Language of document : ECLI:EU:C:2024:399

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali – Artikolu 3(6)(b) – Deroga temporanja għad-dritt ta’ aċċess f’ċirkustanzi eċċezzjonali – Artikolu 9 – Rinunzja għall-preżenza jew għall-assistenza ta’ avukat – Kundizzjonijiet – Artikolu 12(2) – Rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura – Ammissibbiltà tal-provi – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rinunzja bil-miktub ta’ persuna ssuspettata illitterata għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat – Assenza ta’ spjegazzjoni dwar il-konsegwenzi eventwali tar-rinunzja għal dan id-dritt – Implikazzjonijiet fuq atti ta’ investigazzjoni ulterjuri – Deċiżjoni dwar miżura preventiva adegwata – Evalwazzjoni tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat”

Fil-Kawża C‑15/24 PPU [Stachev] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura kriminali kontra

CH

fil-preżenza ta’:

Sofiyska rayonna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CH, minn I. R. Stoyanov, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Vondung u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(6)(b), l-Artikolu 9(1)(a) u (b) u l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra CH, ċittadin Bulgaru li huwa akkużat li wettaq żewġ atti ta’ serq aggravat bil-vjolenza.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 39, 40, 50 sa 53 tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxu:

“(39)      Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw dritt mogħti skont din id-Direttiva, dment li jkunu ngħataw informazzjoni dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja ta’ dak id-dritt. Meta tingħata tali informazzjoni, għandu jittieħed kont tal-kondizzjonijiet speċifiċi tal-persuni suspettati jew akkużati konċernati, inklużi l-età tagħhom, u l-kondizzjoni mentali u fiżika tagħhom.

(40)      Ir-rinunzja u ċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat għandhom jiġu rreġistrati bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat. [...]

[...]

(50)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn kienet awtorizzata deroga minn dak id-dritt f’konformità ma’ din id-Direttiva, iridu jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li stabbilixxiet li d-drittijiet tad-difiża ikunu, fil-prinċipju preġudikati b’mod irreparabbli meta jintużaw għal kundanna stqarrijiet inkriminanti matul interrogazzjoni mill-pulizija mingħajr aċċess għas-servizzi ta’ avukat jintużaw biex xi ħadd jinsab ħati. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ stqarrijiet għal finijiet oħra permessi bil-liġi nazzjonali, bħal ma hi l-ħtieġa għal eżekuzzjoni ta’ atti investigattivi urġenti biex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati oħra jew konsegwenzi negattivi serji għal kwalunkwe persuna jew b’rabta ma’ ħtieġa urġenti li jiġi evitat li l-proċedimenti kriminalijiġu pperikolati b’mod sostanzjali fejn l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat jew id-dewmien fl-investigazzjoni jippreġudikaw b’mod irrimedjabbli l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin fir-rigward ta’ reat kriminali gravi. Barra minn hekk, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli jew is-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, u ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jżommu sistema li permezz tagħha l-provi eżistenti kollha jistgħu jinġiebu quddiem qorti jew imħallef, mingħajr ma jkun hemm valutazzjoni separata jew minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dawk il-provi.

(51)      Id-dmir ta’ kura għal persuni suspettati jew akkużati li jinsabu f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa jirfed l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv minn tali persuni tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, pereżempju billi jieħdu kont ta’ kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, u billi jieħdu passi adatti biex jiżguraw li dawk id-drittijiet huma garantiti.

(52)      Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(53)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, fejn jikkorrispondu mad-drittijiet garantiti mill-[Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], jiġu implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk [ta’ din il-konvenzjoni] u kif żviluppati bil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti [...] li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat [...].”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

[...]

4.      [...]

Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva għandha tapplika bis-sħiħ meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun inċaħdet mil-libertà, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti kriminali.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

2.      Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:

a)      qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

[...]

c)      mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

[...]

3.      Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:

a)      l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

b)      l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. [...]

c)      għandhom, minn tal-inqas, ikollhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi għall-avvenimenti investigattivi jew l-attita’ ġbir ta’ provi li ġejjin,fejn dawk l-atti huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa li tattendi l-att konċernat:

i)      ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

ii)      konfrontazzjonijiet;

iii)      rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

[...]

6.      F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

a)      fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

b)      fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”

7        Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rinunzja”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li teħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kwalunkwe rinunzja ta’ dritt imsemmi fl-Artikoli 3 u 10:

a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ingħatat, bil-miktub jew bil-fomm, informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih; u

b)      ir-rinunzja tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku.

2.      Ir-rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm, għandha tiġi rreġistrata, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat ir-rinunzja, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti kriminali u li huma jiġu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandu jkollha effett mill-mument li ssir.”

8        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

9        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Persuni vulnerabbli”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.”

