Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta' Jannar 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fl-4 ta' Novembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-41/06, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-20/09 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Dal Ferro, avukat, C. Berardis-Kayser, aġent, J. Currall, aġent)

Appellat: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja)

Talbiet tal-appellanta

-    tannulla s-sentenza appellata.

-    tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra tal-appellanta.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa indirizzat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-4 ta' Novembru 2008, li annullat id-deċiżjoni tal-appellanta tat-30 ta' Marzu 2005, li obbligat lir-rikorrent fl-ewwel istanza jissospendi s-servizz tiegħu minħabba l-invalidità tiegħu, ikkonstatata mill-Kumitat ta' Invalidità. It-TSP stabbilixxa wkoll is-somma ta' EUR 3 000 għad-danni morali subiti.

L-annullament huwa bbażat esklużivament fuq li jintlaqa' l-ewwel aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni.

F'dan ir-rigward, l-appellanta ssostni li, biex waslet għal dan l-eżitu, il-qorti fl-ewwel istanza wettqet żbalji ta' liġi meta essenzjalment ikkonkludiet li t-tobba li intervejnew fil-proċedura ta' invalidità bbażata fuq l-Artikoli 53, 59 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jagħtu, insostenn tal-konklużjonijiet tagħhom, motivazzjoni simili għal dik meħtieġa fil-proċedura għal mard ikkaġunat mix-xogħol jew inċident skont l-Artikolu 73. Billi għamlet dan, dejjem skont il-Kummissjoni, it-TSP ħawdet iż-żewġ proċeduri bil-konsegwenza li għamlet il-proċedura ta' invalidità aktar difficili b'mod inġustifikat.

____________