KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 (1)
Kawża C‑519/13
Alpha Bank Cyprus Ltd
vs
Senh Dau Si,
Alpha Panareti Public Ltd,
Susan Towson,
Stewart Cresswell,
Gillian Cresswell,
Julie Gaskell,
Peter Gaskell,
Richard Wernham,
Tracy Wernham,
Joanne Zorani,
Richard Simpson
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Anotato Dikastirio Kyprou (Ċipru)]
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 8 — Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta att — Rekwiżit li tiġi nnotifikata l-formola li tinsab fl-Anness II tar-Regolament li hija intiża biex tinforma lid-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi att — Validità tan-notifika f’każ li ma tintużax il-formola — Possibbiltà ta’ notifika sussegwenti permezz tal-avukat tad-destinatarju”
I – Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ seba’ kawżi dwar il-bilanċ ta’ kreditu ipotekarju bejn Alpha Bank Cyprus Ltd (iktar ’il quddiem “Alpha Bank”), kumpannija li teżerċita attivitajiet bankarji, u akkwirenti ta’ proprjetajiet immobbli, kif ukoll Alpha Panareti Public Ltd, kumpannija oħra li kienet ikkostitwixxiet ruħha bħala garanti tal-kreditu (2).
2. Din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (3).
3. L-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament, bit-titolu “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument [att]” jistipula li d-destinatarju ta’ att għandu jiġi informat “bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II [tar-Regolament]”, li huwa jista’ jirrifjuta n-notifika ta’ dak l-att jekk ma jkunx miktub b’lingwa partikolari jew akkumpanjat bi traduzzjoni f’dik l-lingwa.
4. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk dik il-formola standard hijiex ta’ natura obbligatorja u l-konsegwenzi fuq in-notifika ta’ att jekk dik il-formola ma tintużax.
II – Ir-Regolament Nru 1393/2007
5. L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Traduzzjoni tad-dokumenti [tal-atti]” jipprovdi:
“1. L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bl-użu tal-formola standard fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att maħsub għan-notifika fl-istess mument meta dan ikun innotifikat jew ikkomunikat jew billi jibagħtu lura lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:
a) lingwa li jifhimha d-destinatarju;
b) il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.
2. Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.
3. Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1, in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att jistgħu jkunu rrimedjati permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tal-att li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati jew ikkomunikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, att għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat matul perjodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika jew il-komunikazzjoni tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).
[…]”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6. Il-konvenuti fis-seba’ appelli quddiem il-qorti tar-rinviju huma, minn naħa, akkwirenti ta’ proprjetajiet li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru u, min-naħa l-oħra, il-venditriċi ta’ dawk il-proprjetajiet, Alpha Panareti Public Ltd (4). Il-proprjetajiet ġew akkwistati permezz ta’ kreditu ipotekarju mogħti minn Alpha Bank li, quddiem il-qrati Ċiprijotti, assenjat bi ħlas tal-bilanċ tal-kreditu ipotekarju, lill-akkwirenti kif ukoll lill-venditriċi, jiġifieri Alpha Panareti Public Ltd li kienet ikkostitwixxiet ruħha bħala garanti tal-kreditu.
7. Peress li l-akkwirenti (5) kellhom ir-residenza permanenti tagħhom f’pajjiż barrani, Alpha Bank kiseb, wara talba ex parte (6), f’kull wieħed mir-rikorsi fl-ewwel istanza, digriet li jawtorizza n-notifika, barra mit-territorju ġeografiku tal-qorti, ta’ kopja ċċertifikata tal-att promotur (7) u tan-nota mehmuża mal-att promotur (8) kif ukoll tat-traduzzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”). Kull wieħed minn dawk id-digrieti kontenzjużi kien jipprovdi, barra minn hekk, li n-notifika tal-imsemmija dokumenti kellha ssir skont ir-regoli previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.
8. Id-dokumenti segwenti ġew innotifikati lil kull wieħed mill- akkwirenti fl-Ingilterra:
– kopja ċċertifikata tal-att promotur tal-kawża u tan-“nota” mehmuża miegħu, bil-lingwa Griega u b’dik Ingliża;
– kopja ċċertifikata tad-digriet kontenzjuż, bil-lingwa Griega biss; u
– kopja ċċertifikata tad-dikjarazzjoni ġuramentata tat-traduttriċi li tiċċertifika l-konformità tat-traduzzjoni mad-dokumenti oriġinali.