 Iddritt Bulgaru

 IlKostituzzjoni Bulgara

10      Skont l-Artikolu 30(4) tal-Konstitutsia na Republika Bulgaria (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Bulgara”):

“Kull persuna għandha d-dritt li tiġi difiża minn avukat sa mill-mument tal-arrest tagħha jew tat-tqegħid taħt investigazzjoni.”

 Il-Liġi dwar ilMinisteru għallIntern

11      L-Artikolu 72 taż-Zakon za ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jqiegħdu taħt arrest persuna:

1.      li fir-rigward tagħha jeżistu provi li wettqet reat;

[...]

(5)      Mill-mument tal-arrest tagħha, il-persuna għandha d-dritt għal avukat, kif ukoll għandu jiġi spjegat lilha d-dritt tagħha li tirrinunzja għal avukat u l-konsegwenzi ta’ tali rinunzja, kif ukoll id-dritt tagħha li tirrifjuta li tipprovdi spjegazzjonijiet meta l-arrest ikun ibbażat fuq il-punt 1 tal-paragrafu 1.”

12      L-Artikolu 74 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)      Għall-persuni msemmija fl-Artikolu 72(1), għandu jinħareġ mandat ta’ arrest bil-miktub li jordna l-arrest.

(2)      Fil-mandat ta’ arrest imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati:

1.      l-isem, il-funzjoni u l-post tax-xogħol tal-awtorità tal-pulizija li tkun ħarġet il-mandat;

2.      ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt għall-arrest;

3.      id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna arrestata;

4.      id-data u l-ħin tal-arrest;

5.      il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-persuna msemmija fl-Artikolu 73;

6.      id-dritt ta’ din tal-aħħar:

a)      li tikkontesta quddiem qorti l-legalità għat-tqegħid taħt arrest;

b)      l-assistenza ta’ avukat sa mill-mument tal-arrest;

[...]

(3)      Il-persuna arrestata għandha timla dikjarazzjoni li tindika li hija ġiet informata bid-drittijiet tagħha, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li teżerċita jew ma teżerċitax id-drittijiet li huma mogħtija lilha mill-punt 6(b) sa (f) tal-paragrafu 2. Il-mandat ta’ arrest għandu jiġi ffirmat mill-awtorità tal-pulizija u mill-persuna arrestata.

(4)      Ir-rifjut jew l-impossibbiltà, għall-persuna arrestata, li tiffirma l-mandat ta’ arrest għandha tkun attestata bil-firma ta’ xhud.”

 In-NPK

13      L-Artikolu 94 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprovdi:

“(1)      Il-parteċipazzjoni ta’ avukat fil-proċeduri kriminali hija obbligatorja meta:

[...]

6.      [...] l-imputat huwa arrestat”.

14      Skont l-Artikolu 96(1) tan-NPK:

“L-imputat jista’ jirrinunzja għal avukat fi kwalunkwe mument tal-proċedura, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 u 6 tal-Artikolu 94(1). Il-konsegwenzi tar-rinunzja għal difiża minn avukat huma spjegati lill-imputat.”

15      L-Artikolu 97 tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-avukat jista’ jipparteċipa fil-proċeduri kriminali sa mill-mument tal-arrest tal-persuna jew minn meta titqiegħed taħt investigazzjoni.

(2)      L-awtorità li quddiemha tiżvolġi l-proċedura ta’ istruttorja hija obbligata li tinforma lill-imputat li għandu dritt għal avukat u li tippermettilu jidħol immedjatament f’relazzjoni miegħu. Din l-awtorità ma tista’ tieħu ebda att ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura bil-parteċipazzjoni tal-imputat sakemm hija ma tkunx issodisfat dan l-obbligu.”

16      L-Artikolu 248 tan-NPK jipprovdi:

“(1)      Waqt is-seduta preliminari għandhom jiġu eżaminati l-mistoqsijiet li ġejjin:

[...]

3.      il-punt dwar jekk il-proċedura prekontenzjuża hijiex ivvizzjata minn difett proċedurali sostanzjali, li jista’ jiġi rrimedjat, li għandu l-effett li jillimita d-drittijiet proċedurali tal-persuna akkużata, tal-vittma jew tal-eredi tagħha;

[...]

5.      l-eżami tal-kawża in camera, il-ħatra ta’ mħallef jew ta’ ġurat ta’ riżerva, il-ħatra ta’ avukat, espert, interpretu, interpretu tal-lingwa tas-sinjali u l-eżekuzzjoni ta’ kumpilazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ delega;

6.      il-miżuri ta’ koerċizzjoni proċedurali meħuda;

7.      talbiet għall-ġbir ta’ provi ġodda;

8.      l-iffissar tas-seduta u d-determinazzjoni tal-persuni li għandhom jiġu kkonvokati.”

17      L-Artikolu 270(1) tan-NPK jipprovdi:

“Il-kwistjoni tal-modifika tal-miżura preventiva tista’ titqajjem fi kwalunkwe mument matul il-proċeduri ġudizzjarji. Talba ġdida relatata mal-miżura preventiva tista’ titressaq quddiem l-istess istanza jekk iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu.”

 Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, CH ġie arrestat mill-pulizija Bulgara sabiex tinvestiga l-involviment tiegħu f’serq aggravat bil-vjolenza. Fl-istess jum, huwa ffirma dikjarazzjoni bil-miktub li fiha kien indikat li ma xtaqx jiġi difiż minn avukat tal-għażla tiegħu u bi spejjeż tiegħu u lanqas minn avukat maħtur ex officio.

19      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-konsegwenzi tar-rinunzja għal difiża minn avukat madankollu ma ġewx spjegati lil CH, li ma rċeviex edukazzjoni bażika u ma jafx il-lingwa Bulgara bil-miktub. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tinkludi r-rekwiżit li, meta persuna arrestata tkun illitterata jew ma tkunx f’pożizzjoni li timla hija stess din id-dikjarazzjoni, din għandha timtela minn uffiċjal tal-pulizija, peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ rieda għandhom isiru minn din il-persuna stess fil-preżenza ta’ xhud li jattesta l-veraċità tagħhom bil-firma tiegħu. Issa, f’dan il-każ, l-imsemmija dikjarazzjoni la għandha l-firma ta’ awtorità tal-pulizija u lanqas dik ta’ xhud.

20      Immedjatament wara l-arrest tiegħu, meta nstema’ minn awtorità tal-pulizija bħala xhud, CH irrikonoxxa li pparteċipa fit-twettiq ta’ serq aggravat bil-vjolenza. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, CH, ċertament, ġie informat bid-drittijiet tiegħu, li huwa ma kienx obbligat jinkrimina lilu nnifsu bit-twettiq ta’ reat kriminali u li huwa seta’ jirrifjuta li jixhed. Madankollu, dan is-smigħ kien sar fl-assenza ta’ avukat. Bl-istess mod, l-assenza ta’ avukat tirriżulta wkoll mill-proċessi verbali li fihom ġew irreġistrati atti ta’ investigazzjoni oħra, imwettqa bejn is‑16 u s‑17 ta’ Diċembru 2022, bħal rikostituzzjoni, tfittxija mwettqa fir-residenza abitata minn CH, żewġ sessjonijiet ta’ identifikazzjoni tal-persuni ssuspettati u tfittxija mwettqa fuq CH. Matul dawn l-atti ta’ investigazzjoni, inġabru provi.

21      Fis‑17 ta’ Diċembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ordna li CH jitqiegħed taħt investigazzjoni għal serq aggravat bil-vjolenza. Konsegwentement, membru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Sofija (il-Bulgarija) inħatar ex officio bħala avukat ta’ CH fl-istess jum. Barra minn hekk, l-akkuża ġiet mgħarrfa lil CH kif ukoll lill-avukat tiegħu.

22      Sussegwentement, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2022, laqgħet it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jiġi ordnat li jitqiegħed CH taħt arrest preventiv.

23      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2023, din il-qorti ċaħdet it-talba ta’ CH intiża sabiex din il-miżura preventiva tiġi emendata.

24      Fis‑26 ta’ Lulju 2023, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ordna li CH jitqiegħed taħt investigazzjoni wkoll għal serq ieħor aggravat bil-vjolenza.

25      Wara talba ulterjuri ta’ CH sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-miżura preventiva adegwata, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Awwissu 2023, l-applikazzjoni ta’ miżura inqas ħarxa, jiġifieri l-obbligu għal CH li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-post ta’ residenza tiegħu.

26      Din il-qorti qieset, f’dan ir-rigward, li d-dritt ta’ CH li jiġi difiż minn avukat, stabbilit fl-Artikolu 30(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara, tnissel fil-mument tal-arrest tiegħu. Issa, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma ġiex iggarantit mill-awtoritajiet ta’ repressjoni. Minkejja d-dikjarazzjoni mimlija minn CH wara l-arrest tiegħu, huwa impossibbli li jiġi konkluż b’mod inkontestabbli li CH kien għamel għażla volontarja u konxja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda wieħed mill-atti ta’ investigazzjoni mwettqa wara l-arrest ta’ CH u qabel l-investigazzjoni tagħha ma jista’ jintuża fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ CH.

27      Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Settembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), annullat id-digriet tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) tat‑18 ta’ Awwissu 2023, u kkonfermat il-miżura preventiva ta’ arrest preventiv imposta fuq CH.

28      Fit‑2 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet mill-ġdid dwar il-kwistjoni tal-miżura preventiva u emendatha f’obbligu għal CH li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-post ta’ residenza tiegħu. Issa, permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Novembru 2023, wara rikors ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-Sofiyska gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) annullat il-miżura adottata fit‑2 ta’ Ottubru 2023 u kkonfermat il-miżura preventiva ta’ arrest preventiv meħuda kontra CH.

