Language of document : ECLI:EU:C:1999:430

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

21 ta' Settembru 1999 (*)

“Affiljazzjoni obbligatorja ma’ fond tal-pensjoni settorjali – Kompatibbiltà mar-regoli dwar il-kompetizzjoni – Klassifikazzjoni bħala impriża ta’ fond tal-pensjoni settorjali ”

Fil-kawża C-67/96,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), imressqa mill-Kantongerecht te Arnhem (l-Olanda), u intima sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Albany International BV

u

Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 85, 86 u 90 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet, G. Hirsch, P. Jann, Presidenti ta’ Awla, J.C. Moitinho de Almeida (Relatur), C. Gulmann, J. L. Murray, D.A.O. Edward, H. Ragnemalm, L. Sevón, u M. Wathelet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Amministratur prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–        għal Albany International BV, minn T. R. Ottervanger, avukat fil-qorti ta’ Rotterdam, u H. van Coeverden, avukat fil-qorti ta’ l-Aja,

–        għal Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie, minn E. Lutjens, avukat fil-qorti ta’ Amsterdam, u O. Meulenbelt, avukat fil-qorti ta’ Utrecht,

–        għall-Gvern Olandiż, minn A. Bos, konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn E. Röder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta’ l-Ekonomija, u C.-D. Quassowski, Regierungsdirektor fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger, Viċi-Direttur tad-Dritt Internazzjonali Ekonomiku u tad-Dritt Komunitarju fid-Direttorat ta’ l-Affarijiet Legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u C. Chavance, Segretarju ta’ l-Affarijiet Barranin f’dak id-Direttorat, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, membru tas-Servizz Legali, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' l-Albany International BV, irrappreżentata minn T. R. Ottervanger, ta’ Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie, irrappreżentata minn E. Lutjens u O. Meulenbelt; tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn M. A. Fierstra, Kap tad-Dipartiment tad-Dritt Ewropew fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent; tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. Chavance; tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn A. Kruse, Departementsråd fis-Segretarjat Legali (UE) tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn W. Wils, fis-seduta tas-17 ta' Novembru 1998,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Jannar 1999,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1996, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 1996, il-Kantongerecht (il-Qorti Kantonali), Arnhem, ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE) tliet domandi għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 85, 86 u 90 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Albany International BV (iktar ’il quddiem "Albany") u Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie (il-Fond tal-pensjoni settorjali ta’ l-Industrija tat-Tessuti, iktar ’il quddiem "Il-Fond") dwar iċ-ċaħda ta’ Albany li tħallas lill-Fond il-kontribuzzjonijiet għas-sena 1989, għar-raġuni li l-affiljazzjoni obbligatorja mal-Fond li permezz tagħha kienu qed jintalbu dawn il-kontribuzzjonijiet hija kuntrarja għal Artikoli 3(g) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi sar l-Artikolu 3(1)(g) KE), 85, 86 u 90 tat-Trattat.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3        Is-sistema ta’ pensjoni Olandiża hija bbażata fuq tliet pilastri.

4        L-ewwel pilastru huwa kkostitwit minn pensjoni bażika skond il-liġi, mogħtija mill-Istat skond l-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi li tistabbilixxi skema ġenerali ta’ pensjonijiet tax-xjuħija, "iktar ’il quddiem l-AOW") u l-Algemene Nabestaandenwet (il-Liġi fuq il-benefiċċji ġenerali tar-romol). Din l-iskema obbligatorja skond il-liġi tagħti d-dritt, lill-popolazzjoni kollha, jirċievu pensjoni ta’ ammont limitat, indipendentement mis-salarju li kienu jirċievu qabel, u kkalkulata abbażi tas-salarju minimu legali.

5        It-tieni pilastru jinkludi l-pensjonijiet supplementari pprovduti fil-kuntest ta' impjieg jew ta’ attività professjonali ta’ persuna li taħdem għal rasha, li fil-maġġoranza tal-każijiet, iservu biex iżidu mal-pensjoni bażika. Dawn il-pensjonijiet supplementari huma normalment amministrati minn skemi kollettivi li japplikaw għal settur ta’ l-ekonomija, professjoni jew l-impjegati ta’ impriża peremzz ta’ fondi li l-affiljazzjoni magħhom ġiet reża obbligatorja, b’mod partikolari, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, mill-Wet van 17 maart 1949 houdende vaststelling van en regeling betreffende verplichte deelneming in een bedrijfspensioenfonds (il-Liġi tas-17 ta’ Marzu 1949 li tistabbilixxi regoli dwar l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ fond tal-pensjoni settorjali, iktar ’il quddiem il-"BPW").

6        It-tielet pilastru huwa kkostitwit mill-poloz individwali ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni jew ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja li jistgħu jsiru fuq bażi volontarja.

7        Il-Wet op de Loonbelasting (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Salarji) tipprovdi li kontribuzzjonijiet għall-pensjoni jistgħu jitnaqqsu biss jekk din il-pensjoni ma taqbiżx livell 'raġonevoli'. Dawn ma jistgħux jitnaqqsu fil-każ ta’ pensjoni li taqbeż dak il-livell, li huwa stabbilit, fir-rigward ta’ karriera ta’ 40 sena, għal 70% ta’ l-aħħar salarju. L-effett ta’ din il-leġiżlazzjoni fiskali hu li l-istandard attwali fl-Olanda biex tiġi stabbilita pensjoni, inkluża l-pensjoni ta’ l-Istat skond l-AOW, jikkorrispondi għal pensjoni ta’ 70% ta’ l-aħħar salarju.

8        Artikolu 1(1) tal-BPW, kif emendat bil-Liġi tal-11 ta’ Frar 1988, jipprovdi:

"Għall-finijiet ta’ din il-Liġi u tad-dispożizzjonijiet ibbażati fuqha, is-segwenti kliem għandhom ikollhom it-tifsiriet li ġejjin:

...

(b) fond tal-pensjoni settorjali: fond li jopera f’settur ta’ attività li għall-finijiet tiegħu jiġu miġbura fondi jew għall-benefiċċju ta’ l-impjegati fis-settur ikkonċernat biss, jew ukoll għall-benefiċċji ta’ persuni li jeżerċitaw attività f’kapaċità oħra f’dan is-settur.

...

(f) il-Ministru tagħna: il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg."

9        L-Artikolu 3 tal-BPW, kif emendat, jipprovdi:

"1. Il-Ministru tagħna jista’, fuq talba ta’ organizzazzjoni professjonali ta’ settur li hu jqis bħala rappreżentattiva biżżejjed ta’ l-istruttura tal-ħajja ekonomika ta’ settur ta’ attività, wara li jikkonsulta l-kap tad-dipartiment amministrattiv ġenerali kkonċernat li r-responsabbiltajiet tiegħu jkunu jinkludu l-attivitajiet tas-settur ta’ attività ikkonċernat, u wara li jikkonsulta s-Sociaal-Economische Raad (il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku) u l-Verzekeringskamer (il-Bord ta’ l-Assigurazzjoni), irendi obbligatorju l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali għall-ħaddiema kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema fis-settur ta’ l-attività kkonċernata.

2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu preċedenti, il-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kategoriji kkonċernati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu, u wkoll, fil-każ ta’ l-impjegati, min iħaddimhom, huma obbligati josservaw l-istatuti u r-regolamenti tal-fond tal-pensjoni settorjali u kull dispożizzjoni li tapplika għalihom permezz tagħhom. Jistgħu jinbdew proċedimenti legali sabiex tiġi assigurata l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet."

10      L-Artikolu 5(2) tal-BPW, kif emendat, jistabbilixxi diversi kundizzjonijiet li għandhom jiġu mwettqa sabiex il-Ministru ta' l-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg ikun jista’ japprova talba għal affiljazzjoni obbligatorja bħal dik imsemmija fl-Artikolu 3(1). B’hekk, skond l-Artikolu 5(2)(III) u (IV) tal-BPW, kif emendat, l-istatuti u r-regolamenti tal-fond tal-pensjoni settorjali għandhom jiggarantixxu b’mod suffiċjenti l-interessi tal-membri, u l-bord ta’ l-amministrazzjoni tal-fond għandu jkun kompost minn numru ugwali ta’ rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fis-settur ikkonċernat.

11      L-Artikolu 5(2)(II)(l) tal-BPW, kif emendat, jipprovdi wkoll illi l-istatuti u r-regolamenti tal-fond tal-pensjoni settorjali għandhom jipprovdu għall-każijiet fejn, u l-kundizzjonijiet li fihom, ħaddiema fis-settur ikkonċernat ma jkunux meħtieġa jaffiljaw ruħhom ma’ l-imsemmi fond jew jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi relatati mal-fond.

