Language of document : ECLI:EU:C:2024:334

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 17(1) – Klawżola diskrezzjonali – Artikoli 27(1) u (3) u Artikolu 29(3) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rimedji ġudizzjarji – Effett sospensiv”

Fil-Kawża C‑359/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

AHY

vs

Minister for Justice,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AHY, minn B. Burns, solicitor, E. Dornan, BL, u C. Power, SC,

–        għall-Minister for Justice u għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce, M. Tierney u G. Wells, bħala aġenti, assistiti minn S.‑J. Hillery, BL, u D. Colan Smyth, SC,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 27(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AHY, ċittadin Somalu, u l-Minister for Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ AHY u li tindika li dan ser jiġi ttrasferit lejn l-Isvezja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 4, 5, 17 u 19 tar-Regolament Dublin III:

“(4)      Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999,] [i]ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(17)      Kull Stat Membru għandu jkun jista’ jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari fuq bażijiet umanitarji u ta’ kompassjoni sabiex jingħaqdu flimkien membri ta’ familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra u jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu jew fi Stat Membru ieħor, ukoll jekk dan l-eżami mhux ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji li jorbtu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

5        L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jagħmel parti mill-Kapitolu IV tal-istess regolament u jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“ Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew minn persuna apolida], ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf, billi juża in-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika ‘DubliNet’ stabbilita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200)], lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu minn, jew biex jieħu lura l-applikant.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont dan il-paragrafu għandu minnufih jindika dak il-fatt fil-Eurodac skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)] billi jżid id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni.”

6        L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Rimedji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.

3.      Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)      l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)      it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)      il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

[…]”

7        L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]”

 Iddritt Irlandiż

8        L-Artikolu 3 tal-European Union (Dublin System) Regulations 2018 (ir-Regolament dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin) tal‑2018) (S.I. Nru 62 tal‑2018, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2018”) jagħti lill-uffiċjali tal-protezzjoni internazzjonali, li jagħmlu parti mill-International Protection Office (l-Uffiċċju ta’ Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPO”), il-kompetenza sabiex jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-kriterji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III u sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment.

9        L-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2018 jipprevedi li l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) għandha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.

10      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal‑2018 jimplimenta l-effett sospensiv previst fl-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III, u jipprevedi, essenzjalment, li applikant għal protezzjoni internazzjonali, li jkun ippreżenta appell skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2018, għandu d-dritt li jibqa’ fl-Irlanda waqt li jkun qiegħed jistenna l-eżitu ta’ dan l-appell.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

11      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, AHY, huwa ċittadin Somalu. Fil‑21 ta’ Jannar 2020, huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda fejn indika li kien il-vittma ta’ attakk bl-użu ta’ splussiv fis-Somalja, liema attakk ġarraf il-ħanut tiegħu, qatel wieħed mill-impjegati tiegħu u kkaġunalu ġrieħi f’idejh u f’dirgħajh.

12      Minn tfittxija tal-Eurodac irriżulta li AHY kien diġà ppreżenta żewġ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Isvezja, fil‑5 ta’ Novembru 2012 u fit‑2 ta’ Ottubru 2017, u li dawn l-applikazzjonijiet kienu ġew miċħuda.

13      Konsegwentement, l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu, abbażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, talba għat-teħid lura mir-Renju tal-Isvezja. Dan l-Istat Membru aċċettaha fid‑19 ta’ Frar 2020.

14      Fit‑23 ta’ Lulju 2020, avviż ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Isvezja ġie kkomunikat lil AHY. Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, dan tal-aħħar ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni tal-IPO quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) billi talab l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u billi sostna, b’mod partikolari, li huwa kien qiegħed isofri mid-dipressjoni.

15      L-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) ċaħdet dan l-appell fil‑5 ta’ Ottubru 2021 u kkonfermat id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

16      Wara li ġie informat li huwa kellu jippreżenta ruħu fil-Garda National Immigration Bureau (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni, l-Irlanda) fis‑16 ta’ Diċembru tal-istess sena sabiex jipprepara għat-trasferiment tiegħu lejn l-Isvezja, li kellu jsir sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ April 2022, AHY ressaq talba, fil‑15 ta’ Novembru 2021, quddiem il-Ministru sabiex dan tal-aħħar jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Din it-talba ġiet miċħuda fis‑16 ta’ Frar 2022.