29      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-suġġett tal-proċedura pendenti quddiemha huwa l-eżami tal-involviment ta’ CH fir-reat li għalih inbdiet ir-responsabbiltà kriminali tagħha u li hija mitluba, fid-deċiżjoni finali tagħha, tiddeċiedi dwar il-ħtija jew le ta’ CH.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċedura ta’ investigazzjoni żgurawx lil CH id-dritt ta’ aċċess għal avukat waqt l-arrest tiegħu u qabel ma tqiegħed taħt investigazzjoni. Peress li dan id-dritt li jirriżulta mid-Direttiva Nru 2013/48, il-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ewwel lok, għall-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, minn fejn jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura għandhom jiġu rrispettati waqt l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni ssuspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat.

31      Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar il-ħtija tal-persuna akkużata, iżda wkoll waqt id-determinazzjoni tal-miżura preventiva li għandha tiġi imposta fuq din il-persuna. Issa, fid-digriet tagħha tas‑7 ta’ Settembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), kienet eskludiet il-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk, f’dan il-każ, kinux inkisbu provi bi ksur tad-dritt ta’ CH li jkollu aċċess għal avukat.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar il-konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva Nru 2013/48 ta’ leġiżlazzjoni u ta’ ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-qorti li teżamina sa fejn l-imputat huwa involut fir-reat kriminali li huwa akkużat bih, sabiex tieħu jew teżegwixxi l-miżura preventiva xierqa, hija mċaħħda mill-possibbiltà li tevalwa jekk il-provi miġbura nġabrux bi ksur tad-dritt ta’ dan l-imputat li jiġi assistit minn avukat.

33      Sussegwentement, sabiex tivverifika l-fondatezza tal-pożizzjoni difiża mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, huwiex osservat meta l-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva tuża, sabiex tifforma l-konvinzjoni interna tagħha, provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva.

34      Fl-aħħar nett, dejjem fir-rigward tad-digriet tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), tas‑7 ta’ Settembru 2023, il-qorti tar-rinviju żżid li, peress li hija ġiet ikkritikata, f’dan id-digriet, għal nuqqas ta’ oġġettività, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni ta’ provi miksuba bi ksur tad-Direttiva 2013/48 mill-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva, minkejja istruzzjonijiet kuntrarji mogħtija mill-qorti superjuri, għandhiex effett negattiv fuq ir-rekwiżiti ta’ ekwità tal-proċedura u tqajjem dubji dwar l-imparzjalità ta’ din il-qorti.

35      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-digriet tagħha tas‑7 ta’ Novembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) qieset li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, li tipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija applikabbli. Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni ma ġietx espressament implimentata fil-leġiżlazzjoni Bulgara minħabba l-inkompatibbiltà manifesta tagħha mal-Artikolu 30(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara, li jipprevedi li d-dritt li wieħed jiġi difiż minn avukat jitnissel mill-mument tal-arrest jew tat-tqegħid taħt investigazzjoni ta’ persuna. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-Artikolu 3(6)(b) għandux effett dirett.

36      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-digriet tagħha tas‑7 ta’ Settembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) indikat li, anki jekk CH ma kienx ibbenefika mill-assistenza ta’ avukat waqt l-arrest tiegħu, l-atti mwettqa bil-parteċipazzjoni tiegħu jew mingħajrha sal-mument meta ġie investigat ma jidhrux illegali u ma jitilfux il-valur probatorju tagħhom. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-garanziji previsti fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-premessa 39 ta’ din id-direttiva, humiex osservati fil-każ ta’ rinunzja bil-miktub ta’ persuna ssuspettata illitterata għad-dritt tagħha li tiġi assistita minn avukat, meta l-konsegwenzi ta’ tali rinunzja ma jkunux ġew spjegati lilha, u li sussegwentement issostni li hija ma kinitx ġiet informata bil-kontenut tad-dokument li hija ffirmat fil-mument tal-arrest tagħha.

37      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif interpretata mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), ir-rinunzja inizjali għad-dritt li wieħed jiġi difiż minn avukat, iddikjarata minn persuna arrestata, testendi wkoll għall-atti ta’ investigazzjoni l-oħra kollha li jinvolvu lil din il-persuna qabel ma titqiegħed taħt investigazzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet responsabbli mill-istruttorja wettqu diversi atti ta’ investigazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ CH wara l-arrest tiegħu, iżda fl-assenza ta’ avukat. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk ir-rinunzja minn persuna ssuspettata, fil-mument tal-arrest tagħha, għad-dritt tagħha li tkun difiża minn avukat teskludix l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jispjegaw lill-persuna ssuspettata d-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi ta’ eventwali rinunzja immedjatament qabel ma jsir kwalunkwe att ta’ investigazzjoni ulterjuri li jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-imsemmija persuna ssuspettata.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali jkunu konformi mal-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2013/48], moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-Karta, meta, abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni u ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali, il-qorti li teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet fondati li jippermettu li jitqies li l-imputat huwa involut fir-reat kriminali li bih ġie akkużat, sabiex tieħu jew teżegwixxi l-miżura preventiva adegwata, ma jkollhiex il-possibbiltà tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tad-dritt ta’ dan l-imputat li jkollu aċċess għal avukat, li jirriżulta mill-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn [l-imsemmi] imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