12      L-Artikolu 5(3) tal-BPW, kif emendat, jgħid:

"Il-Ministru tagħna ta’ l-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, wara li jkun sema’ l-fehmiet tal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni u l-Kunsill Soċjali u Ekonomiku, għandu jadotta direttivi dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(II)(l). Dawn id-direttivi għandhom josservaw il-prinċipju li l-ħaddiema li diġà kienu affiljati ma’ fond tal-pensjoni ta’ xi impriża jew kienu assigurati ma’ kumpannija ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja għall-inqas sitt xhur qabel ma saret it-talba msemmija f’Artikolu 3(1), ma jkunux mitluba li jkunu affiljati ma’ dak il-fond tal-pensjoni settorjali jew jiġu eżentati, totalment jew b’mod raġonevoli, mill-obbligi li jikkontribwixxu għalih, bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu juru li, għal dak il-perijodu li matulu m’għandhomx jaffiljaw ruħhom jew huma eżentati mill-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet, kollha kemm huma jew proporzjon raġonevoli minnhom, huma jakkwistaw dritt għall-pensjoni li hu għall-inqas ekwivalenti għal dak li jistgħu jakkwistaw jekk ikunu affiljati mal-fond tal-pensjoni settorjali u sakemm jistgħu juru dan. Il-Ministru tagħna jista’ wkoll jadotta direttivi rigward partijiet oħra tal-paragrafu 2."

13      Permezz tal-Beschikking van 29 december 1952 betreffende de vaststelling van de richtlijnen voor de vrijstelling van deelneming in een bedrijfspensioenfonds wegens een bijzondere pensioenvoorziening (Deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 1952 li adottat id-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali, minħabba l-affiljazzjoni ma’ skema speċjali ta’ pensjoni, kif emendata bid-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 1988, iktar ’il quddiem id-"direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni") il-Ministru ta’ l-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg adotta d-direttivi msemmija fl-Artikolu 5(3) tal-BPW, kif emendata.

14      Artikolu 1 tad-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni, kif emendati, jipprovdi:

"Eżenzjoni mill-obbligu ta’ affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali jew mill-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet għalih tista’ tingħata minn dan il-fond, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna interessata, bil-kundizzjoni li l-ħaddiem fis-settur ikkonċernat ikun kopert minn skema speċjali ta’ pensjoni, li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) din l-iskema għandha tiddependi minn fond tal-pensjoni ta’ impriża, minn fond settorjali ieħor jew minn assiguratur li għandu ċertifikat tat-tip imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Wet toezicht verzekeringsbedrijf (il-Liġi fuq is-sorveljanza tal-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni, Staatsblad 1986, p. 638) jew tkun ibbażata fuq l-Algemene burgerlijke pensioenwet (il-Liġi ġenerali fuq il-pensjonijiet tas-servizz pubbliku, Staatsblad 1986, p. 540), is-Spoorwegenpensioenwet (il-Liġi fuq il-pensjonijiet ta’ l-impjegati tal-Linja tal-Ferrovija Olandiża u l-qraba tagħhom, Staatsblad 1986, p. 541) jew l-Algemene militaire pensioenwet (il-Liġi ġenerali fuq il-pensjonijiet tal-militar, Staatsblad 1979, p. 305);

(b) id-drittijiet li jistgħu jirriżultaw minn din l-iskema għandhom, flimkien, ikunu għall-inqas ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-fond tal-pensjoni settorjali;

(c) id-drittijiet tal-ħaddiem ikkonċernat u l-osservanza ta’ l-obbligi tiegħu għandhom ikunu ggarantiti b’mod suffiċjenti;

(d) jekk l-eżenzjoni tinvolvi l-irtirar mill-fond, għandu jiġi offrut kumpens meqjus raġonevoli mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni għal kwalunkwe ħsara li tista’ tiġġarrab mill-fond, mill-perspettiva teknika ta’ l-assigurazzjoni, bħala riżultat ta’ l-irtirar."

15      Artikolu 5 ta’ l-imsemmija direttivi, kif emendati, iżid:

"1. L-eżenzjoni għandha tingħata meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a), (b) u (c) ikunu sodisfatti, meta l-iskema speċjali ta’ pensjoni kien tapplika għall-inqas sitt xhur qabel ma saret it-talba li abbażi tagħha ġiet reża obbligatorja l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali u meta jkun intwera li, matul il-perijodu li fih il-ħaddiem tas-settur ikkonċernat mhuwiex obbligat jaffilja ruħu jew hu eżentat mill-obbligu li jħallas il-kontribuzzjonijiet kollha kemm huma jew proporzjon raġonevoli minnhom, hu ser jakkwista drittijiet għall-pensjoni li huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk li kien jakkwista li kieku kien affiljat mal-fond tal-pensjoni settorjali.

2. Jekk, fil-mument imsemmi fil-paragrafu 1, l-iskema speċjali ta’ pensjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(b), għandu jitħalla jgħaddi perijodu suffiċjenti biex jippermetti li dik il-kundizzjoni tkun sodisfatta qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni fuq it-talba.

3. Eżenzjoni skond dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fil-mument meta ssir obbligatorja l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali."

16      Artikolu 9 ta’ l-imsemmija direttivi, kif emendati, jgħid:

"1. Jistgħu jsiru lmenti, fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8, lill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni fi żmien 30 ġurnata minn meta l-persuna kkonċernata tirċievi d-deċiżjoni. Il-fond tal-pensjoni settorjali għandu, bil-miktub, jinnotifika lill-persuna kkonċernata b’din is-sentenza fl-istess ħin tad-deċiżjoni.

2. Il-Bord ta’ l-Assigurazzjoni għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fuq l-ilmenti lill-fond tal-pensjoni settorjali u lill-persuni li għamluhom."

17      L-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni tikkostitwixxi proposta għall-konċiljazzjoni. Mhijiex deċiżjoni vinkolanti fil-kuntest ta’ xi argument. Ma jistax isir ilment fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni u lanqas ma jista’ jsir appell minnha.

18      Il-fondi tal-pensjoni settorjali li l-affiljazzjoni magħhom saret obbligatorja huma suġġetti mhux biss għall-BPW iżda wkoll għall-Wet van 15 mei 1962 houdende regelen betreffende pensioen- en spaarvoorzieningen (il-Liġi tal-15 ta’ Mejju 1962 fuq il-fondi tal-pensjoni u l-fondi ta’ tfaddil, sussegwentement emendata kemm il-darba, iktar ’il quddiem il-"PSW").

19      Il-PSW hija ntiża li tiggarantixxi kemm jista’ jkun possibbli li l-impenji fil-qasam tal-pensjonijiet assunti fir-rigward tal-ħaddiema jitwettqu effettivament.

20      Għal dak il-għan, l-Artikolu 2(1) tal-PSW jobbliga lil min iħaddem jagħżel wieħed mit-tliet skemi intiżi li jisseparaw il-fondi miġbura għal skopijiet ta’ pensjoni mill-bqija ta’ l-assi tal-kumpannija. Min iħaddem jista’ jew jingħaqad ma’ fond tal-pensjoni settorjali, jew jikkostitwixxi fond tal-pensjoni ta’ l-impriża, jew joħroġ poloz ta’ assigurazzjoni individwali jew kollettivi ma’ kumpannija ta’ l-assigurazzjoni.

21      L-Artikolu 1(6) tal-PSW jagħmilha ċara li huwa japplika wkoll għall-fond tal-pensjoni settorjali li l-affiljazzjoni miegħu ġiet reża obbligatorja mill-BPW.

22      Il-PSW jistabbilixxi wkoll numru ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-istatuti u r-regolamenti ta’ fond tal-pensjoni settorjali. Għalhekk, l-Artikolu 4 tal-PSW jipprovdi li l-kostituzzjoni ta’ fond bħal dan għandha tkun innotifikata lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg u lill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni. L-Artikolu 6(1) tal-PSW jikkonferma li l-bord ta’ l-amministrazzjoni tal-fond tal-pensjoni settorjali għandu jkun kompost minn numru ugwali ta’ rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema tas-settur ikkonċernat.