9. Il-konvenuti f’kull waħda mis-seba’ kawżi ddikjaraw fl-ewwel istanza li huma kienu ser jidhru b’riżerva u ppreżentaw talba għall-annullament jew l-invalidità tad-digrieti kontenzjużi, kif ukoll tan-notifika nnifishom. Huma affermaw li, skont ir-Regolament Nru 1393/2007 u l-Kodiċi tal-proċedura ċivili Ċiprijott, kellhom jiġu nnotifikati wkoll dokumenti oħra, jiġifieri għal kull rikors:
– kopja tat-talba ex parte;
– traduzzjoni bl-Ingliż tad-digriet kontenzjuż;
– il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 b’mod konformi mal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament; u
– ittra ta’ spjegazzjoni dwar id-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati.
10. Alpha Bank argumenta quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li peress li l-konvenuti kienu ħadu konjizzjoni tal-eżistenza tal-azzjoni u tas-suġġett tagħha kif ukoll tal-iskadenzi applikabbli għalihom, huma ma setgħux jinvokaw l-irregolarità tan-notifika. Skont Alpha Bank, it-talbiet tal-konvenuti sabiex in-notifika tiġi invalidata jikkostitwixxu tentattiv min-naħa tagħhom sabiex jevitaw in-notifika.
11. F’kull waħda minn dawk is-seba’ kawżi, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet dawk it-talbiet. Hija ddeċidiet li l-ommissjoni li jiġu nnotifikati d-dokumenti kollha meħtieġa u t-traduzzjonijiet bl-Ingliż, b’mod partikolari t-traduzzjoni tad-digrieti kontenzjużi, tikkostitwixxi ksur tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili Ċiprijott kif ukoll tar-Regolament Nru 1393/2007, sa fejn dan iċaħħad lid-destinatarju tad-dokumenti mill-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-kontenut tagħhom. Hija ddeċidiet ukoll li kien hemm ksur ta’ dak ir-regolament, sa fejn il-konvenuti ma ġewx innotifikati l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak l-istess regolament, li kienet tinformahom dwar id-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jirċievu d-digrieti kontenzjużi bil-lingwa Griega, jekk ma jkunux akkumpanjati bit-traduzzjoni bl-Ingliż meħtieġa. Fuq dawn il-bażijiet, il-qorti tal-ewwel istanza annullat in-notifika tal-att promotur u tan-“nota” mehmuża miegħu kif ukoll tad-digriet kontenzjuż f’kull waħda mill-kawżi.
12. Alpha Bank ippreżentat appell f’kull waħda mis-seba’ kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju.
13. Permezz ta’ sentenza distinta, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-parti tas-seba’ sentenzi tal-ewwel istanza li tannulla n-notifika għal raġunijiet relatati ma’ ksur tad-dritt nazzjonali kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull ommissjoni setgħet tiġi rregolarizzata, b’mod konformi mal-ispirtu tar-Regolament Nru 1393/2007. Skont dik il-qorti, “[m]inkejja l-għadd kbir ta’ problemi li jirriżultaw mill-mod kif saret in-notifika, mid-dokumenti mibgħuta għal notifika ma jirriżultax li l-konvenuti fil-fatt ġew imqarrqa, għaliex huma ppreżentaw ruħhom fil-ħin quddiem il-qorti. Barra minn hekk, il-konvenuti ma speċifikawx in-natura tal-qerq li huma allegatament ġarrbu u lanqas, li huwa iktar importanti, il-konsegwenzi li dak l-allegat qerq kellu fuqhom”.
14. Il-qorti tar-rinviju indikat li hija ma kinitx ser tannulla n-notifika, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li n-notifika permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 kienet meħtieġa fil-każijiet kollha ta’ notifika fuq il-bażi tal-imsemmi regolament u li eventwali ommissjoni ta’ notifika tal-formola standard ma tistax tiġi rrimedjata u twassal għan-nullità tan-notifika.
15. F’dan il-kuntest, l-Anotato Dikastirio Kyprou (Ċipru) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) In-notifika tal-formola standard skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 hija meħtieġa fil-każijiet kollha jew jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet?
2) Fil-każ li jitqies li n-notifika hija meħtieġa fil-każijiet kollha, in-nuqqas tagħha f’din il-kawża jikkostitwixxi raġuni għall-invalidità tan-notifika?