(2)      Ir-rekwiżit li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u li tiġi osservata l-ekwità tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2013/48] ikun osservat meta l-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva tuża, sabiex tibni l-konvinzjoni interna tagħha, provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan l-imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

(3)      L-esklużjoni, mill-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva, ta’ provi miksuba bi ksur tad-[Direttiva 2013/48], minkejja l-istruzzjonijiet kuntrarji mogħtija mill-istanza superjuri, għandha impatt negattiv fuq ir-rekwiżiti ta’ ekwità tal-proċedura previsti fl-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2013/48], moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta, u tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-qorti?

(4)      L-Artikolu 3(6)(b) tad-[Direttiva 2013/48], li jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali matul il-fażi preliminari tal-proċess kriminali, meta jkun imperattiv li l-awtoritajiet investigattivi jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li tiġi kompromessa serjament proċedura kriminali, għandu effett dirett fl-Istat Membru kkonċernat tal-Unjoni [Ewropea] sa fejn ma jkunx ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu?

(5)      Il-garanziji previsti fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-[Direttiva 2013/48], moqri flimkien mal-premessa 39 [ta’ din id-direttiva], ikunu osservati fil-każ ta’ rinunzja bil-miktub għad-dritt ta’ aċċess għal avukat ta’ persuna ssuspettata li ma tafx taqra u tikteb, li ma tkunx ingħatat spjegazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ din ir-rinunzja, u li sussegwentement issostni, quddiem il-qorti, li hija ma kinitx ġiet informata dwar il-kontenut tad-dokument iffirmat minnha fil-mument tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu tagħha mill-pulizija?

(6)      Ir-rinunzja minn persuna ssuspettata, fil-mument tal-arrest tagħha, għad-dritt li tkun difiża minn avukat li jirriżulta mid-[Direttiva 2013/48], teskludi l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li jispjegawlha d-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi ta’ eventwali rinunzja, immedjatament qabel ma jwettqu kwalunkwe att ta’ investigazzjoni ulterjuri li jinvolvi l-parteċipazzjoni tagħha?”

 Fuq ittalba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

39      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40      Insostenn ta’ din it-talba, l-imsemmija qorti tindika li CH tqiegħed taħt arrest preventiv sa mis‑16 ta’ Diċembru 2022.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/48, li tagħmel parti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

42      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u meta ż-żamma tagħha taħt arrest tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata hekk kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ posponiment ta’ konsenja minħabba proċeduri kriminali), C‑492/22 PPU, EU:C:2022:964, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li CH ilu effettivament imċaħħad mil-libertà mid‑19 ta’ Diċembru 2022 u li kien jinsab f’din il-kundizzjoni fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

44      Barra minn hekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2013/48 ġewx osservati meta CH irrinunzja, wara l-arrest tiegħu, għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat, li, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, jista’ jkollu effett kemm fuq il-miżura preventiva imposta fuq CH kif ukoll fuq id-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà kriminali tiegħu u, konsegwentement, fuq iż-żamma tiegħu f’arrest.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑25 ta’ Jannar 2024, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq irraba’ domanda

46      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jinvokaw l-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ssuspettata jew akkużata sabiex jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst minn din id-direttiva.

47      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali li l-persuni ssuspettati u akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’terminu u skont modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom b’mod konkret u b’mod effettiv (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, DD (Smiegħ mill-ġdid ta’ xhud), C‑347/21, EU:C:2022:692, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Dan il-prinċipju huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-persuni ssuspettati u akkużati għandu jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel minn erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fil-punti (a) sa (ċ) tiegħu, l-elementi li d-dritt ta’ aċċess għal avukat jinkludi.

49      Id-derogi temporanji li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-dritt ta’ aċċess għal avukat huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva 2013/48 (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 42).

50      Għalhekk, skont l-Artikolu 3(6)(b) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, sa fejn dan ikun iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, “fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali sabiex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat jistgħux jinvokaw din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ssuspettata jew akkużata, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti d-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew meta jkun ittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Commune de Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, direttiva ma tistax, minnha nnifisha toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma jistabbilixxix dritt li jista’ jiġi invokat minn individwu kontra Stat Membru, iżda jippermetti, min-naħa l-oħra, lill-Istati Membri jipprevedu deroga mill-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, awtorità pubblika ma tistax, fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tinvoka din id-dispożizzjoni fil-konfront ta’ persuna ssuspettata jew akkużata.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux jinvokaw l-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ssuspettata jew akkużata sabiex jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat minn din id-direttiva.

