta’ liċenzjar SANCO.

87      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw illi l-Kummissjoni, meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa, ikkunsidrat biss il-gravità tal-kartell, bħala tali, u ma kkunsidratx, kif xieraq, ir-rwol tagħhom fil-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, filwaqt li jirreferu għall-ġurisprudenza, li l-gravità ta’ ksur ma tiġix evalwata biss mill-karatteristiċi partikolari tiegħu, iżda wkoll abbażi taċ-ċirkustanzi partikolari tal-impriża kkonċernata.

88      Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni ma kellhiex tkun obbligata tikkunsidra l-intensità mnaqqsa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-finijiet taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa imposta minħabba t-tul ta’ żmien, hija xorta jkollha l-obbligu tagħmel dan meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa minħabba l-gravità.

89      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud u tagħti eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dak li jirrigwarda l-ilment illi hija, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, ma kkunsidratx ir-rwol tar-rikorrenti fil-kartell. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmi ilment jikkostitwixxi motiv ġdid li ma ssemmiex fir-rikors u li għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 1997, Ibarra Gil vs Il-Kummissjoni, T‑207/95, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑31, punt 51; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, Ġabra, p. 1755, punti 9 u 10). L-istess japplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punt 85).

91      Għandu jiġi kkonstatat illi, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ġibdu l-attenzjoni dwar il-fatt illi l-Kummissjoni, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, ma kkunsidratx il-parteċipazzjoni allegatament imnaqqsa tagħhom fil-kartell. Mir-rikors jirriżulta illi l-motiv tagħhom jirrigwarda n-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta. Madankollu, l-ilment hemm ippreżentat mir-rikorrenti jirrigwarda biss iż-żieda tal-ammont inizjali minħabba t-tul ta’ żmien.

92      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti ma jirreferux għal punti ġodda ta’ fatt, iżda jippruvaw ikabbru l-portata tal-motiv tagħhom sabiex jinkludu wkoll ilment li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell. Madankollu, dan l-aħħar ilment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-motiv ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta, kif ġie espost fir-rikors, u li jirrapreżenta rabta mill-qrib miegħu. Fil-fatt, il-kontestazzjoni ta’ element essenzjali ta’ deċiżjoni, bħal, kif inhu f’din il-kawża, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, għandha tiġi fformulata b’mod speċifiku quddiem il-Qorti Ġenerali meta jsir ir-rikors.

93      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell, għandu jiġi miċħud.

94      Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, għandu jiġi kkonstatat li dan jirrigwarda element li dwaru l-Kummissjoni, skont il-linji gwida, żammet marġni ta’ diskrezzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi motiv ma jistax jintlaqa’ ħlief jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (ara l-punt 77 iktar ’il fuq).

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li żieda fl-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul ma hijiex limitata għall-każ fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu ikbar ikkawżat lill-għanijiet previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Barra minn hekk, mil-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur.

97      Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok, mill-istruttura tal-linji gwida jirriżulta li dawn jipprevedu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali sabiex jiġi stabbilit ammont inizjali tal-multa. Fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur hija analizzata fir-rigward tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, fatt li jista’ jagħti lok għal bilanċ tal-ammont inizjali, għat-tqassim tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku. Fit-tielet lok, it-tul tal-ksur huwa meħud inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku u, fir-raba’ lok, il-linji gwida jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li jiġi aġġustat l-ammont tal-multa, b’mod partikolari abbażi tar-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċeranti fit-twettiq tal-ksur.

98      Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ dewmien twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika minħabba t-tul tal-ksur.

99      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari fil-premessa 706 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ksur matul perijodu ta’ tnax-il sena u disa’ xhur (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 60 sa 71 iktar ’il fuq), jiġifieri perijodu twil skont il-linji gwida. Konsegwentement żiedet l-ammont inizjali tal-multa b’125 %. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma tbegħditx mir-regoli li hija stess imponiet fil-linji gwida.

100    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tat-tul tal-ksur inkwistjoni, din iż-żieda ta’ 125 %, ma hijiex, f’din il-kawża, manifestament sproporzjonata.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa, skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrenti jsostnu illi l-kooperazzjoni tagħhom kien jistħoqqilha tnaqqis iktar sostanzjali tal-ammont tal-multa tagħhom, peress illi huma kkonfermaw l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mis-Sur M. u peress illi, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet taw lill-Kummissjoni deskrizzjoni ddettaljata tal-ftehim SANCO.

102    Huma jistqarru wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tathom l-istess tnaqqis tal-ammont tal-multa bħal dak mogħti lill-grupp IMI, minkejja illi huma kkooperaw mal-Kummissjoni iktar minn dan il-grupp. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp IMI kien immotivat biss minħabba l-fatt illi dan kien irrikonoxxa l-ksur u li ma kkontestax il-fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienu taw informazzjoni lill-Kummissjoni u kkjarifikaw jew ikkonfermaw fatti importanti li ffaċilitaw l-investigazzjoni u li fuqhom l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata.

103    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

104    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat illi, skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kooperazzjoni bħal din tiffaċilita d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 325, u Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363).

105    Għandu jiġi mfakkar ukoll illi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 88). Madankollu, fil-kuntest tal-imsemmija diskrezzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat illi mill-punt D 2 tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni jirriżulta illi impriża tista’ tibbenefika mill-applikazzjoni tal-imsemmi avviż jekk, qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tagħti lill-Kummissjoni informazzjoni li tikkontribwixxi sabiex tikkonferma l-eżistenza tal-ksur kommess, jew jekk, wara li tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tinforma lill-Kummissjoni illi hija mhux se tikkontesta l-materjalità tal-fatti li fuqhom hija bbażat l-akkużi tagħha.