23      Barra minn hekk, l-Artikoli 9 u 10 tal-PSW jistabbilixxu regoli dettaljati għall-amministrazzjoni tal-fondi miġbura. Ir-regola ġenerali f’dan ir-rigward tinsab fl-Artikolu 9, li jobbliga l-fondi tal-pensjoni jittrasferixxu r-riskju relativ għall-impenji marbuta mal-pensjonijiet jew jerġgħu jassigurawh. B’eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 10 jippermetti lill-fondi tal-pensjoni jamministraw u jinvestu l-kapital miġbur huma stess, b’riskju tagħhom infushom. Qabel ma jiġi awtorizzat jagħmel dan, il-fond tal-pensjoni għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti pjan ta’ amministrazzjoni fejn ifisser fid-dettall il-mod kif jipproponi li jilqa’ għar-riskju finanzjarji u dak attwarjali. Il-pjan għandu jiġi approvat mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-fond tal-pensjoni hu suġġett għal sorveljanza kontinwa. Il-kontijiet attwarjali tal-qligħ u t-telf għandhom jiġu ppreżentati regolarment lill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni għall-approvazzjoni.

24      Fl-aħħar nett, l-Artikoli 13 sa 16 tal-PSW jistabbilixxu r-regoli għall-investiment ta’ l-ammonti miġbura. Skond l-Artikolu 13, l-assi ta’ l-iskema flimkien mad-dħul mistenni għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-obbligi tal-pensjoni. Skond l-Artikolu 14 l-investimenti għandhom isiru bi prudenza.

 Il-kawża prinċipali

25      Il-Fond ġie stabbilit skond il-BPW. L-affiljazzjoni mal-Fond ġiet reża obbligatorja peremzz ta’ Digriet Leġiżlattiv tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg ta’ l-4 ta’ Diċembru 1975 (iktar ’il quddiem ‘id-Digriet Leġiżlattiv li renda l-affiljazzjoni obbligatorja’)

26      Albany topera impriża tat-tessuti li ilha affiljata mal-Fond mill-1975.

27      Sa l-1989, l-iskema ta’ pensjoni tal-Fond kienet tħallas benefiċċju b’rata fissa. Il-pensjoni mogħtija lill-ħaddiema ma kinitx proporzjonali għas-salarju tagħhom iżda kienet ta’ ammont fiss għal kull ħaddiem. Albany iddeċidiet li l-iskema ma kinitx ġeneruża biżżejjed u fl-1981 ikkonkludiet, ma’ kumpannija ta’ l-assigurazzjoni, skema ta’ pensjoni supplementari għall-ħaddiema tagħha sabiex b’hekk il-pensjoni globali li jkunu ntitolati għaliha wara 40 sena impjieg tkun tammonta għal 70% ta’ l-aħħar salarju tagħhom.

28      B’effett mill-1 ta’ Jannar 1989, il-Fond biddel l-iskema ta’ pensjoni tiegħu. Minn dakinhar, l-iskema tagħti lill-ħaddiema ammont li xorta waħda jirrappreżenta 70% ta’ l-aħħar salarju tagħhom.

29      Wara l-bidla fl-iskema ta’ pensjoni tal-Fond, Albany talbet, fit-22 ta’ Lulju 1989, eżenzjoni mill-affiljazzjoni. It-talba tagħha ġiet irrifjutata mill-Fond fit-28 ta’ Diċembru 1990. Il-Fond kien tal-fehma li, skond id-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni, din l-eżenzjoni tkun tista’ tingħata biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttivi jkunu sodisfatti u jekk dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw il-pensjonijiet kienu diġà applikabbli sitt xhur qabel ma saret it-talba minn min imexxi u l-ħaddiema li minħabba fiha l-fond tal-pensjoni settorjali ġie ddikjarat obbligatorju.

30      Albany oġġezzjonat għad-deċiżjoni tal-Fond mal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni. Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 1992, il-Bord sab li, anke jekk il-Fond ma kienx obbligat, fiċ-ċirkustanzi, jagħti l-eżenzjoni mitluba, kien hemm lok li jintalab jeżerċita l-poter li jagħmel hekk jew, għall-inqas, li jintalab jagħti perijodu ta’ notifika, billi Albany kienet ikkonkludiet arranġamenti għal skema ta’ pensjoni supplementari għall-impjegati tagħha ħafna snin qabel u din l-iskema kienet, mill-1 ta’ Jannar 1989, analoga għal dik stabbilita mill-Fond.

31      Il-Fond ma mexiex mal-parir tal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni u fil-11 ta’ Novembru 1992 innotifika lili Albany b’talba għall-ħlas tas-somma ta’ 36 700.29 HFL, li tirrappreżenta l-ammont tal-kontribuzzjonijiet skond il-liġi, pagabbli mill-1989 flimkien ma’ l-interessi, l-ispejjeż għall-ġbir, l-ispejjeż ekstraġudizzjarji u l-ispejjeż għall-għajnuna legali.

32      Albany ikkontesta din it-talba quddiem il-Kantongerecht te Arnhem. Hi sostniet partikolarment li s-sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja mal-Fond kienet kuntrarja għall-Artikolu 3(g) tat-Trattat, l-Artikoli 52 u 59 tat-Trattat KE (li saru, wara l-emendi, l-Artikoli 43 KE u 49 KE), u l-Artikoli 85, 86 u 90 tat-Trattat.

33      Skond l-Albany, ir-rifjut tal-Fond li jagħtih eżenzjoni huwa ta’ ħsara għaliha. Il-kumpannija ta’ l-assigurazzjoni tagħha fil-fatt tagħtiha kundizzjonijiet anqas favorevoli peress li hija jkollha tissieħeb ma’ l-iskema tal-pensjoni supplementari stabbilita mill-Fond. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Fond, fondi tal-pensjoni settorjali oħra, bħalma huma l-Bedrijfspensioenfonds voor de Bouwnijverheid u l-Bedrijfspensioenfonds voor de Schildersbedrijf, kienu taw eżenzjoni lill-impriżi li kienu ssieħbu ma’ skema ta’ pensjoni supplementari xi żmien qabel.

34      Il-Fond sostna li f’dan il-każ ma kien hemm ebda obbligu legali li tingħata l-eżenzjoni mitluba. B’hekk, il-qorti setgħet teżerċita biss stħarriġ limitat f’dak ir-rigward. Skond l-Artikolu 5(3) tal-BPW, għandha tingħata eżenzjoni b’mod obbligatorju biss meta xi impriża tkun waqqfet skema ta’ pensjoni ekwivalenti għall-inqas sitt xhur qabel ma l-affiljazzjoni tkun saret obbligatorja. Tali obbligu ta’ eżenzjoni jeżisti biss fil-mument ta’ l-ewwel affiljazzjoni mal-Fond u ma japplikax f’każ ta’ bidla fl-arranġamenti tal-pensjoni. Il-Fond insista wkoll li kien importanti li tinżamm skema ta’ pensjoni kif jixraq ibbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà mal-ħaddiema u l-impriżi fis-settur tat-tessuti kollha u enfasizza f’dak ir-rigward li l-għoti ta’ eżenzjoni lil Albany ifisser it-tluq ta’ 110 ruħ mill-madwar 8800 membru tiegħu.

35      Il-Kantongerecht aċċetta l-argument tal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni li mill-1 ta’ Jannar 1989 l-iskema supplementari ta’ Albany kienet analoga għall-iskema ta’ pensjoni introdotta mill-Fond. Hija enfasizzat li r-relazzjonijiet bejn fond tal-pensjoni settorjali u persuna affiljata miegħu huma rregolati mill-eżiġenzi ta’ raġonevolezza u ugwaljanza kif ukoll mill-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, fond tal-pensjoni settorjali għandu jagħti każ sew l-opinjoni ta’ awtorità esperta indipendenti maħtura bil-liġi, bħall-Bord ta’ l-Assigurazzjoni, meta jkun mitlub jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata eżenzjoni.

36      Il-Kantongerecht osservat li, fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u Van Veen, (C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx l-aħħar tliet domandi li jikkonċernaw il-kompatibbiltà mar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni tas-sistema Olandiża ta’ affiljazzjoni obbligatorja ma’ skema ta’ pensjoni tax-xogħol.

37      F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Kantongerecht te Arnhem iddeċidiet, b’referenza għas-sentenzi interlokutorji tagħha tad-19 ta’ April 1993, tas-17 ta’ Jannar 1994 u tad-9 ta’ Jannar 1995, li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1. Fond tal-pensjoni settorjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(1)(b) tal-[BPW] huwa impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 85, 86, jew 90 tat-Trattat KE?

2. Jekk iva, il-fatt li l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali għall-impriżi industrijali tiġi reża obbligatorja jikkostitwixxi miżura adottata minn Stat Membru li tannulla l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi?

3. Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, ċirkustanzi oħrajn jistgħu jrendu l-affiljazzjoni obbligatorja inkompatibbli ma’ l-Artikolu 90 tat-Trattat, u jekk hu hekk, x’inhuma dawn iċ-ċirkustanzi?"