3) Jekk le, huwa konformi mal-ispirtu tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 li n-notifika ssir lill-avukat li qed jirrappreżenta konvenuti li qed jidhru taħt protest, li ntrabat f’dan is-sens mal-klijenti tiegħu? Jew hemm bżonn ta’ notifika ġdida skont il-proċedura prevista fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. Alpha Bank, il-konvenuti, il-Gvernijiet ta’ Ċipru, tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, ta’ Spanja u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Alpha Bank, il-konvenuti, il-Gvernijiet ta’ Ċipru, tal-Ġermanja u ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru 2014.
V – Analiżi
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. L-argumenti tal-partijiet
17. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aġenzija li tirċievi (9) għandha tuża b’mod sistematiku l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tan-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat.
18. Il-konvenuti jikkunsidraw li fir-Regolament Nru 1393/2007 ma hemm ebda eċċezzjoni għad-dritt li wieħed jirċievi l-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu. Huma jirrilevaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea intenzjonalment ipprovda dik il-formola standard sabiex jiġu ggarantiti u protetti d-drittijiet fundamentali tad-destinatarji għall-informazzjoni u għal proċess ġust. Għall-kuntrarju, Alpha Bank tikkunsidra li l-formola standard inkwistjoni ma għandha ebda utilità meta l-att promotur ikun ġie tradott fil-lingwa tal-aġenzija li tirċievi.
19. Il-Gvern Elleniku huwa tal-fehma li la l-Artikolu 8 u lanqas xi artikolu ieħor tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprovdi eċċezzjoni li tippermetti lill-aġenzija li tirċievi teżenta ruħha mill-użu tal-formola standard kif impost mill-Artikolu 8(1) tagħha. Skont il-Gvern Spanjol, id-diċitura tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tippermetti ebda dubju. Fil-fatt, l-Artikolu 8 jeżiġi li l-informazzjoni li huwa jippreskrivi tingħata permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament. Il-Gvern Awstrijak huwa wkoll tal-fehma li n-notifika tal-formola standard hija meħtieġa f’kull każ.
20. Skont il-Gvern Ċiprijott, għalkemm a priori l-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa obbligatorju fil-każijiet kollha ta’ notifika ta’ att ġudizzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu donnha ħolqot deroga minn dak l-obbligu ġenerali fis-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264), meta d-destinatarju jkun jaf il-kontenut tal-att ikkomunikat jew innotifikat.
21. Għall-Kummissjoni, il-formola standard inkwistjoni għandha skop informattiv u hija meħtieġa f’każijiet fejn l-att ġudizzjarju jiġi nnotifikat b’lingwa li l-konvenut ma jifhimx. Bħala konsegwenza, fil-fehma tagħha, jekk l-att ikun ġie nnotifikat b’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-formola standard titlef ir-ratio tagħha u l-użu tagħha ma jibqax meħtieġ. Hija tiddikjara wkoll li f’dan il-każ, id-destinatarju ma kienx ikollu d-dritt li jirrifjuta l-att li kieku l-formola standard kienet mehmuża man-notifika.
22. Skont il-Gvern Ġermaniż, l-aġenzija li tirċievi hija obbligata li tehmeż il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 biss meta att, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-regolament, ma jkunx ġie tradott f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament. Effettivament, l-obbligu ta’ informazzjoni impost mill-imsemmi Artikolu 8(1) jikkostitwixxi obbligu ta’ “eżami speċjali taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija li tirċievi”, li twettaq il-verifika tagħha abbażi tal-kompetenza esperta li jkollha bħala awtorità jew qorti. Dak il-gvern għalhekk huwa tal-fehma li l-aġenzija li tirċievi għandha tivverifika, f’kull każ, jekk id-destinatarju msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi informat dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta r-riċeviment ta’ att permezz tal-formola standard. Huwa jgħid li d-digriet kontenzjuż jikkostitwixxi att, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għaliex ma jistax jiġi eskluż, fl-assenza ta’ traduzzjoni, li l-kontenut tiegħu jkun essenzjali fuq livell proċedurali, li jiġġustifika obbligu awtonomu ta’ informazzjoni għall-karigu tal-aġenzija li tirċievi skont dik id-dispożizzjoni.
2. Evalwazzjoni
23. Fil-fehma tiegħi, il-portata tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 hija ċara u ħielsa minn kull ambigwità. L-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-regolament huwa meħtieġ fil-każijiet kollha ta’ notifika ta’ atti ġudizzjarji (10), mingħajr eċċezzjoni, indipendentement mil-lingwa li bih ikun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm jekk ikun akkumpanjat bi traduzzjoni u kemm jekk le (11).