17      AHY ippreżentat azzjoni kontra din id-deċiżjoni tal-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Insostenn ta’ din l-azzjoni, inter alia, AHY isostni li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, l-appelli kontra d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jsir użu mis-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament għandhom effett sospensiv awtomatiku.

18      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-Irlanda, id-deċiżjoni li wieħed jipproċedi, jew le, bit-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali taqa’ taħt il-kompetenza tal-IPO, filwaqt li d-deċiżjoni dwar jekk tiġix eżerċitata, jew le, is-setgħa diskrezzjonali skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III taqa’ fil-prerogattivi tal-Ministru. Barra minn hekk, l-appelli kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, previsti fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2018, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Ministru jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) fil-kuntest esklużiv tar-rimedju tat-tip “judicial review”, li jikkostitwixxi azzjoni ġudizzjarja speċifika intiża għall-istħarriġ tal-legalità tal-azzjoni amministrattiva.

19      Din is-sistema toħloq diversi diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-proċeduri u tat-termini li fihom dawn id-deċiżjonijiet u dawn l-azzjonijiet għandhom isiru. Għalhekk, applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment jista’, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jitlob, wara ċ-ċaħda tal-appell tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

20      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett sospensiv li azzjoni kontra deċiżjoni tal-Ministru li biha jirrifjuta li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jista’ jkollha fuq deċiżjoni ta’ trasferiment, b’mod partikolari meta din tal-aħħar diġà kienet is-suġġett ta’ appell skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza M.A. et”, EU:C:2019:53), u tippreċiża li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li ddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-effett sospensiv li jinsabu fl-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament japplikawx meta appell jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 17 ta’ dan l-istess regolament.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra ‘deċiżjoni ta’ trasferiment’ jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament [Dublin III] jinkludi d-dritt għal tali rimedju effettiv kontra deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III rigward l-eżerċizzju, taħt din id-dispożizzjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar jekk għandux jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, minkejja li tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Dublin III?

2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)      isegwi li Stat Membru rikjedenti huwa prekluż milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda dwar it-talba għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mressqa mill-applikant taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III?

b)      id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III], li jeżiġu li l-Istati Membri jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom waħda mit-tliet forom ta’ effett sospensiv għall-finijiet tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment jew tar-reviżjoni tagħhom, jinkludu rikors kontra deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 17(1) [ta’ dan ir-regolament] li tirrifjuta l-eżerċizzju tas-setgħa li tittieħed responsabbiltà għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali […]?

c)      meta l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika ma tipprevedi waħda mit-tliet forom ta’ effett sospensiv imsemmija fl-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III] fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut [adottata taħt l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament], il-qrati aditi b’dan ir-rikors huma marbuta li jagħtu l-effett sospensiv fid-dritt nazzjonali tagħhom, taħt waħda minn dawn it-tliet forom u, f’dak il-każ, liema?

d)      kull wieħed minn dawn ir-rimedji sospensivi taħt l-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat li għandu bħala effett li jissospendi t-termini għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

a)      id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludi li Stat Membru rikjedenti jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda fuq it-talba ta’ applikant li l-Istat jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III?

b)      id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludi li Stat Membru rikjedenti jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda fuq kontestazzjoni permezz ta’ rimedju ġudizzjarju speċifiku intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-azzjoni amministrattiva (‘judicial review’), imressaq taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni ta’ rifjut [adottata taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III]?

c)      sussidjarjament, kontestazzjoni permezz ta’ rimedju tat-tip ‘judicial review’, imressaq taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni ta’ rifjut [adottata taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III] għandha bħala effett li tissospendi t-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 29(1) [ta’ dan ir-regolament] jew għandha effett sospensiv fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment b’mod ieħor?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

22      Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      It-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑21 ta’ Ġunju 2022, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju effettiv kontra deċiżjoni adottata skont il-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

25      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkollha d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, mill-imsemmija deċiżjoni quddiem qorti.

26      Il-portata ta’ dan ir-rimedju hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Wara li rrilevat, fil-punt 75 tas-sentenza M.A. et, li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jipprevedix espressament appell minn deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jagħmilx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 4 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, li din l-ewwel dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu tali appell mid-deċiżjoni li ma jagħmlux użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, bla ħsara għall-possibbiltà li dik id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment.

