Language of document : ECLI:EU:T:2016:118

Kawża T‑79/14

Secop GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“ Għajnuna mill-Istat – Salvataġġ ta’ impriżi f’diffikultà – Għajnuna f’forma ta’ garanzija mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati ”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Marzu 2016

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Diffikultà ta’ evalwazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja – Diffikultajiet serji – Kunċett

(Artikolu 108(2) u (3), TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Eżami mill-Kummissjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 107(3), TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna ta’ salvataġġ għal impriża f’diffikultà – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà – Għanijiet

[Artikolu 107(3)(c), TFUE ; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 12]

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna ta’ salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Effetti limitati fuq is-suq intern – Natura urġenti – Eżami mill-Kummissjoni skont proċedura ssemplifikata

[Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 23]

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Pjanijiet ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Dritt tal-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jkunu involuti fil-proċedura fil-fażi preliminari tal-eżami – Assenza – Eżistenza ta’ tali dritt fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet ta’ impriżi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u mingħajr smigħ tal-kompetitur li, barra minn hekk, huwa involut fil-konċentrazzjoni li tikkonċerna lill-benefiċjarju tal-għajnuna – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

[Artikolu 108(3)  TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 18(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Artikolu 11(b)]

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Eżami tal-ilmenti – Obbligi tal-Kummissjoni – Fażi preliminari tal-eżami – Obbligu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni – Portata

(Artikolu 107(1) TFUE u 108(3) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Pjanijiet ta’ għajnuna – Notifika lill-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma titqajjimx oġġezzjoni ‑ Informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet – Użu bħala mezz ta’ prova – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura abbażi ta’ bażi legali oħra

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 17(1))

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istat – Eżami mill-Kummissjoni – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Setgħa diskrezzjonali – Eżistenza ta’ proċedura parallela ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi – Obbligu ta’ koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat

(Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-27)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)

3.      Skont il-punt 12 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, impriża li tkun għadha kif inħolqot ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturazzjoni, anki jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha tkun prekarja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta impriża ġdida tinħoloq mil-likwidazzjoni ta’ impriża preċedenti jew mis-sempliċi teħid tal-assi ta’ din l-impriża. L-għan ta’ dan il-punt tal-linji gwida huwa li jiġi evitat li jinħolqu impriżi mhux vijabbli jew attivitajiet defiċitarji li, mal-ħolqien tagħhom, ikunu jiddependu mill-għajnuna pubblika.

Għal dan il-għan, il-kjarifika fit-tieni sentenza tal-imsemmi punt hija intiża b’mod partikolari għall-każ ta’ trasferiment tal-assi ta’ persuna ġuridika preeżistenti lil persuna ġuridika oħra, li tkun għadha kif inħolqot jew preeżistenti. Għalhekk, hija l-entità ekonomika li fiha jkunu għadhom kif ġew integrati l-assi akkwistati li tista’, skont il-każ, tiġi kklassifikata bħala impriża ġdida. Fir-rigward ta’ persuna ġuridika li tiddisponi mill-assi, l-għan ta’ tali operazzjoni jista’ jkun proprju s-salvataġġ tagħha. Fil-fatt, fil-każ ta’ trasferiment tal-assi, ma hijiex l-entità fformata minn attivitajiet ekonomiċi miżmuma mill-kumpannija ċessjonarja li hija rilevanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala kumpannija ġdida, iżda l-entità fformata mill-attivitajiet ekonomiċi tal-entità ċessjonarja, li fiha ġew integrati l-assi ttrasferiti. Huwa wkoll normali u raġonevoli għal impriża f’diffikultà li tittrasferixxi ċerti assi u li tiffoka l-attività tagħha fuq in-negozju prinċipali tagħha, kemm taħt aspett ġeografiku kif ukoll settorjali, bil-għan li ttejjeb il-possibbiltajiet ta’ rkupru ekonomiku.

(ara l-punti 31, 32, 36)


4.      L-għajnuna ta’ salvataġġ ta’ impriżi f’diffikultà għandha effett limitat ħafna fuq is-suq intern, kemm bil-limitazzjoni tal-miżuri eliġibbli, jiġifieri garanziji fuq self jew self, kif ukoll bin-natura temporanja u riversibbli tagħhom li tikkonsisti f’terminazzjoni ta’ garanzija u f’rimbors tas-self f’perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur, b’riżerva ta’ sottomissjoni, wara dan il-perijodu, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ kif ukoll bil-limitazzjoni tagħhom għall-miżuri biss meħtieġa għas-sopravvivenza temporanja tal-impriża inkwistjoni. Huma dawn l-effetti limitati, flimkien man-natura urġenti tal-għajnuna ta’ salvataġġ, li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni teżaminahom, normalment skont proċedura ssemplifikata, konformement mal-punt 30 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, billi tipprova tieħu deċiżjoni fi żmien xahar jekk l-għajnuna ma tkunx tissodisfa ċerti kriterji. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulat ta’ kull għajnuna preċedenti possibbli allegatament illegali jirrendi impossibbli l-osservanza ta’ din l-iskadenza u għalhekk ma jkunx kompatibbli man-natura urġenti ta’ dan l-eżami u mal-impatt limitat tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni.