24. Fl-ewwel lok, id-diċitura (12) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 teżiġi b’mod ċar u mingħajr eċċezzjoni, li l-aġenzija li tirċievi tuża l-formola standard inkwistjoni fil-mument tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat.
25. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 b’hekk ma jagħtix lill-aġenzija li tirċievi l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar jekk l-użu ta’ dik il-formola huwiex neċessarju jew le skont il-lingwa tal-att li għandu jiġi nnotifikat, jew skont il-lingwi mifhuma mid-destinatarju — informazzjoni li fi kwalunkwe każ ma tkunx normalment magħrufa minnha — jew inkella skont il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru inkwistjoni jew l-eżistenza jew ineżistenza ta’ traduzzjoni mehmuża f’dawk il-lingwi.
26. Effettivament, il-kliem “jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom” jimponi kundizzjoni biss fuq id-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta l-att u mhux fuq l-użu tal-formola standard.
27. Il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 b’hekk għandha tintuża awtomatikament għan-notifika ta’ att lid-destinatarju tiegħu anki jekk jista’ jirriżulta li din tkun superfluwa minħabba, pereżempju, il-kapaċitajiet lingwistiċi tad-destinatarju jew, b’mod iktar speċifiku, meta l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun miktub bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat. Għandu jingħad ukoll li, anki f’dan l-aħħar każ, l-obbligu sistematiku li tinehmeż dik il-formola, li tinvolvi biss paġna waħda, bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, obbligu indebitament eċċessiv.
28. Fit-tieni lok, il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u l-obbligu ta’ użu marbut magħha jikkostitwixxu innovazzjoni meta mqabbla mar-regolament preċedenti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (13). Din l-innovazzjoni tirrifletti, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur Ewropew li jtejjeb l-effettività u r-rapidità (14) tat-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji waqt li jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ difiża tal-imsemmi destinatarju (15).
29. L-użu obbligatorju ta’ dik il-formola standard huwa intiż biex jiġu evitati sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, bħal f’dan il-każ, fejn dokument ta’ paġna waħda biss, jiġifieri l-kopja ċċertifikata tad-digriet kontenzjuż, bil-lingwa Griega biss u b’hekk b’lingwa li ma tkunx (jew ma tistax tkun) mifhuma mill-konvenuti jew b’lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat (l-Ingliż), tkun tinsab fost għadd sħiħ ta’ dokumenti bil-Grieg li lkoll kemm huma, ħlief għad-digriet kontenzjuż, ikunu akkumpanjati bi traduzzjoni (16).
30. Fil-fehma tiegħi, l-aġenziji li jirċievu b’hekk ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-użu tal-formola inkwistjoni (17). Interpretazzjoni awtonoma u uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007 barra minn hekk timplika li l-formola standard inkwistjoni għandha tiġi mehmuża sistematikament meta ssir in-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat (18). Effettivament, dak ir-regolament japplika għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (19) fir-rigward ta’ atti li għandhom jiġu kkomunikati jew innotifikati potenzjalment b’iktar minn 20 lingwa. Għaldaqstant, minn perspettiva purament prattika, jidhirli li huwa impossibbli għall-aġenziji li jirċievu li jivverifikaw l-atti li għandhom jiġu kkomunikati jew innotifikati kif ukoll l-eżistenza ta’ traduzzjonijiet fil-każijiet kollha.
31. Fir-rapport tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 (20) (iktar ’il quddiem ir-“rapport”), il-Kummissjoni tistabbilixxi n-neċessità li tintuża l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-regolament f’każ li l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun miktub bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat u meta, għaldaqstant, id-destinatarju ma jkollux fondat li jirrifjuta n-notifika skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament. Ir-rapport jirrileva li l-fatt li, f’dak il-każ, tinehmeż dik il-formola jagħti lok għar-riskju li d-destinatarji jingħataw x’jifhmu li għandhom id-dritt li jirrifjutaw.