107    F’din il-kawża, kemm il-grupp IMI u r-rikorrenti bdew jikkooperaw wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx jippretendu li jiksbu tnaqqis iktar sinjifikattiv minn dak mogħti lill-grupp IMI, ħlief fil-każ fejn, sabiex jiġi stabbilit il-ksur, il-kooperazzjoni tagħhom iffaċilitat iktar id-dmir tal-Kummissjoni minn dik mogħtija mill-grupp IMI.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tiddistingwi ruħha minn dik mogħtija mill-grupp IMI għaliex kienu biss ir-rikorrenti illi “ikkjarifikaw ċerti dettalji ta’ fatt” (premessi 809 u 812 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta impliċitament illi l-Kummissjoni qieset illi l-utilità tal-kooperazzjoni rispettiva tal-grupp IMI u tar-rikorrenti kienet ta’ livell paragunabbli, peress illi t-tnejn bdew jikkooperaw fi stadju fejn il-Kummissjoni kienet diġà f’pożizzjoni, b’mod partikolari minħabba l-kooperazzjoni ta’ Mueller, tal-grupp Outokumpu u KME, ta’ Wieland u ta’ Chalkor, li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsostnux illi l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-kartell fit-totalità tiegħu fil-mument tal-kooperazzjoni tagħhom.

109    Għandu jiġi enfasizzat ukoll illi dikjarazzjoni bħal dik fil-punt 102 iktar ’il fuq li tillimita ruħha sabiex tikkonferma informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni minn impriża oħra fi stadju preċedenti tal-investigazzjoni ma tiffaċilitax id-dmir tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali u, għaldaqstant, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 301, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 455).

110    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat illi l-Kummissjoni ma kkommettietx żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti u ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tat rata ta’ tnaqqis identika, skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, lir-rikorrenti u lill-grupp IMI. Konsegwentement, dan il-motiv ukoll huwa infondat.

111    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-kontrotalba, ibbażata fuq it-trattament potenzjalment favorevoli lir-rikorrenti meta mqabbla ma’ Chalkor u mal-grupp IMI

 L-argumenti tal-partijiet

112    Il-Kummissjoni tikkonstata illi l-grupp IMI u Chalkor sostnew rispettivament, fir-rikorsi tagħhom fil-kawżi T‑18/05 u T‑21/05, illi, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multi, hija ma kkunsidratx il-fatt illi huma ma kinux involuti fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm u li għalhekk huma kienu kkommettew ksur inqas serju minn dak kommess mir-rikorrenti, Wieland u l-grupp KME. L-argumenti tal-grupp IMI u ta’ Chalkor jqajmu l-kwistjoni dwar l-allegata diskriminazzjoni bejn il-parteċipanti fil-kartell fil-kuntest ta’ dak li kien ġie kkunsidrat bħala ksur wieħed.

113    Il-Kummissjoni ssostni illi li kieku l-Qorti Ġenerali kellha taċċetta l-argumenti tal-grupp IMI u ta’ Chalkor fuq dan il-punt, hija kellha, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tbiddel l-ammont tal-multi imposti fuq il-grupp KME, fuq ir-rikorrenti u fuq Wieland, minflok tnaqqas dak tal-multi imposti fuq il-grupp IMI u fuq Chalkor.

114    Ir-rikorrenti jitolbu li din it-talba tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

115    Għandu jiġi kkonstatat illi l-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi tagħha tal-lum, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑18/05, Ġabra p. II‑0000), u Chalkor vs Il-Kummissjoni (T‑21/05, Ġabra p. II‑0000), iddeċidiet illi l-grupp IMI u Chalkor ikkommettew ksur inqas serju minn dak kommess mill-grupp Boliden, mill-grupp KME u minn Wieland u li l-Kummissjoni kkommettiet żball meta naqset li tikkunsidra dan l-element matul il-kalkolu tal-ammonti tal-multi.

116    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iddeċidiet illi l-ammont inizjali tal-multi stabbilit mill-Kummissjoni kien, meta mqabbel mal-gravità li kienu jirrapreżentaw it-tliet partijiet tal-kartell, xieraq u li kien hemm lok li jitnaqqsu l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq il-grupp IMI u fuq Chalkor sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt illi l-Kummissjoni ma sabithomx responsabbli f’dak li jirrigwarda l-ftehim SANCO (sentenzi IMI et vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punti 166, 167 u 189, u Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punti 104, 105 u 185).

117    Minn dan isegwi illi t-talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

119    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tilfu r-rikors tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni tilfet l-kontrotalba tagħha. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li huma r-rikorrenti li essenzjalment tilfu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż illi r-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % ta’ l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-kontrotalba magħmula mill-Kummissjoni hija miċħuda.

3)      Boliden AB, Outokumpu Copper Fabrication AB u Outokumpu Copper BCZ SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta’ Mejju 2010.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

Prodotti u swieq inkwistjoni

Komponenti tal-ksur inkwistjoni

Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

Ammont inizjali tal-multi

–  Gravità

–  Trattament differenzjat

Ammont inizjali tal-multi

Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

Ammont finali tal-multi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar it-termini tal-preskrizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa, skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-kontrotalba, ibbażata fuq it-trattament potenzjalment favorevoli lir-rikorrenti meta mqabbla ma’ Chalkor u mal-grupp IMI

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.