 Fuq ilħames domanda

54      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-premessa 39 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għar-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat humiex osservati f’każ ta’ rinunzja bil-miktub għal dan id-dritt minn persuna ssuspettata illitterata, li ma ngħatatx spjegazzjoni tal-konsegwenzi eventwali ta’ din ir-rinunzja, u li ssostni li ma kinitx informata bil-kontenut tad-dokument li hija ffirmat fil-mument tal-arrest tagħha.

55      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi żewġ kundizzjonijiet għar-rinunzja tad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

56      Għalhekk, skont dan l-Artikolu 9(1)(a), il-persuna ssuspettata jew akkużata għandha tkun irċeviet informazzjoni dwar il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi eventwali ta’ rinunzja għal dan id-dritt, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din l-informazzjoni, li tista’ tiġi pprovduta oralment jew bil-miktub, għandha tkun ċara u suffiċjenti kif ukoll ikkomunikata f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 9(1)(b), ir-rinunzja għandha ssir b’mod volontarju u inekwivoku.

57      Il-premessa 39 tad-Direttiva 2013/48 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, meta tingħata tali informazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-persuni ssuspettati jew akkużati kkonċernati, b’mod partikolari l-età tagħhom kif ukoll il-kundizzjoni mentali u fiżika tagħhom. Għalhekk, billi teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet proprji, din id-direttiva hija intiża li tiżgura li d-deċiżjoni ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat tittieħed b’għarfien sħiħ tal-fatti.

58      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli li huma ssuspettati jew akkużati, peress li l-premessa 51 tagħha tirreferi, f’dan ir-rigward, għal “persuni suspettati jew akkużati li jinsabu f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa” u għal “kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”.

59      F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-imputat fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa illitterat.

60      Kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, persuna ssuspettata jew akkużata bħall-imputat fil-kawża prinċipali għandha, minħabba l-illitteriżmu tagħha, titqies bħala persuna vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48.

61      Madankollu, la l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva u lanqas l-Artikolu 13 tagħha ma jippermettu li jiġi konkluż li ċ-ċirkustanza li l-persuna ssuspettata jew akkużata tkun illitterata teskludi minnha nnifisha l-kapaċità ta’ din il-persuna li tiddikjara validament li hija tirrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali rinunzja.

62      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza tal-fatt li, fil-mument tar-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat mill-imputat, huwa ma ġiex mgħarraf bil-konsegwenzi eventwali ta’ tali rinunzja.

63      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2013/48 jeżiġi espressament li l-persuna ssuspettata jew akkużata tkun irċeviet informazzjoni dwar il-konsegwenzi eventwali ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat.

64      Għaldaqstant, jekk jirriżulta li imputat bħal dak fil-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx irċieva, waqt id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat, informazzjoni ċara u suffiċjenti, f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem, fid-dawl tal-kundizzjoni tiegħu ta’ persuna vulnerabbli, dwar il-kontenut ta’ dan id-dritt u dwar il-konsegwenzi eventwali ta’ rinunzja għalih, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-rinunzja ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48.

65      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li, f’dan il-każ, l-imputat fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsostni li huwa ma kienx informat bil-kontenut tad-dokument li huwa ffirma fil-mument tal-arrest tiegħu.

66      Peress li dan l-aspett jirrigwarda r-reġistrazzjoni tar-rinunzja, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha, jipprevedi li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew oralment, u ċ-ċirkustanzi li fihom din tkun ġiet ifformulata għandhom jiġu rreġistrati skont il-proċedura ta’ konstatazzjoni prevista mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

67      Għalkemm dan l-Artikolu 9(2) jirreferi għad-dritt proċedurali nazzjonali fir-rigward tal-mod kif għandha tiġi rreġistrata r-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, id-dokumentazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni għandha, madankollu, neċessarjament tippermetti li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 9 ġew osservati.

68      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dritt nazzjonali, id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tinkludi r-rekwiżit li, meta l-persuni miżmuma jkunu illitterati jew ma jkunux f’pożizzjoni li jimlew huma stess din id-dikjarazzjoni, din għandha timtela minn aġent, u d-dikjarazzjonijiet tal-volontà għandhom isiru mill-persuna stess fil-preżenza ta’ xhud li jattesta l-veraċità tagħhom permezz tal-firma tiegħu. Issa, f’dan il-każ, ma ffirmaw la awtorità tal-pulizija u lanqas xhud.

69      F’dan ir-rigward, jekk jiġi kkonfermat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li r-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat mill-imputat fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irreġistrata bi ksur tad-dritt proċedurali nazzjonali, il-fatt li imputat ikun iffirma dokument li jiċċertifika l-allegata rinunzja tiegħu għad-dritt ta’ aċċess għal avukat ma jistax, waħdu, juri li huwa rrinunzja għal dan id-dritt b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna ssuspettata illitterata ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-Artikolu 9(1) meta din il-persuna ssuspettata ma tkunx ġiet informata, b’mod li jieħu debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħha, bil-konsegwenzi eventwali ta’ tali rinunzja u meta din ir-rinunzja ma tkunx ġiet irreġistrata konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, b’mod li jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti.

