Language of document : ECLI:EU:T:2010:452

Kawża T-23/09

Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP) u l-Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Nuqqas ta’ personalità ġuridika ta’ destinatarju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunċetti ta’ impriża u ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Portata — Aċċess għall-bini tal-impriżi — Suġġett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Assoċjazzjonijiet ta’ impriżi — Kunċett — Ordni tal-ispiżjara u l-korpi tiegħu — Inklużjoni

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE)

1.      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw spezzjoni, l‑Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82, jistabbilixxi l-elementi essenzjali li għandhom jidhru fiha, billi jimponi lill-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet billi tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, id-data li fiha għandha tibda u l-pieni previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament u l-appell minn tali deċiżjonijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza ppreċiżat l-estensjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni.

Fid-dawl tal-istadju tal-proċedimenti amministrattivi li jirriżultaw minnhom id‑deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni f’dan il‑mument ma għandhiex informazzjoni preċiża li tippermettilha li tanalizza jekk l-aġir jew l-atti msemmija jistgħux jiġu kkwalifikati bħala deċiżjonijiet ta’ impriżi jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi skont l-Artikolu 81 KE. Huwa preċiżament fid-dawl tan-natura speċifika tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni li l-ġurisprudenza fil-qasam tal-motivazzjoni evidenzjat it-tipi ta’ informazzjoni li għandu jkun hemm f’deċiżjoni ta’ spezzjoni sabiex tippermetti lid-destinatarji jsostnu d-drittjiet ta’ difiża tagħhom f’dan l‑istadju tal-proċedura amministrattiva. Li jiġi impost obbligu ta’ motivazzjoni ikbar fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jiħux sewwa inkunsiderazzjoni n‑natura preliminari tal-ispezzjoni li l-għan tagħha huwa preċiżament li tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi fi stadju iktar tard jekk, fil-każ partikolari, sarx ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju mid-destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni jew minn terzi persuni.

(ara l-punti 33, 41)

2.      Minkejja l-fatt li l-protezzjoni tal-ħajja privata prevista fl-Artikolu 8 tal- Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandha tiġi rrispettata u li l‑protezzjoni tar-residenza hija estiża għall-proprjetà kummerċjali tal-kumpanniji huwa importanti li tiġi protetta l‑effettività tal-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(4) tar-Regoalment Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 bħala strument neċessarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita l-funzjonijiet tagħha li tħares it-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, sabiex jipproteġi l-effettività tad-dritt ta’ aċċess tal-Kummissjoni għall-proprjetajiet kummerċjali tal-impriża msemmija f’proċedura skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, dan id-dritt jimplika l-fakultà li tfittex diversi elementi ta’ informazzjoni li għadhom ma humiex magħrufa jew kompletament identifikati.

L-ispezzjonijiet jista’ jkollhom portata wiesgħa ħafna u d‑dritt li taċċedi għall-postijiet, artijiet u mezzi ta’ trasport kollha tal-impriżi għandu importanza partikolari inkwantu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi ta’ ksur għar-regoli ta’ kompetizzjoni fil-postijiet fejn jinsabu normalment.

(ara l-punti 40, 69)

3.      Il‑kunċett ta’ impriża jinkludi kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjar tagħha. Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew ta’ servizzi fuq suq partikolari jikkostitwixxi attività ekonomika.

L-ispiżjara, tal-anqas l-ispiżjara indipendenti, joffru, għal ħlas, b’mod partikolari servizzi ta’ tqassim ta’ mediċini bl-imnut u jieħdu r-riskji finanzjarji ta’ din l‑attività. Għaldaqstant, dawn il-persuni jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, u, għaldaqstant, huma impriżi fis-sens tal-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE.

Il-konstatazzjoni li l-ordni tal-ispiżjara u l-korpi tiegħu huma korpi li jiġbru flimkien u jirrappreżentaw ċertu numru ta’ professjonisti, li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE, hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni tista’ tikkwalifika lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-trattat u tissottomettihom għal spezzjoni taħt din id-dispożizzjoni. Is-sempliċi fatt li ċerti membri ma humiex impriżi ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi lill-assoċjazzjoni inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

L-argumenti li jgħidu li l-attivitajiet tal-imsemmi ordni u l-korpi tiegħu ma jagħmlux parti mill-isfera ta’ skambji ekonomiċi, peress li huma għandhom ukoll missjoni soċjali bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u jeżerċitaw prerogattivi tipiċi tal-awtorità pubblika, ma humiex ta’ natura li jimmodifikaw din il‑konklużjoni, għaliex il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi konkreti tagħhom, l-ordni inkwistjoni u l-korpi tiegħu jaħarbux mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jew inkella, kuntrarjament, jekk uħud mill-atti tagħhom għandhomx jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija manifestament prematura u għandha tinqata’, skont il-każ, fil-kuntest tad-deċiżjoni finali dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 55, 70, 71, 75-78)