 Ammissibbilità

38      Il-Gvernijiet ta’ Franza u ta’ l-Olanda u l-Kummissjoni jqajmu dubji dwar l-ammissibbilità tad-domandi li saru, minħabba n-nuqqas, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ta’ definizzjoni preċiża biżżejjed tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali. Fl-assenza ta’ spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi li fihom il-Fond inħoloq u r-regoli dwar kif jiġi amministrat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti interpretazzjoni siewja tad-dritt Komunitarju u l-Istati Membri u l-persuni kkonċernati l-oħra m’humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub li jissuġġerixxu risposta għad-domandi għal deċiżjoni preliminari.

39      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun siewja għall-qorti nazzjonali teżiġi li l-qorti nazzjonali tispjega l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li qiegħda tagħmel jew, għall-inqas, tfisser iċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti huma ta’ importanza partikolari f’ċerti oqsma, bħal dak tal-kompetizzjoni, fejn is-sitwazzjonijiet legali u fattwali huma ta’ spiss kumplessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punti 6 u 7 ; ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Safety High-Tech, C-284/95, Ġabra p. I-4301, punti 69 u 70, u Bettati, C-341/95, Ġabra p. I-4355, punti 67 u 68).

40      L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju m’għandhiex biss tippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti siewja, iżda għandha tagħti wkoll l-opportunità lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri u partijiet oħra interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa d-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li din l-opportunità biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet tiġi mħarsa, fid-dawl tal-fatt li, skond id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tat-30 ta’ April 1998, Testa u Modesti C-128/97 u C-137/97, Ġabra p. I-2181, punt 6, u tal-11 ta’ Mejju 1999, Anssens, C-325/98, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 8).

41      F’dan il-każ, huwa ċar mill-osservazzjonijiet ippreżentati, skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ppermettitilhom jieħdu pożizzjoni fuq id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż jirreferi għal dawk li huwa ppreżenta fil-kawżi Brentjens (sentenza mogħtija llum stess, C-115/97, sa C-117/97, Ġabra p. I-6025), li jirreferu espressament għall-kawża Drijvende Bokken (sentenza mogħtija llum stess C-219/97, Ġabra p. I-6121), filwaqt li l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha, tirreferi direttament għall-kawża msemmija l-aħħar. Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża Drijvende Bokken, iċċitata iktar ’il fuq, li wkoll tikkonċerna l-kompatibbiltà mar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni ta’ l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ fond tal-pensjoni settorjali, tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kawża prinċipali.

43      Barra minn hekk, għalkemm il-Gvernijiet ta’ Franza u ta’ l-Olanda setgħu kienu tal-fehma, f’dan il-każ, li l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma kinitx biżżejjed biex tgħinhom jieħdu pożizzjoni fuq ċerti aspetti tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġsutizzja, għandu jiġi enfasizzat li ngħatat aktar informazzjoni peremzz tad-dokumenti mgħoddija mill-qorti tar-rinviju, l-osservazzjonijiet bil-miktub u r-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-informazzjoni kollha, li kienet inkluża fir-Rapport għas-seduta, ġiet innotifikata lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħra għall-finijiet tas-seduta, li matulha kellhom l-opportunità, jekk kien hemm il-bżonn, iżidu ma’ l-osservazzjonijiet tagħhom.

44      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li ngħatat mill-qorti tar-rinviju, ikkompletata kif kien hemm bżonn mill-elementi msemmija hawn fuq, għarrfet biżżejjed lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-isfond fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali biex jgħinuha tinterpreta r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

45      Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

46      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3(g) tat-Trattat, 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE) u 85 tat-Trattat jipprekludux id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jrendu l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali obbligatorja fuq talba ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema f’settur partikolari.

47      Albany ssostni li t-talba minn min imexxi u l-ħaddiema biex l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali ssir obbligatorja tikkostitwixxi akkordju bejn l-impriżi li joperaw fis-settur ikkonċernat, kuntrarjament għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

48      Akkordju bħal dan jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’żewġ modi. Minn naħa, jekk l-eżekuzzjoni ta’ skema obbligatorja tiġi fdata lil amministratur wieħed, dan iċċaħħad l-impriżi li joperaw fis-settur ikkonċernat mill-possibiltà li jaffiljaw ruħhom ma’ skema ta’ pensjoni oħra amministrata minn assigurazzjonijiet oħra. Min-naħa l-oħra, dan l-akkordju jeskludi lil dawn l-assigurazzjonijiet minn parti sostanzjali tas-suq ta’ l-assigurazzjoni tal-pensjoni.

49      L-effetti ta’ akkordju bħal dan fuq il-kompetizzjoni huma ‘apprezzabbli’ għax jaffettwaw is-settur tat-tessuti kollu ta’ l-Olanda. Dawn l-effetti huma aggravati bl-effett kumulattiv marbut mal-fatt li l-affiljazzjoni ma’ skemi tal-pensjoni saret obbligatorja f’ħafna setturi ta’ l-ekonomija u għall-impriżi kollha f’dawn is-setturi.

50      Barra minn hekk, akkordju bħal dan jaffettwa n-negozju bejn l-Istati Membri inkwantu jikkonċerna impriżi li jeżerċitaw attività transkonfini u jċaħħad lill-assiguraturi stabbiliti fi Stati Membri oħra mill-opportunità li joffru skema ta’ pensjoni sħiħa fl-Olanda jew permezz ta’ servizzi transkonfini jew ta’ fergħat jew kumpanniji sussidjarji.

51      Għalhekk, skond l-Albany, billi ħalqu qafas legali u billi laqgħu t-talba magħmula minn min imexxi u l-ħaddiema li jrendu obbligatorja l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali, l-awtoritajiet pubbliċi iffavorew jew saħħew l-implementazzjoni u l-operat ta’ akkordji bejn l-impriżi li joperaw fis-setturi kkonċernati, li huma pprojbiti mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat, u b’hekk kisru l-Artikoli 3(g), 5 u 85 tat-Trattat.

52      Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk id-deċiżjoni meħuda mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema f’settur speċifiku, fil-kuntest ta’ ftehim kollettiv, li jitwaqqaf, f’dak is-settur, fond tal-pensjoni wieħed biss responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni supplementari u biex jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi jrendu l-affiljazzjoni ma’ dak il-fond obbligatorja għall-ħaddiema kollha f’dak is-settur hijiex kuntrarja għall-Artikolu 85 tat-Trattat.

53      Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jipprojbixxi l-akkordji kollha bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi jew il-prattiċi miftiehma li jistgħu jolqti l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. L-importanza ta’ din ir-regola wasslet lill-awturi tat-Trattat biex jipprovdu espressament fl-Artikolu 85(2) tat-Trattat li l-akkordji jew deċiżjonijiet ipprojbiti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

54      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 3(g) u (i) tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 3(1)(g) u (j) KE), l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu mhux biss "sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata" iżda wkoll "politika fil-qasam soċjali". L-Artikolu 2 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 2 KE) jipprovdi l-kompitu partikolari tal-Komunità huwa, b’mod partikolari, "li tippromovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż u bilanċjat ta’ l-attivitajiet ekonomiċi" u "livell għoli ta’ impjieg u ta’ ħarsien soċjali".

55      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 118 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha bħala missjoni li tippromwovi kooperazzjoni mill-qrib bejn Stati Membri fil-qasam soċjali, partikolarment fil-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dritt ta’ assoċjazzjoni u nnegozzjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema.

56      L-Artikolu 118b tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 EC sa 143 KE) iżid li l-Kummissjoni għandha tipprova tiżviluppa d-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema fuq livell Ewropew, li jista’, jekk iż-żewġ naħat iqisu xierqa, iwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali.

57      Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Ftehim fuq il-politika soċjali (ĠU C 191, 1992, p. 91,) jistipula li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom bħala għan, b’mod partikolari, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol, ħarsien soċjali xieraq, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp ta’ riżorsi umani li jippermetti livell għoli ta’ impjieg għal tul ta’ żmien u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

58      Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim fuq il-politika soċjali, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema fuq il-livell Komunitarju jista’ jwassal, jekk huma jixtiequ, għal relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehim, li jiġu implementati jew skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, fuq talba konġunta tal-firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

59      Ċertament, ċerti effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma inerenti fil-ftehim kollettivi bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema. Madankollu, l-għanijiet tal-politika soċjali mfittxa minn ftehim bħal dawn ikunu serjament imfixkla jekk min imexxi u l-ħaddiema jkunu suġġetti għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat meta jfittxu flimkien li jadottaw miżuri sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg.