 Fuq issitt domanda

71      Permezz tas-sitt domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara r-rinunzja ta’ persuna ssuspettata għad-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat, l-awtoritajiet tal-pulizija jibqgħu obbligati jinformaw lil din il-persuna ssuspettata, immedjatament qabel ma jwettqu kull att ta’ investigazzjoni ulterjuri li jimplika l-parteċipazzjoni tagħha, id-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat u l-eventwali konsegwenzi tar-rinunzja għal dan id-dritt.

72      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Vodafone Kabel Deutschland, C‑484/20, EU:C:2021:975, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, skont it-termini tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati jkunu jistgħu jirrevokaw rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċeduri kriminali, u li huma jkunu infurmati b’dik il-possibbiltà.

74      Mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 9(3) jista’ jiġi dedott li rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat skont ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2013/48 tipproduċi l-effetti tagħha sar-revoka tagħha, mingħajr ma jkun neċessarju li din tiġi rrepetuta għal kull att ta’ investigazzjoni sussegwenti.

75      Madankollu, sa fejn l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 jeżiġi li l-persuni ssuspettati jew akkużati jiġu informati bil-possibbiltà li jirrevokaw rinunzja fi kwalunkwe stadju tal-proċedura kriminali, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk dan ir-rekwiżit huwiex issodisfatt meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata darba biss b’din il-possibbiltà, jew jekk din l-informazzjoni għandhiex għall-kuntrarju tiġi pprovduta f’kull stadju ulterjuri ta’ din il-proċedura, jew saħansitra qabel kull att ta’ investigazzjoni ulterjuri.

76      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, li jeżiġi, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli li huma ssuspettati jew akkużati. Kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kumplessità tar-regoli tal-proċedura kriminali u b’mod partikolari tal-modalitajiet tal-ġbir u tal-użu tal-provi, tillimita l-kapaċità tal-persuna ssuspettata jew akkużata vulnerabbli li tifhimhom bis-sħiħ u/jew tirreaġixxi b’mod sħiħ u f’waqtu u b’mod adegwat.

77      It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2013/48, li hija intiża li tiffavorixxi, b’mod partikolari, id-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat f’każ ta’ kontumaċja), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 jimplika li, fi kwalunkwe każ jekk il-persuna mismugħa mill-awtoritajiet tal-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, dawn l-awtoritajiet għandhom ifakkru lil din il-persuna bil-possibbiltà li tirrevoka d-dikjarazzjoni tagħha ta’ rinunzja għad-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat qabel ma jitwettaq kull att ta’ investigazzjoni li matulu, minħabba l-intensità u l-importanza ta’ dan l-att ta’ investigazzjoni, l-assenza ta’ avukat tista’ tippreġudika b’mod partikolari l-interessi u d-drittijiet tal-persuna kkonċernata, bħal interrogatorju, sessjoni ta’ identifikazzjoni tal-persuni ssuspettati, konfrontazzjoni jew rikostituzzjoni tax-xena ta’ reat, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 3(3)(b) u (c) ta’ din id-direttiva.

79      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-premessa 20 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), li tippreċiża li, “[l]adarba tkun ġiet provduta informazzjoni dwar dritt partikolari, l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu meħtieġa jtennuha, sakemm dan ma jkunx meħtieġ miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ [...]”.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, din il-persuna għandha tiġi informata bil-possibbiltà li tirrevoka din ir-rinunzja qabel ma jitwettaq kull att ta’ investigazzjoni ulterjuri li matulu, fid-dawl tal-intensità u tal-importanza ta’ dan l-att ta’ investigazzjoni, l-assenza ta’ avukat tista’ tippreġudika b’mod partikolari l-interessi u d-drittijiet tal-imsemmija persuna.

 Fuq lewwel sattielet domanda

81      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li qorti, li teżamina l-involviment ta’ imputat f’reat kriminali sabiex tiddetermina n-natura adegwata tal-miżura preventiva li għandha tiġi imposta fuq dan l-imputat, hija mċaħħda mill-possibbiltà, fil-mument li tadotta deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest tal-imsemmi imputat, li tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, li twarrab tali provi.

 Fuq lammissibbiltà

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Unedic, C‑125/23, EU:C:2024:163, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju proċedura kriminali kontra CH, li attwalment tinsab taħt arrest preventiv. Huwa paċifiku li din il-qorti għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar il-miżura preventiva applikata għal CH u li hija tqis li għandha teżamina din il-miżura kemm waqt is-seduta preliminari kif ukoll fl-istadju attwali tal-imsemmija proċedura kriminali.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 2013/48 permezz tal-ewwel sat-tielet domanda għandha rabta mal-kawża prinċipali u ma tistax titqies li hija ipotetika.