28      F’dan il-każ, AHY madankollu jsostni, quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jinkludi wkoll id-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll, fil-punt 64 tas-sentenza M.A. et, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din l-aħħar dispożizzjoni tifforma parti integrali mill-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previsti mill-imsemmi regolament.

29      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III ma jistgħux jiġu interpretati b’dan il-mod.

30      Huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li r-rimedju previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 53).

31      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl b’mod partikolari tal-evoluzzjoni ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju li huwa jipprevedi kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda kemm l-osservanza tar-regoli li jattribwixxu r-responsabbiltà li tiġi eżaminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-garanziji proċedurali previsti mill-imsemmi regolament (sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, anki jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jitqies li jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previsti minn dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni ma tistax, minħabba n-natura tagħha, tiġi assimilata mal-kriterji l-oħra ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previsti mill-imsemmi regolament.

33      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli.

34      Is-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mfassla mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li dan ir-regolament jifforma parti minnha, hija intiża, hekk kif jirriżulta mil-premessi 4 u 5 tiegħu, li tippermetti, b’mod partikolari, determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli sabiex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

35      F’dan il-kuntest, Stat Membru li quddiemu ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa obbligat li jsegwi l-proċeduri previsti fil-Kapitolu VI tal-istess regolament sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni, li jirrikjedi minn dan l-Istat Membru li jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata u, ladarba din it-talba tkun aċċettata, li jittrasferixxi din il-persuna lejn dan l-Istat Membru.

36      Madankollu, b’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont tali kriterji.

37      L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippreżerva l-prerogattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt li tingħata protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura fakultattiva sa fejn hija tħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-deċiżjoni dwar it-twettiq tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti minn dan ir-regolament. L-eżerċizzju ta’ din il-fakultà ma huwa, barra minn hekk, suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari. L-imsemmija fakultà hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk huwa ma jkunx responsabbli skont kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Interno et (Fuljett komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 146 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fid-dawl tal-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jixtieq jagħmel użu mill-fakultà mogħtija mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u li jaċċetta li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa ma jkunx responsabbli għaliha skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Interno et (Fuljett komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 147 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-ebda ċirkustanza, anki jekk taqa’ taħt id-drittijiet fundamentali, ma tista’ tobbliga lil Stat Membru jagħmel użu minn din il-klawżola u jeżamina huwa stess applikazzjoni li ma hijiex ir-responsabbiltà tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Puid, C‑4/11, EU:C:2013:740, punt 37, kif ukoll is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 97, u M.A. et, punti 61 u 72).

41      Huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-appell li huwa jipprevedi kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda kemm l-osservanza tar-regoli li jattribwixxu r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-garanziji proċedurali previsti minn dan ir-regolament. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), hija bbażata fuq il-premessa li kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament inkwistjoni f’dawn is-sentenzi kienet taqa’ fil-kuntest li fih għandu jseħħ il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jew l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, jistabbilixxu fil-fatt regoli li l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat japplika skont l-istess regolament u li, konsegwentement, jagħtu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt li dan l-Istat josserva l-obbligi tiegħu f’dan is-sens.

42      Issa, kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament Dublin III, dan ir-regolament jistabbilixxi, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tiegħu, il-“kriterji li jorbtu” sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jagħti lill-Istati Membri, fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt il-Kapitolu IV tiegħu, il-possibbiltà li jidderogaw minn dawn il-kriterji ta’ responsabbiltà u li jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fit-territorju tagħhom jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk dan l-eżami ma huwiex impost fuqhom bis-saħħa ta’ dawn il-kriterji obbligatorji. Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ Stat li jeżerċita, jew le, is-setgħa msemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u li jeżamina, jew le, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hija deċiżjoni diskrezzjonali li ma hijiex ibbażata fuq il-kriterji obbligatorji li dan l-Istat Membru għandu jikkonforma magħhom skont l-imsemmi regolament.

43      Minn dan isegwi li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ma tistax tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ trasferiment, fis-sens tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li din l-aħħar dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju effettiv kontra tali deċiżjoni diskrezzjonali.