60      Għaldaqstant jirriżulta minn interpretazzjoni effettiva u koerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kollu kemm hu li ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn min imexxi u l-ħaddiema bl-iskop li jintlaħqu għanijiet bħal dawn, għandhom jitqiesu bħala li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

61      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk in-natura u l-iskop tal-ftehim in kwistjoni fil-kawża prinċipali jiġġustifikawx li dan jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

62      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, bħall-kategorija ta’ ftehim imsemmija hawn fuq, li huma riżultat ta’ djalogu soċjali, il-ftehim in kwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie konkluż f’forma ta’ ftehim kollettiv u huwa r-riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u l-ħaddiema.

63      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-iskop tiegħu, il-ftehim in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxi, f’settur partikolari, skema ta’ pensjoni supplementari amministrata minn fond tal-pensjoni li affiljazzjoni miegħu tista’ tiġi reża obbligatorja. Skema bħal din tfittex b’mod ġenerali li tiggarantixxi ċertu livell ta’ pensjoni għall-ħaddiema kollha f’dak is-settur u għalhekk tikkontribwixxi direttament biex ittejjeb waħda mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, jiġifieri l-ħlas tagħhom.

64      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-ftehim in kwistjoni fil-kawża prinċipali , minħabba l-iskop u n-natura tiegħu, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

65      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Van Eycke (267/86, Ġabra p. 4769, punt 16), l-Artikolu 85 tat-Trattat jikkonċerna biss l-aġir ta’ l-impriżi u mhux leġislazzjoni jew regolamenti adottati mill-Istati Membri. Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 85 tat-Trattat, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 5, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jintroduċux jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, kemm jekk leġiżlattivi jew regolatorji, li jistgħu jrendu bla effett ir-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Dan jiġri, skond l-istess ġurisprudenza, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ akkordji b’mod kuntrarju għall-Artikolu 85 tat-Trattat jew isaħħaħ l-effetti tagħhom jew iċaħħad lil-leġiżlazzjoni tiegħu stess mill-karattru uffiċjali tiegħu billi jiddelega lil operaturi privati responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-isfera ekonomika (ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1993, Meng, C-2/91, Ġabra I-5751, punt 14; Reiff, C-185/91, Ġabra I-5801, punt 14; Ohra Schadeverzekeringen, C-245/91, Ġabra p. I-5851, punt 10; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni v L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punti 53 u 54; u Corsica Ferries France, C-266/96, Ġabra p. I-3949, punti 35, 36 u 49).

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-talba magħmula lill-awtoritajiet pubbliċi mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema biex l-affiljazzjoni mal-fond tal-pensjoni settorjali stabbilit minnhom issir obbligatorja hija parti minn sistema prevista f’numru ta’ liġijiet nazzjonali, intiża biex teżerċita s-setgħa leġiżlattiva fil-qasam soċjali. Billi l-ftehim in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 64 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma liberi li jrenduh obbligatorju għal persuni li mhumiex marbuta bil-ftehim.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tal-ftehim fuq il-politika soċjali jipprovdi espressament li, fuq il-livell Komunitarju, min imexxi u l-ħaddiema jistgħu jitolbu, flimkien, lill-Kunsill sabiex jiġu implementati xi ftehim soċjali.

68      Id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jrendu l-affiljazzjoni ma’ fond bħal dan obbligatorja ma tistax għalhekk titqies bħala li timponi jew li tiffavorixxi l-adozzjoni ta’ akkordji b’mod kuntrarja għall-Artikolu 85 tat-Trattat jew li ssaħħaħ l-effetti tagħhom.

69      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċizjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi biex irendu l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali obbligatorja ma taqax fi ħdan il-kategoriji ta’ miżuri leġiżlattivi li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ifixklu l-effettività ta' Artikoli 3(g), 5 u 85 tat-Trattat.

70      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(g), 5 u 85 tat-Trattat ma jipprekludux deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li tirrendi l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali obbligatorja, fuq talba ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema f’settur partikolari.

 Fuq l-ewwel domanda

71      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata wara t-tieni waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fond tal-pensjoni responsabbli biex jamministra skema ta’ pensjoni supplementari, stabbilit peremzz ta’ ftehim kollettiv konkluż bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema f’settur partikolari u li l-affiljazzjoni miegħu ġiet reża obbligatorja mill-awtoritajiet pubbliċi għall-ħaddiema kollha f’dak is-settur, huwiex impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85 et seq. tat-Trattat.

72      Skond il-Fond u l-Gvernijiet li intervjenew, fond bħal dan ma jikkostitwixxix impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85 et seq. tat-Trattat. Huma jfissru d-diversi karatteristiċi tal-fond tal-pensjoni settorjali u ta’ l-iskema ta’ pensjoni supplementari li jamministra.

73      Fl-ewwel lok, l-affiljazzjoni obbligatorja tal-ħaddiema kollha f’settur partikolari ma’ skema ta’ pensjoni supplementari għandha funzjoni soċjali essenzjali fi ħdan is-sistema ta’ pensjoni applikabbli fl-Olanda minħabba l-ammont limitat ħafna tal-pensjoni skond il-liġi, ikkalkulata fuq il-bażi tal-paga minima skond il-liġi. Sakemm skema ta’ pensjoni supplementari tkun ġiet stabbilita minn ftehim kollettiv fi ħdan struttura stabbilita mil-liġi, u sakemm l-affiljazzjoni ma’ din l-iskema tkun ġiet reża obbligatorja mill-awtoritajiet pubbliċi, din tikkostitwixxi element tas-sistema Olandiża ta’ protezzjoni soċjali, u l-fond tal-pensjoni settorjali responsabbli għall-amministrazzjoni tagħha għandu jiġi meqjus bħala li jikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tas-servizz pubbliku tas-sigurtà soċjali.

74      Fit-tieni lok, il-fond tal-pensjoni settorjali m’għandux skop ta’ lukru. Huwa amministrat miż-żewġ naħat ta’ l-industrija flimkien, li għandhom rappreżentanza ndaqs fil-kumitat ta’ amministrazzjoni. Il-fond tal-pensjoni settorjali jiġbor kontribuzzjoni medja ffissata minn dan il-kumutat li tilħaq bilanċ, kollettiv, bejn l-ammont tal-primjums, il-valur tal-benefiċċji u l-livell tar-riskji. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux ikunu inqas minn ċertu livell, sabiex jiġu kkostitwiti riżervi adegwati, u, sabiex il-fond jibqa’ mingħajr skop ta’ lukru, il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-ogħla limitu, li l-osservanza tiegħu hija assigurata minn min imexxi u l-ħaddiema u mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni. Għalkemm il-kontribuzzjonijiet miġbura huma investiti fuq bażi ta’ kapitalizzazzjoni, l-investimenti jsiru taħt il-kontroll tal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni u skond id-dispożizzjonijiet tal-PSW u ta’ l-istatut tal-fond tal-pensjoni settorjali.

75      Fit-tielet lok, il-fond tal-pensjoni settorjali huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà. Din is-solidarjetà hija mmanifestata mill-obbligu li jiġu aċċettati l-ħaddiema kollha mingħajr eżami mediku minn qabel, mill-fatt li d-drittijiet għall-pensjoni jibqgħu jiżdiedu minkejja eżenzjoni mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet f’każ ta’ inkapacità mix-xogħol, mill-fatt li l-fond jerfa’ r-responsabbiltà tal-ħlas ta’ l-arretrati ta’ kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem f’każ ta’ falliment ta’ dan ta’ l-aħħar u mill-indiċjar ta’ l-ammont tal-pensjonijiet sabiex imantnu l-valur tagħhom. Il-prinċipju ta’ solidarjetà joħroġ ċar ukoll min-nuqqas ta’ ekwivalenza, għall-individwi, bejn il-kontribuzzjoni mħallsa, li hija kontribuzzjoni medja u indipendenti mir-riskji, u d-drittijiet għal pensjoni, li huma ddeterminati b’referenza għal salarju medju. Din is-solidarjeta tagħmel l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ l-iskema ta’ pensjoni supplementari indispensabbli. Inkella, jekk riskji ‘tajbin’ jitilqu mill-iskema, dan ikollu effett negattiv ħafna li jipperikola l-bilanċ finanzjarju ta’ l-iskema.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Fond u l-Gvernijiet li intervjenew jikkunsidraw li l-fond tal-pensjoni settorjali jikkostitwixxi organizzazzjoni inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ sigurta soċjali bħal dawk in kwistjoni fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C-159/91 u C-160/91, Ġabra p. I-637), u mhux bħall-organizzazzjoni in kwistjoni fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération Française des Sociétés d'Assurance et (C-244/94, Ġabra p. I-4013), li ġiet meqjusa bħala impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85 et seq. tat-Trattat.