85      Minn dan isegwi li l-ewwel sat-tielet domanda huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

86      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, huwa biss id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina r-regoli dwar l-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N.(EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N.(EncroChat), (C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li tiġi eskluża informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskju li l-ammissibbiltà ta’ tali informazzjoni u provi tinvolvi għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, għaldaqstant, tad-dritt għal smigħ xieraq (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44).

89      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-premessa 50 tagħha, jimponi espressament fuq l-Istati Membri li jiżguraw, bla ħsara għar-regoli u għas-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-provi, li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura jiġu rrispettati fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni ssuspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, konformement mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2013/48, din tapplika b’mod sħiħ meta l-persuna ssuspettata jew akkużata tiġi mċaħħda mil-libertà fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali. L-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva huwa għalhekk applikabbli fil-mument meta qorti tintalab tiddeċiedi dwar il-miżura preventiva ta’ imputat.

91      Min-naħa l-oħra, kif huwa stabbilit fil-premessi 52 u 53 tad-Direttiva 2013/48, l-Artikolu 12(2) ta’ din għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Karta, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, tad-dritt li wieħed jingħata parir, li jiġi difiż u li jiġi rrappreżentat kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u għal proċess xieraq, iggarantiti rispettivament fl-Artikolu 6, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta, u wkoll fid-dawl tad-drittijiet korrispondenti ggarantiti b’mod partikolari fl-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 40).

92      Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jinkludi r-rekwiżit li l-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva ta’ imputat għandha tkun tista’ tevalwa, fid-deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest ta’ dan l-imputat, jekk il-provi nkisbux bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

93      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-qorti adita bil-miżura preventiva għandha, bħala prinċipju, il-possibbiltà li teżamina r-rispett tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/48, iżda li, skont ġurisprudenza nazzjonali, il-possibbiltà li jiġi evalwat jekk il-provi nkisbux bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva hija rrifjutata.

94      Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprekludi tali ġurisprudenza nazzjonali.

95      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konsegwenzi li l-qorti adita għandha tislet, waqt l-eżami ta’ miżura preventiva ta’ imputat, mill-fatt li provi nġabru bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, xejn f’din id-direttiva ma jobbliga lill-qorti teskludi awtomatikament dawn il-provi kollha.

96      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, kif huwa enfasizzat fil-premessi 50 u 53 tad-Direttiva 2013/48, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, meta jiġi kkonstatat difett proċedurali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom iwettqu l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk dan id-difett ġiex irrimedjat matul il-proċedura sussegwenti (QEDB, 28 ta’ Jannar 2020, Mehmet Zeki Çelebi vs It‑Turkija, CE:ECHR:2020:0128JUD002758207, punt 51).

97      Għalhekk, fil-każ li provi jkunu nġabru bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja din il-lakuna, fil-mument tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti adita, il-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom jistgħux jitqiesu bħala ġusti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ fatturi li fosthom hemm il-punt dwar jekk id-dikjarazzjonijiet miġbura fl-assenza ta’ avukat humiex parti integrali jew sinjifikattiva mid-dokumenti inkriminanti, kif ukoll is-saħħa tal-elementi l-oħra tal-proċess (ara, b’analoġija, QEDB, 13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punti 273 u 274).

98      Fi kwalunkwe każ, l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura fl-evalwazzjoni tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt għal avukat, jimplika li prova li parti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv għandha tiġi eskluża mill-proċedura kriminali (ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16), sentenza tat‑30 ta’ April 2014, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 130).

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li qorti, li teżamina l-involviment ta’ imputat f’reat kriminali sabiex tiddetermina n-natura adegwata tal-miżura preventiva li għandha tiġi imposta fuq dan l-imputat, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà, fil-mument li tadotta deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arresti tal-imsemmi imputat, li tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, li twarrab tali provi.

 Fuq lispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux jinvokaw l-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ssuspettata jew akkużata sabiex jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat minn din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2013/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna ssuspettata illitterata ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 9(1) meta din il-persuna ssuspettata ma tkunx ġiet informata, b’mod li jieħu debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħha, bil-konsegwenzi eventwali ta’ tali rinunzja u meta din ir-rinunzja ma tkunx ġiet irreġistrata konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, b’mod li jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti.

3)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, din il-persuna għandha tiġi informata bil-possibbiltà li tirrevoka din ir-rinunzja qabel ma jitwettaq kull att ta’ investigazzjoni ulterjuri li matulu, fid-dawl tal-intensità u tal-importanza ta’ dan l-att ta’ investigazzjoni, l-assenza ta’ avukat tista’ tippreġudika b’mod partikolari l-interessi u d-drittijiet tal-imsemmija persuna.

4)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li qorti, li teżamina l-involviment ta’ imputat f’reat kriminali sabiex tiddetermina n-natura adegwata tal-miżura preventiva li għandha tiġi imposta fuq dan l-imputat, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà, fil-mument li tadotta deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest tal-imsemmi imputat, li tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, li twarrab tali provi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.