44      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fis-sentenza M.A. et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu tali rikors ma jipprekludix lill-persuna kkonċernata milli tikkontesta tali deċiżjoni diskrezzjonali fil-kuntest ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment li tagħha hija s-suġġett.

45      Fil-fatt, minn din il-kunsiderazzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi kkontestat tali rifjut li jsir użu mill-klawżola diskrezzjonali fil-kuntest ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment hija bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni.

46      Għall-kuntrarju, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jeżiġix li l-Istati Membri jipprevedu appell speċifiku kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà li tiġi kkontestata din id-deċiżjoni waqt appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tkun ibbażata biss fuq id-dritt nazzjonali.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju effettiv kontra deċiżjoni adottata skont il-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq ittieni domanda

48      It-tieni domanda saret fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq ittielet domanda

49      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, u fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni dwar it-talba intiża sabiex dan l-Istat Membru jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew dwar azzjoni ġudizzjarja speċifika, ippreżentata skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kontra t-tweġiba mogħtija għal tali talba. Sussidjarjament, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali msemmi f’din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni definittiva wara appell jew reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-effett sospensiv jingħata konformement mal-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament u mhux mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar appell mid-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan l-istess regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

50      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-Artikolu 47 tal-Karta, dawn huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni timponix effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun talab l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew meta l-applikant ikun ippreżenta azzjoni kontra t-tweġiba mogħtija għal tali talba.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jitqies li jifforma parti integrali mill-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previsti minn dan ir-regolament, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tikkonċerna l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri, tinkludi “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li, b’mod ġenerali, din tapplika għall-imsemmija sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa intiż li japplika biss jekk il-persuna li tinvokah tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew jekk din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Issa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li Stat Membru ma jistax ikun obbligat jagħmel użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

54      Fl-assenza ta’ tali obbligu, applikant għal protezzjoni internazzjonali ma għandu ebda dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni sabiex Stat Membru jagħmel użu minn din il-klawżola u mis-setgħa diskrezzjonali li din tagħtih.

55      Peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tikkonċerna dik li fiha l-persuna li tinvoka l-Artikolu 47 tal-Karta tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, barra minn hekk, evidentement, sitwazzjoni li fiha tali persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-Artikolu 47 ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li Stat Membru jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma jiddeċiedi dwar talba ppreżentata skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew dwar azzjoni kontra t-tweġiba mogħtija għal tali talba.

56      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-domandi tal-qorti tar-rinviju magħmula sussidjarjament, dawn huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur li tipprevedi din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar appell mid-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

57      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 29(1) hija ċara u preċiża f’dan ir-rigward.

58      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li t-terminu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni definittiva wara appell jew reviżjoni meta l-effett sospensiv jingħata konformement mal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

59      Peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix li dan it-terminu jibda jiddekorri mid-deċiżjoni definittiva dwar appell mid-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ma jistax jitqies li tali appell għandu l-effett li jissospendi t-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament jew għandu b’mod ieħor effett sospensiv fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

60      Għaldaqstant, it-terminu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jibda jiddekorri, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-data taċ-ċaħda tal-appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata u mhux mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun kif ġej:

–        L-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ikun talab lill-Istat Membru li jkun adotta dik id-deċiżjoni jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew ikun ippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra r-risposta mogħtija għal tali talba, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tal-Karta ma tipprekludix a fortiori li Stat Membru jeżegwixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar din it-talba jew dwar azzjoni kontra t-tweġiba mogħtija għal tali talba.

–        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali msemmi f’din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni definittiva wara appell jew reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-effett sospensiv jingħata konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament u mhux mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar appell mid-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)       L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju effettiv kontra deċiżjoni adottata skont il-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

2)            L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ikun talab lill-Istat Membru li jkun adotta dik id-deċiżjoni jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew ikun ippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra r-risposta mogħtija għal tali talba, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tipprekludix fortiori li Stat Membru jeżegwixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar din it-talba jew dwar azzjoni kontra t-tweġiba mogħtija għal tali talba.

–        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 604/2013

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-terminu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali msemmi f’din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni definittiva wara appell jew reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-effett sospensiv jingħata konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament u mhux mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar appell mid-deċiżjoni tal-Istat Membru rikjedenti, meħuda wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li ma jsirx użu mill-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.