77      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, ikun xi jkun l-istat legali ta’ l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21; Poucet u Pistre, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; u Fédération française des sociétés d'assurance et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

78      Barra minn hekk, fis-sentenza Poucet u Pistre, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet minn dan il-kunċett organizzazzjonijiet inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ ċerti skemi ta’ sigurtà soċjali obbligatorji, ibbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjeta. Fl-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u tal-maternità li tifforma parti mis-sistema in kwistjoni, il-benefiċċji kienu l-istess għall-benefiċjarji kollha, għalkemm il-kontribuzzjonijiet kienu proporzjonali għad-dħul; fl-iskema tal-pensjoni, il-pensjonijiet ta’ l-irtirar kienu ffinanzjati mill-ħaddiema li kienu qed jaħdmu; barra minn hekk, id-drittijiet għall-pensjoni, stabbliti mil-liġi, ma kinux proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet mħallsa fl-iskema tal-pensjoni; fl-aħħar nett, l-iskemi b’bilanċ favurihom kienu jikkontribwixxu għall-iffinanzjar ta’ dawk l-iskemi b’diffikultajiet finanzjarji strutturali. Din is-solidarjetà għamlitha neċessarja li d-diversi skemi jiġu amministrati minn organizzazzjoni waħda u li l-affiljazzjoni ma’ l-iskemi tkun obbligatorji.

79      Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Fédération française des sociétés d'assurance et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li organizzazzjoni li m’għandhiex skop ta’ lukru, li tamministra skema ta’ pensjoni intiża li tissupplixxi skema obbligatorja bażika, stabbilita mil-liġi bħala skema mhux obbligatorja u li taħdem skond il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni, hija impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85 et seq. tat-Trattat. L-affiljazzjoni mhux obbligatorja, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni u l-fatt li l-benefiċċji kienu jiddependu biss fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-benefiċjarji u fuq ir-riżultati finanzjarji ta’ l-investimenti magħmula mill-organizzazzjoni li tamministra kienu jimplikaw li dik l-organizzazzjoni eżerċitat attività ekonomika b’kompetizzjoni ma’ kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja. La l-objettiv soċjali mfittex, la n-nuqqas ta’ skop ta’ lukru, la l-eżiġenzi ta’ solidarjetà, u lanqas ir-regoli l-oħra li jikkonċernaw, partikolarment, ir-restrizzjonijiet li l-organizzazzjoni ta’ amministrazzjoni kienet suġġetta għalihom fit-twettiq ta’ l-investimenti ma jbiddlu l-fatt li l-organizzazzjoni ta’ amministrazzjoni kienet qed teżerċita attività ekonomika.

80      Il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ impriża, skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 85 et seq. tat-Trattat, jkoprix organizzazzjoni bħalma hi l-fond tal-pensjoni settorjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fond tal-pensjoni settorjali nnifsu jiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji u li l-fond jopera skond il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni.

82      B’hekk, għall-kuntrarju tal-benefiċċji pprovduti mill-organizzazzjonijiet inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali obbligatorji bħal dawk imsemmija fis-sentenza Poucet u Pistre, iċċitata iktar ’il fuq, l-ammont ta’ benefiċċji pprovduti mill-Fond jiddependi mir-riżultati finanzjarji ta’ l-investimenti magħmula minnu u li fir-rigward tagħhom hu suġġett, bħal fil-każ ta’ kumpannija ta’ l-assigurazzjoni, għall-kontroll tal-Bord ta’ l-Assigurazzjoni.

83      Minbarra dan, kif jidher ċar mill-Artikolu 5 tal-BPW u l-Artikoli 1 u 5 tad-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni, fond tal-pensjoni settorjali għandu l-obbligu jagħti eżenzjoni lil impriża meta din ta’ l-aħħar tkun diġà għamlet disponibbli lill-ħaddiema tagħha, għall-inqas sitt xhur qabel ma saret it-talba li abbażi tagħha l-affiljazzjoni mal-fond ġiet reża obbligatorja, skema ta’ pensjoni li tagħtihom drittijiet għall-inqas ekwivalenti għal dawk li huma jistgħu jakkwistaw jekk jaffiljaw ruħhom mal-fond. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 1 tad-direttivi msemmija hawn fuq, dan il-fond għandu wkoll id-dritt jagħti eżenzjoni lil impriża li tipprovdi lill-ħaddiema tagħha bi skema ta’ pensjoni li tagħtihom drittijiet għall-inqas ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-fond, bil-kundizzjoni li, f’każ ta’ rtirar mill-fond, kumpens meqjus raġonevoli mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni jkun offrut għal kwalunkwe ħsara li tista’ tiġġarrab mill-fond, mill-perspettiva teknika ta’ l-assigurazzjoni, bħala riżultat ta’ l-irtirar.

84      Minn dan jirriżulta li fond tal-pensjoni settorjali, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżerċita attività ekonomika f’kompetizzjoni mal-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni.

85      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Fond m’għandux skop ta’ lukru u l-manifestazzjonijiet ta’ solidarjetà msemmija minnu u mill-Gvernijiet li intervjenew m’humiex biżżejjed biex iċċaħħdu l-fond tal-pensjoni settorjali mill-klassifikazzjoni tiegħu bħala impriża skond it-tifsira tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni.

86      Bla dubju, it-tfittxija ta’ objettiv soċjali, il-manifestazzjonijiet ta’ solidarjetà u r-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq jew il-kontrolli fuq l-investimenti magħmula mill-fond tal-pensjoni settorjali jistgħu jrendu s-servizz ipprovdut mill-fond anqas kompetittiv minn servizzi paragunabbli mogħtija mill-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni. Għalkemm limitazzjonijiet bħal dawn ma jżommux lill-attività tal-fond milli tiġi meqjusa bħala attività ekonomika, huma jistgħu jiġġustifikaw id-dritt esklużiv ta’ entità bħal din li tamministra skema ta’ pensjoni supplementari.

87      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li fond tal-pensjoni inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni supplementari stabbilit permezz ta’ ftehim kollettiv konkluż bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u ħaddiema f’settur partikolari u li l-affiljazzjoni miegħu ġiet reża obbligatorja għall-ħaddiema kollha f’dak is-settur mill-awtoritajiet pubbliċi, hija impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 85 et seq. tat-Trattat.

 Fuq it-tielet domanda

88      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment,jekk l-Artikoli 86 u 90 tat-Trattat jipprekludux lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil fond tal-pensjoni d-dritt esklużiv li jamministra skema ta’ pensjoni supplementari f’settur partikolari.

89      Il-Gvern Olandiż isostni li d-digriet leġiżlattiv li renda l-affiljazzjoni obbligatorja għandu l-uniku effett li jobbliga lill-ħaddiema fis-settur ikkonċernat jaffiljaw ruħhom mal-Fond. Dan id-digriet ma jagħtix lill-Fond dritt esklużiv fil-qasam tal-pensjonijiet supplementari. Il-Fond lanqas ma għandu pożizzjoni dominanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

90      Għandu jiġi osservat qabel kollox li d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali obbligatorja, bħal f’dan il-każ, neċessarjament timplika l-għoti ta’ dritt esklużiv lil dak il-fond li jiġbor u jamministra l-kontribuzzjonijiet imħallsa bl-iskop li jiżdiedu d-drittijiet tal-pensjoni. Fond bħal dan għalhekk għandu jitqies bħala impriża ngħatawlha drittijiet esklużivi mill-awtoritajiet pubbliċi, fis-sens ta’ l-Artikolu 90(1) tat-Trattat.

91      Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, impriża li għandha monopolju legali f’xi parti sostanzjali tas-suq komuni tista’ titqies li għandha pożizzjoni dominanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat (ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Merci Convenzionali Porto di Genova, C-179/90, Ġabra p. I-5889, punt 14, u tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C-18/88, Ġabra p. I-5941, punt 17).

92      Fond tal-pensjoni settorjali, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu dritt esklużiv li jamministra skema ta’ pensjoni supplementari f’settur industrijali ta’ Stat Membru u, għalhekk, f’parti sostanzjali tas-suq komuni, jista’ għalhekk jitqies li għandu pożizzjoni dominanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

93      Ma jistax jintesa, madankollu, li s-sempliċi ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti billi jingħataw drittijiet esklużivi, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 90(1) tat-Trattat, m’huwiex fih innifsu inkompatibbli ma’ l-Artikolu 86 tat-Trattat. Stat Membru jkun kiser il-projbizzjonijiet stipulati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet biss jekk l-impriża in kwistjoni, sempliċiment billi teżerċita d-drittijiet esklużivi mogħtija lilha, titwassal biex tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha jew meta drittijiet bħal dawn jistgħu joħolqu sitwazzjoni fejn dik l-impriża titwassal biex twettaq abbużi bħal dawn (sentenzi Höfner u Elser, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 29; tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 37; Merci Convenzionali Porto di Genova, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 16 u 17; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d'insémination de la Crespelle, C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 18; u tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et, C-163/96, Ġabra p. I-533, punt 27).