32. Madankollu, nikkunsidra li l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tinkludi indikazzjonijiet ċari ħafna għad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat u li l-formolazzjoni preċiża tagħha ma hijiex ta’ tali natura li tista’ twasslu biex jifhimha ħażin. Effettivament, dik il-formola tipprovdi espliċitament li d-destinatarju “jista’/tista’ jirrifjuta/tirrifjuta li jaċċetta/taċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub jew ikollu miegħu traduzzjoni jew b’lingwa li hu jew hi jifhimha/tifhimha jew il-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika” (21). Id-dritt ta’ rifjut b’hekk ma huwiex marbut mal-preżenza tal-formola standard inkwistjoni (22).
33. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament matul in-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat huwa meħtieġ f’kull każ, mingħajr eċċezzjoni u indipendentement kemm mil-lingwa li biha jkun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm mill-fatt jekk dan tal-aħħar ikunx akkumpanjat jew le minn traduzzjoni b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika.
B – Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari
34. Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li saru f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun kif qiegħed nipproponi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar il-kwistjoni jekk l-assenza tal-formola tikkostitwixxix motiv ta’ nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat u, min-naħa l-oħra, dwar il-mod kif dik l-ommissjoni għandha tiġi rrimedjata.
35. Ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mill-assenza tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament. A fortiori, dan ma jipprovdix li dik l-ommissjoni tikkostitwixxi motiv ta’ nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat (23). Peress li r-Regolament Nru 1348/2000 ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi ta’ notifika b’lingwa oħra apparti waħda minn dawk li jimponi, l-istess bħalma r-Regolament Nru 1393/2007 ma jgħid xejn dwar l-assenza tal-użu tal-formola standard, il-ġurisprudenza dwar l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti tipprovdi tagħlim siewi dwar din il-kwistjoni.
36. Fil-punt 51 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn ir-Regolament Nru 1348/2000 (li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007) ma kienx jipprevedi l-konsegwenzi ta’ ċerti fatti, kienet il-qorti nazzjonali li kellha tapplika, bħala prinċipju, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li dan is-silenzju tar-Regolament seta’ “jwassal lill-qorti nazzjonali biex twarrab, jekk dan ikun meħtieġ, regola nazzjonali li tikkostitwixxi ostaklu jew li tinterpreta regola nazzjonali li tkun ġiet ifformulata unikament għall-finijiet ta’ sitwazzjoni purament interna b’tali mod li tapplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni” (24).
37. Barra minn hekk, fil-punt 65 ta’ dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tippreżerva l-effettività tar-Regolament, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li d-drittijiet tad-diversi partijiet inkwistjoni jkunu protetti bl-aħjar mod u b’mod ibbilanċjat (25).
38. Fir-rigward tad-drittijiet tad-destinatarji tal-att li għandu jiġi nnotifikat, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-objettivi ta’ effikaċja u ta’ rapidità tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistgħux jinkisbu billi jiġu mdgħajfa, bi kwalunkwe mod, id-drittijiet ta’ difiża ta’ dawk id-destinatarji, li jkunu dderivati mid-dritt għal smigħ xieraq, li huwa kristallizzat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (26), li jimplika, b’mod partikolari, li d-destinatarju jkollu “biżżejjed żmien sabiex iħejji d-difiża tiegħu” (27).
39. Rigward id-drittijiet tal-parti mittenti u l-objettivi ta’ effikaċja u rapidità tar-Regolament Nru 1393/2007, jidhirli li dawn ma jistgħux jiġu kompromessi għal raġunijiet purament formali li ma jaffettwawx id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji.
40. Dan ikun il-każ jekk l-assenza tal-formola standard inkwistjoni twassal għan-nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat meta seta’ jiġi pprovat, pereżempju, li d-destinatarju ta’ dak l-att kien jifhem il-lingwa li biha kien miktub l-att jew li l-att kien miktub bil-lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat. Fil-punt 52 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665), il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem dwar “rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument li jkun purament dilatorju u evidentement abużiv” għal każijiet paragunabbli (28).
41. Bħala konsegwenza, fil-każ li l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tiġix mehmuża man-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat, hija l-qorti nazzjonali (29) li għandha tivverifika jekk dak l-att ġiex ifformulat b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew b’lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat (30).
42. Mill-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-konvenuti affermaw li, f’kull waħda mis-seba’ kawżi prinċipali, ċerti dokumenti u ċerti traduzzjonijiet ma kinux ġew innotifikati lilhom, meta fil-fatt kellhom jiġu nnotifikati.
43. B’hekk għad irid jiġi eżaminat il-kunċett ta’ “dokument maħsub għan-notifika [att li għandu jiġi nnotifikat]”, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jiddefinixxix, bl-istess mod li ma jsemmix l-annessi, li n-numru u n-natura tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont l-ordinamenti ġuridiċi (31).