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għajnuna preċedenti barra dik iddefinita fil-punt 23 tal-linji gwida — li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva finali tal-Kummissjoni — jobbliga lill-Kummissjoni twettaq, indirettament, eżami tal-imsemmija għajnuna preċedenti, li l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna u għajnuna illegali tkun tista’ tiġi kkontestata bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u li għandha, fi kwalunkwe każ, tkun is-suġġett ta’ proċedura u ta’ deċiżjoni separati. Dan jista’ jirriżulta, fl-aħħar, fir-rifjut ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, abbażi ta’ eżami superfiċjali tal-għajnuna preċedenti, filwaqt li din tal-aħħar tista’ iktar tard tiġi pprovata li hija legali jew li ma tikkostitwixxix għajnuna, jew li indebitament dewwmet id-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk, dan il-modus operandi jidher li huwa inkompatibbli wkoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 52, 53)


5.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-persuni li l-interessi tagħhom ikunu possibbilment affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari, l-impriżi kompetituri, ma għandhom ebda dritt li jiġu awtomatikament inklużi fil-proċedura, u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċedura. Kuntrarjament, fil-qasam tal-konċentrazzjoni, il-partijiet l-oħra interessati, fis-sens tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 802/2004, dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, għandhom dritt li jesprimu l-fehma tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluża l-fażi preliminari.

Fil-każ ta’ bejgħ tal-assi kollha ta’ sussidjarja, il-kumpannija omm għandha tkun assimilata mal-bejjiegħ tal-imsemmija assi u għalhekk għandha l-kwalità ta’ parti fil-proġett ta’ konċentrazzjoni. Madankollu, b’differenza mill-kompetituri, skont l-Artikolu 18(1) in fine tar-Regolament Nru 139/2004, il-partijiet interessati għandhom id-dritt li jesprimu l-fehma tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluża l-fażi preliminari. Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ parti interessata, fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-eżami fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, u dik ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 802/2004, fil-kuntest ta’ proċedura dwar konċentrazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma identiċi. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni tkun naqset, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, milli tagħti lill-impriża li tkun akkwistat dawn l-assi, li għandha fl-istess ħin il-kwalità ta’ kompetitriċi tal-imsemmija kumpannija omm, l-opportunità li tinvoka l-fehma tagħha ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 63, 64, 67)

6.      Fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ eżami, il-Kummissjoni tista’ bħala prinċipju timxi fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru inkwistjoni u ma hijiex marbuta twettaq, fuq inizjattiva tagħha stess, l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi kollha jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru li jinnotifika tippermettilha jkollha l-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami, li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq intern

(ara l-punt 76)

7.      Il-fatt li l-informazzjoni miġbura skont ir-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ma tkunx tista’ tintuża direttament bħala mezz ta’ prova fi proċedura mhux irregolata minn dan ir-regolament, ma jipprekludix li din tista’ madankollu tikkostitwixxi indizju li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura fuq bażi legali oħra.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni jkollha, mill-inqas id-dritt, fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li titlob il-produzzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li ssir taf bihom fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, jekk din l-informazzjoni jew dawn id-dokumenti jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-għajnuna inkwistjoni.

(ara l-punti 82, 83)

8.      Il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tevita l-inkoerenzi li jistgħu jinqalgħu fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-obbligu, għall-Kummissjoni, ta’ osservanza tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat huwa b’mod partikolari neċessarju fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jfittxu wkoll l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni. Għalhekk, billi tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-riskju ta’ tfixkil fil-kompetizzjoni fis-suq komuni min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi partikolari.

Għaldaqstant, meta tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma għandhiex tinjora l-konsegwenzi ta’ konċentrazzjoni li tkun ser tevalwa fil-kuntest ta’ proċedura oħra, sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ din il-konċentrazzjoni jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-effett fuq il-kompetizzjoni li jista’ jirriżulta mill-għajnuna inkwistjoni.

(ara l-punti 85, 86)