94      Albany ssostni, f’dak ir-rigward li s-sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja ma’ l-iskema ta’ pensjoni supplementari amministrata mill-Fond hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 86 u 90 tat-Trattat meħuda flimkien. Il-benefiċċji tal-pensjoni mogħtija mill-Fond ma jikkorrispondux jew m’għadhomx jikkorrispondu mal-bżonnijiet ta’ l-impriżi. Il-benefiċċji huma baxxi wisq, mhumiex marbuta mas-salarji u, konsegwentement, huma sistematikament inadegwati. Min iħaddem għandu għalhekk jagħmel arranġamenti oħra fir-rigward tal-pensjonijiet. Is-sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja ċċaħħad lil dawk li jħaddmu mill-opportunità li joħorġu polza ta’ pensjoni komprensiva ma’ xi kumpannija ta’ l-assigurazzjoni. Jekk ikollhom isiru diversi arranġamenti ta’ pensjoni ma’ numru ta’ assigurazzjonijiet dan jista’ jżid l-ispejjeż amministrattivi u jnaqqas l-effiċjenza.

95      Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza Höfner u Elser, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 34, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li jagħti lil aġenzija pubblika ta’ l-impjieg id-dritt esklużiv ta’ reklutaġġ kien qed jikser l-Artikolu 90(1) tat-Trattat meta joħloq sitwazzjoni fejn dik l-aġenzija ma tkunx tista’ tevita li tikser l-Artikolu 86 tat-Trattat, b’mod partikolari għax kjarament ma tkunx kapaċi tissodisfa t-talba li teżisti fis-suq għal attivitajjiet bħal dawn.

96      F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-iskema ta’ pensjoni supplementari offruta mill-Fond hija bbażata fuq l-istandard eżistenti fl-Olanda, jiġifieri li kull ħaddiem li jkun ħallas kontribuzzjonijiet lil dik l-iskema għal-perijodu massimu ta’ affiljazzjoni jirċievi pensjoni, inkluża l-pensjoni ta’ l-Istat skond l-AOW, ekwivalenti għal 70% ta’ l-aħħar salarju tiegħu.

97      Bla dubju, xi impriżi fis-settur jistgħu jixtiequ li jipprovdu lill-ħaddiema tagħhom bi skema ta’ pensjoni superjuri għal dik offruta mill-Fond. Madankollu, il-fatt li dawn l-impriżi ma’ jistgħux jafdaw l-amministrazzjoni ta’ skema tal-pensjoni bħal din lil assigurazzjoni waħda u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta huma konsegwenza diretta tad-dritt esklużiv mogħti lill-fond tal-pensjoni settorjali.

98      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk, kif isostnu l-Fond, il-Gvern Olandiż u l-Kummisjoni, id-dritt esklużiv tal-fond tal-pensjoni settorjali li jamministra pensjonijiet supplementari f’settur partikolari u r-restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni li tirriżulta jistgħux jiġu ġġustifikati mill-Artikolu 90(2) tat-Trattat bħala miżura neċessarja għat-twettieq ta’ funzjoni soċjali partikolari ta’ interess pubbliku li biha ġie inkarigat dak il-fond.

99      Albany ssostni li l-affiljazzjoni obbligatorja mal-fond tal-pensjoni settorjali mhijiex neċessarja biex tassigura livell adegwat ta’ pensjoni għall-ħaddiema. Dak il-għan jista’ jinkiseb b’rekwiżiti minimi li jkunu jridu jiġu sodisfatti mill-pensjonijiet, u li jiġu stabbiliti jew miż-żewġ naħat ta’ l-industrija fuq l-instigazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jew direttament mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-ftehim kollettivi ta’ l-impjieg kollettiv sikwit jinkludu obbligu fuq min iħaddem biex jipprovdu skema ta’ pensjoni minima, filwaqt li jħalluhom liberi li jistabbilixxu fond tal-pensjoni għall-impriża tagħhom, li jaffiljaw ruħhom ma’ fond tal-pensjoni settorjali jew li jilħqu ftehim ma’ xi kumpannija ta’ l-assigurazzjoni.

100    Skond l-Albany, lanqas il-fatt li l-membri jħallsu "kontribuzzjoni medja" ma jiġġustifika l-affiljazzjoni obbligatorja. Minn naħa, la l-BPW u lanqas id-digriet leġiżlattiv li jrendi l-affiljazzjoni obbligatorja ma jeħtieġu sistema bbażata fuq kontribuzzjoni bħal din. Min-naħa l-oħra, diversi fondi settorjali ta’ pensjoniji li l-affiljazzjoni magħhom mhijiex obbligatorja joperaw tajjeb abbażi ta’ sistema ta’ ‘kontribuzzjoni medja’.

101    Rigward l-aċċettazzjoni tal-ħaddiema kollha fl-istess qasam ta’ attività mingħajr eżami mediku minn qabel sabiex ir-riskji ‘l-ħżiena’ ma jistgħux jiġu rrifjutati, Albany tosserva li fil-prattika l-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni li saru ma’ l-assigurazzjonijiet jiddisponu dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jiddikjara lill-ħaddiema kollha tiegħu u l-obbligu ta’ l-assiguratur li jaċċetta kwalunkwe ħaddiem iddikjarat mingħajr eżami mediku minn qabel.

102    Huwa importanti li jiġi mfakkar l-ewwel nett li, skond l-Artikolu 90(2) tat-Trattat, l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tad-dmirijiet partikolari assenjati lilhom.

103    Meta jkunu permessi, f’ċerti ċirkustanzi, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 90(2) tat-Trattat ifittex li jirrikonċilja l-interess ta’ l-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, partikolarment fis-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali ma’ l-interess tal-Komunità li tiżgura konformità mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien ta’ l-unità tas-suq komuni (sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1991 Franza v Il-Kummissjoni, C-202/88 Ġabra p. I-1223, punt 12, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni v L-Olanda, C-157/94, Ġabra p. I-5699, punt 39).

104    Fid-dawl ta’ l-interess ta’ l-Istati Membri hekk imfisser, ma jistgħux, meta jiddeċiedu x’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jafdaw lil ċerti impriżi, jinżammu milli jieħdu in kunsiderazzjoni objettivi tal-politika nazzjonali tagħhom jew milli jippruvaw jiksbuhom permezz ta’ obbligi u restrizzjonijiet li huma jimponu fuq impriżi bħal dawn (sentenza Il-Kummissjonji v L-Olanda, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

105    L-iskema ta’ pensjoni supplementari in kwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq funzjoni soċjali essenzjali fi ħdan is-sistema tal-pensjonijiet Olandiża minħabba l-ammont limitat tal-pensjoni skond il-liġi, li tiġi kkalkulata abbażi tas-salarju minimu skond il-liġi.

106    Barra minn hekk, l-importanza tal-funzjoni soċjali attribwita lill-pensjonijiet supplementari ġiet rikonoxxuta dan l-aħħar peremzz ta’ l-adozzjoni, mil-leġiżlatur Komunitarju, tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittjiet tal-pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 1998, p. 46).

107    Għandu jiġi mfakkar li m’huwiex neċessarju, sabiex il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90(2) tat-Trattat jiġu sodisfatti, li l-bilanċ finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika ta’ l-impriża inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jkun mhedded. Huwa biżżejjed li, fin-nuqqas tad-drittijiet in kwistjoni, ma jkunx possibbli għall-impriża li twettaq funzjonijiet partikolari fdati lilha, kif definiti mill-obbligi u r-restrizzjonijiet imposti fuqha (sentenza Il-Kummissjonji v L-Olanda, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 52) jew li ż-żamma ta’ dawk id-drittijiet hija neċessarja biex min hu intitolat għalihom ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġew assenjati lilu taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabli (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punti 14 sa 16, u Il-Kummissjonji v L-Olanda, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53).

108    Jekk id-dritt esklużiv tal-fond li jamministra skema ta’ pensjoni supplementari għall-ħaddiema kollha f’settur partikolari jitneħħa, l-impriżi b’impjegati żgħażagħ f’saħħithom li jeżerċitaw attivitajiet li mhumiex perikolużi jistgħu jfittxu kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni aktar vantaġġużi minn assigurazzjonijiet privati. It-tluq progressiv tar-riskji ‘tajbin’ jista’ jħalli l-fond tal-pensjoni settorjali b’responsabbiltà għal sehem dejjem jikber ta’ riskji ‘ħżiena’, u b’hekk jiżdiedu l-ispejjeż tal-pensjonijiet għall-ħaddiema, partikolarment dawk ta’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju b’impjegati mdaħħla fiż-żmien involuti f’attivitajiet perikolużi, li lilhom il-fond ma jkunx jista’ jibqa’ joffri pensjonijiet bi prezz aċċettabbli.

