Language of document : ECLI:EU:T:2011:257

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Ġunju 2011

Kawża T-20/09 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Luigi Marcuccio

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni tal-invalidità — Rikors iddikjarat parzjalment fondat fl-ewwel istanza minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata — Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Irtirar minħabba invalidità — Kumitat tal-invalidità”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑339 u II‑A‑1‑1851), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta’ Mejju 2005, dwar l-irtirar ta’ L. Marcuccio minħabba invalidità u dwar l-għoti lilu ta’ allowance tal-invalidità, sa fejn ikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lil L. Marcuccio l-ammont ta’ EUR 3 000 u sa fejn huwa qassam l-ispejjeż skont l-annullament u l-kundanna msemmija (punti 1, 2, 4 u 5 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza). Il-kawża hija rrinvijata lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-invalidità — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 78)

2.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni appellata

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

3.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tad-destinatarju

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

4.      Uffiċjali — Appelli — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens xieraq għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

5.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja)

1.      Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina r-regolarità tal-opinjoni maħruġa mill-Kumitat tal-invalidità, jiġifieri jekk din l-opinjoni tinkludix motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-konklużjonijiet li tinkludi huma bbażati u jekk stabbilixxietx rabta plawżibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li din tikkomporta u l-konklużjonijiet li għalihom tasal il-Kumitat tal-invalidità.

L-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq ir-regolarità tal-kostituzzjoni u tal-funzjonament ta’ dawn il-Kumitati kif ukoll fuq dik tal-opinjonijiet li huma joħorġu huwa korollarju tan-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar l-hekk imsejħa evalwazzjonijiet mediċi, li għandhom jitqiesu li huma definittivi ġaladarba jseħħu taħt ċirkustanzi regolari. Peress li l-għan tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kumitat mediku u l-Kumitat tal-invalidità huwa li jafdaw lil esperti mediċi l-evalwazzjoni definittiva ta’ kull kwistjoni ta’ natura medika, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-uffiċjali kkonċernati għandha madankollu tiġi żgurata bl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju.

(ara l-punti 45 u 54)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 1991, Il‑Kummissjoni vs Gill, C‑185/90 P, Ġabra p. I‑4779, punt 4; Il‑Qorti Ġenerali 27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑43/89, Ġabra p. II‑367, punt 75; 27 ta’ Marzu 1993, Gill vs Il‑Kummissjoni T‑43/89 RV, Ġabra p. II‑303, punt 36; 21 ta’ Marzu 1996, Otten vs Il‑Kummissjoni, T‑376/94, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑401, punt 47; 16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il‑Kunsill, T‑84/98, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑497, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Novembru 2004, O vs Il‑Kummissjoni, T‑376/02, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1595, punt 29

2.      Il-kwistjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li hija eżerċitata f’dan il-kuntest mill-Qorti Ġenerali għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha li l-motivazzjoni kienet suffiċjenti jew insuffiċjenti.

(ara l-punt 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjoni vs V, C‑188/96 P, Ġabra p. I‑6561, punt 24

3.      Att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

(ara l-punt 68)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu s-soluzzjoni adegwata u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali separat mill-illegalità li tagħti lok għall-annullament u li ma jistax jiġi indirizzat kollu kemm hu permezz ta’ dan l-annullament.

F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni ta’ invalidità permanenti kkunsidrata bħala totali u li tqiegħed lill-parti kkonċernata fl-impossibbiltà li taqdi funzjonijiet li jikkorrispondu għal eżerċizzju tal-karriera tagħha skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament medika espressi minn esperti mediċi matul il-proċedura ta’ invalidità. Din il-konstatazzjoni tippreżenta d-deskrizzjoni oġġettiva u newtra tal-istat tas-saħħa tal-parti kkonċernata, li hija b’mod partikolari, f’għajnejn kulħadd, totalment indipendenti mir-rieda jew mill-intenzjonijiet tagħha. Għaldaqstant tali deskrizzjoni fiha nnifisha ma twassal għal ebda evalwazzjoni negattiva tal-parti kkonċernata ħlief f’ċirkustanzi partikolari.

B’hekk, tali konstatazzjoni fid-deċiżjoni appellata ma twassalx għal evalwazzjoni negattiva tal-kapaċitajiet ta’ uffiċjal, b’tali mod li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxi fih innifsu s-soluzzjoni adegwata u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat minn dan l-att.

(ara l-punti 73, 75 u 76)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali, 18 ta’ Settembru 2002, Puente Martín vs Il‑Kummissjoni, T‑29/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑833, punt 65; 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha kompetenza sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il‑Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I‑3175, punt 72; 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 62