Language of document : ECLI:EU:T:2012:366





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012 — Evropaïki Dynamiki vs Frontex

(Kawża T-476/07)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċeduri ta’ sejħa għal offerti ta’ Frontex — Provvisti ta’ servizzi informatiċi — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kriterji ta’ għoti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea — Regolament finanzjarju — Dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Kamp ta’ applikazzjoni — Kuntratti pubbliċi mogħtija minn organi maħluqa mill-Unjoni, li għandhom personalità ġuridika u li jirċievu sussidji mill-imsemmi baġit — Għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ Frontex — Inklużjoni (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 105 u 185(1), u Nru 2007/2004, Artikolu 32; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2343/2002, Artikolu 74(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 84; Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 6) (ara l-punti 34-41)

2.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punti 46, 47, 112)

3.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Motivazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-offerent fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jippreżenta rikors (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(2)) (ara l-punti 57-59, 66, 70, 72, 73)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ Frontex, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti Frontex/OP/47/2007 fir-rigward ta’ “servizzi informatiċi, tal-materjal informatiku u tal-liċenzji tas-software” (ĠU 2007/S 114 139890), u li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), inklużi dawk irriżervati mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2008.