109    Dan jiġri iktar u iktar meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-iskema ta’ pensjoni supplementari amministrata esklużivament mill-Fond tkun ikkaratterizzata minn livell għoli ta’ solidarjetà li jirriżulta, partikolarment, mill-fatt li l-kontribuzzjonijiet ma jirriflettux ir-riskju, mill-obbligu li jiġu aċċettati l-ħaddiema kollha mingħajr eżami mediku minn qabel, mill-fatt li d-drittijiet għall-pensjoni jibqgħu jiżdiedu minkejja eżenzjoni mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet f’każ ta’ inkapaċità mix-xogħol, mill-fatt li l-fond jerfa’ r-responsabbiltà tal-ħlas ta’ l-arretrati ta’ kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem f’każ ta’ falliment ta’ dan ta’ l-aħħar u mill-indiċjar ta’ l-ammont tal-pensjonijiet sabiex imantnu l-valur tagħhom.

110    Restrizzjonijiet bħal dawn, li jrendu s-servizz ipprovdut mill-Fond anqas kompetittiv minn servizz paragunabbli pprovdut mill-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni, jikkontribwixxu biex jiġġustifikaw id-dritt esklużiv tal-Fond li jamministra l-iskema ta’ pensjoni supplementari.

111    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tneħħija tad-dritt esklużiv mogħti lill-Fond tista’ tagħmilha impossibbli għalih biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġew assenjati lilu f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabli u tipperikola l-bilanċ finanzjarju tiegħu.

112    Billi tirreferi għas-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ‘il fuq, Albany tikkunsidra, madankollu, li l-fatt li l-Fond iwettaq rwol doppju, bħala amministratur ta’ l-iskema tal-pensjoni u bħala l-awtorità mogħnija bis-setgħa li tagħti eżenzjonijiet, jista’ jagħti lok għall-eżerċizzju arbitrarju tas-setgħa ta’ eżenzjoni.

113    Għandu jiġi rrilevat li fil-punt 28 tas-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 3(g), 86 u 90 tat-Trattat jipprekludu Stat Membru milli jagħti lill-impriża li topera n-netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet is-setgħa li tistabbilixxi standards għat-tagħmir telefoniku u li tivverifika li l-operaturi ekonomiċi jirrispettawhom, meta hi nnifisha tikkompeti ma’ dawk l-operaturi fis-suq għal dak it-tagħmir.

114    Fil-punt 25 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għoti lil kumpannija ta’ poteri, kemm li tawtorizza jew tirrifjuta l-konnessjoni tat-telefon man-netwerk, kif ukoll li tistabbilixxi l-istandards tekniċi li jridu jiġu rispettati minn tagħmir bħal dan u li tivverifika jekk oġġetti mhux manifatturati minnha jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet adottati minnha jammontaw għall-għoti lilha tas-setgħa li tiddetermina, kif trid, liema tagħmir terminali jista’ jiġi mqabbad man-netwerk pubbliku, b’hekk iqiegħdha f’vantaġġ ovvju fuq il-kompetituri tagħha.

115    Madankollu, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik fis-sentenza GB-Inno-BM.

116    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li skond l-Artikolu 5(1) tad-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni, fond tal-pensjoni settorjali huwa obbligat jagħti eżenzjoni lil impriża meta din ta’ l-aħħar tkun diġà għamlet disponibbli lill-ħaddiema tagħha, għall-inqas sitt xhur qabel ma saret it-talba li abbażi l-affiljazzjoni mal-fond ġiet reża obbligatorja, skema ta’ pensjoni li tagħtihom drittijiet għall-inqas ekwivalenti għal dawk li huma jakkwistaw jekk jaffiljaw ruħhom mal-fond.

117    Peress li d-dispożizzjoni msemmija hawn torbot lill-fond tal-pensjoni settorjali fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ eżenzjoni, hija ma tistax titqies li x’aktarx twassal lill-fond biex jabbuża minn dik is-setgħa. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-fond sempliċiment jivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministru kompetenti huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Lagauche et, C-46/90 u C-93/91 Ġabra p. I-5267, punt 49).

118    Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li skond l-Artikolu 1 tal-direttivi dwar l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni, fond tal-pensjoni settorjali għandu d-dritt jagħti eżenzjoni lil impriża li tipprovdi lill-ħaddiema tagħha bi skema ta’ pensjoni li tagħtihom drittijiet għall-inqas ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-fond, bil-kundizzjoni li, f’każ ta’ rtirar mill-fond, kumpens meqjus raġonevoli mill-Bord ta’ l-Assigurazzjoni ikun offrut għal kwalunkwe ħsara li tista’ tiġġarrab mill-fond, mill-perspettiva teknika ta’ l-assigurazzjoni, bħala riżultat ta’ l-irtirar.

119    L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tippermetti lil fond tal-pensjoni settorjali jagħti eżenzjoni mill-obbligu ta’ affiljazzjoni lil impriża li tipprovdi lill-ħaddiema tagħha bi skema ta’ pensjoni ekwivalenti għal dik amministrata minnu jekk eżenzjoni bħal din ma tipperikolax il-bilanċ finanzjarju tiegħu. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ eżenzjoni jinvolvi evalwazzjoni kumplessa ta’ informazzjoni relativa għall-iskemi tal-pensjoni involuti u għall-bilanċ finanzjarju tal-fond, li neċessarjament timplika marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni.

120    Fid-dawl tal-kumplessità ta’ evalwazzjoni bħal din u tar-riskji li l-għoti ta’ eżenzjonijiet jinvolvi għall-bilanċ finanzjarju ta’ fond tal-pensjoni settorjali u, għalhekk, għat-twettiq tal-funzjoni soċjali fdata lilu, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-setgħa ta’ eżenzjoni m’għandhiex tkun attribwita lil entità separata.

121    Għandu jiġi rilevat, madankollu, li l-qrati nazzjonali li jridu jiddeċiedu, bħal f’dan il-każ, fuq xi oġġezzjoni għal rekwiżit li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet għandhom jistħarrġu d-deċiżjoni li tkun irrifjutat l-għoti ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni, biex ikunu jistgħu għall-inqas jivverifikaw li l-fond ma użax is-setgħa tiegħu li jagħti eżenzjoni b’mod arbitrarju u li l-prinċipju ta’ non diskriminizzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra għal-legalità ta’ din id-deċizjoni ġew irrespettati.

122    Fl-aħħar lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Albany li livell adegwat ta’ pensjoni għall-ħaddiema jista’ jkun żgurat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li għandhom jintlaħqu mill-pensjonijiet offruti mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-funzjoni soċjali ta’ l-iskemi ta’ pensjoni supplementari u tal-marġni ta’ diskrezzjoni, li skond ġurisprudenza stabbilita, għandhom l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Duphar et, 238/82, Ġabra p. 523, punt 16; Poucet u Pistre, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 6; u tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C-70/95, Gabra p. I-3395, punt 27), huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jeżamina jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-sistema tal-pensjoni nazzjonali tiegħu, l-iffissar ta’ rekwiżiti minimi xorta waħda jippermettilux jiżgura l-livell ta’ pensjoni li huwa jfittex li jiggarantixxi f’settur billi jrendi obbligatorja l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni.

123    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 86 u 90 tat-Trattat ma jipprekludux lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil fond tal-pensjoni d-dritt esklużiv li jamministra skema ta’ pensjoni supplementari f’settur partikolari.

 Fuq l-ispejjeż

124    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta’ l-Olanda, il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 3(g) tat-Trattat KE [li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 3(1)(g) KE], 5 u 85 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 10 KE u 81 KE) ma jipprekludux deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li tirrendi l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali obbligatorja, fuq talba ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema f’settur partikolari.

2)      Fond tal-pensjoni inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni supplementari stabbilit permezz ta’ ftehim kollettiv konkluż bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u ħaddiema f’settur partikolari u li l-affiljazzjoni miegħu ġiet reża obbligatorja għall-ħaddiema kollha f’dak is-settur mill-awtoritajiet pubbliċi, hija impriża skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 85 et seq. tat-Trattat.

3)      L-Artikoli 86 u 90 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 82 KE u 86 KE) ma jipprekludux lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil fond tal-pensjoni d-dritt esklużiv li jamministra skema ta’ pensjoni supplementari f’settur partikolari.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.