44. Fil-punt 73 tas-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun jikkonsisti, bħal fil-kawżi prinċipali, f’att promotur, id-dokument jew id-dokumenti nnotifikati għandhom ipoġġu lid-destinatarju f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini, li jidentifika b’mod ċert ta’ mill-inqas is-suġġett u r-raġuni tat-talba kif ukoll l-istedina biex jidher quddiem qorti (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tindika li “dokumenti li għandhom biss funzjoni ta’ prova u ma humiex indispensabbli sabiex jinftiehmu s-suġġett u r-raġuni tat-talba ma jifformawx parti integrali mill-att promotur”.
45. Prima facie u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, in-notifika lill-intimati ta’ kopja ċċertifikata tal-att promotur, bil-lingwa Griega kif ukoll bil-lingwa Ingliża, ippermettiet li huma jidentifikaw b’mod ċert is-suġġett u r-raġuni tat-talba fil-kawżi prinċipali.
46. Madankollu, fir-rigward tal-istedina biex jidhru quddiem qorti, jidher li kien hemm differenza importanti bejn it-terminu ffissat mill-att promotur u d-digriet kontenzjuż (33) fil-kawżi prinċipali. Bħala eżempju, fil-każ ta’ D. Si, it-terminu ffissat mill-att promotur jidher li kien ta’ għaxart ijiem filwaqt li t-terminu ffissat mid-digriet kontenzjuż — li ġie nnotifikat biss bil-lingwa Griega — jidher li kien ta’ 60 jum, li skont il-konvenuti, wassalhom biex jieħdu żball. Madankollu, dan ma ġiex ikkontestat matul is-seduta u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja (fatt li għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju) jirriżulta li, f’kull waħda mit-tilwimiet fil-kawża prinċipali, it-terminu ffissat mid-digriet kontenzjuż huwa l-istess bħal dak iffissat min-“nota” mehmuża miegħu (34). Dik in-“nota” fil-fatt ġiet innotifikata lill-intimati kemm bil-Grieg kif ukoll bl-Ingliż.
47. Kieku, għall-kuntrarju tal-indikazzjonijiet irrilevati fil-punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata (quod non?) li l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u l-assenza ta’ traduzzjoni tad-digriet kontenzjuż jew inkella l-inċertezza dwar it-termini tad-dehra, effettivament ippreġudikaw id-drittijiet ta’ difiża tal-intimati, dawk in-nuqqasijiet għandhom jiġu kkoreġuti fl-iqsar żmien (35) billi jintbagħtu l-formola standard u t-traduzzjoni nieqsa skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007 (36), u dan jikkonferma awtomatikament it-terminu għad-dehra msemmi fid-digriet kontenzjuż.
48. F’dan ir-rigward, bi qbil mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jidhirli li sa fejn ikun possibbli għandna mmorru lura għall-istatus quo ante (37). Effettivament, l-ommissjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu rrimedjati permezz ta’ notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat u tal-formola standard inkwistjoni lill-avukat tal-intimati. Tali notifika ma tkunx konformi mal-modalitajiet preskritti fir-Regolament Nru 1393/2007 (38).
49. Fil-fehma tiegħi, konklużjoni differenti tpoġġi f’dubju l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni awtonomi u uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007 (39).
50. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-ommissjoni li tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 fil-mument tan-notifika ta’ att promotur ma tikkostitwixxix motiv ta’ nullità ta’ dik in-notifika, jekk id-destinatarju tal-att ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini. L-ommissjonijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat għandhom jiġu rrimedjati fl-iqsar żmien u skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.
VI – Konklużjoni
51. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Anotato Dikastirio Kyprou tkun kif ġej:
L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament matul in-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat huwa meħtieġ f’kull każ, mingħajr eċċezzjoni u indipendentement kemm mil-lingwa li biha jkun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm mill-fatt jekk dan tal-aħħar ikunx akkumpanjat jew le minn traduzzjoni b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika.
L-ommissjoni li tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 fil-mument tan-notifika ta’ att promotur, ma tikkostitwixxix motiv ta’ nullità ta’ dik in-notifika jekk id-destinatarju tal-att ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini. L-ommissjonijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat għandhom jiġu rrimedjati fl-iqsar żmien u skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.