Language of document : ECLI:EU:T:2012:273

Kawża T-381/11

Europäischer Wirtschaftsverband der Eisen- und Stahlindustrie (Eurofer) ASBL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Allokazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’effett mill-2013 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina l-punti ta’ riferiment ta’ prodotti li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi kkalkolata l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Assenza ta’ interess individwali — Att regolamentari li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas — Rikors ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10(a))

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess individwali — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas — Rikors ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea — Assenza ta’ interess individwali tal-impriżi rrappreżentati — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10(a))

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas — Inklużjoni — Att li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Artikolu 267, Artikolu 289(1) sa (3) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 10(a) u 11(1))

1.      Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea, fil-prinċipju, hija intitolata biss li tippreżenta rikors għal annullament, kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità; jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta, jew uħud minnhom, ikollhom interess ġuridiku individwali jew jekk tista’ tinvoka interess proprju.

(ara l-punt 18)

2.      Persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarja ta’ att ma tistax tippretendi li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 KE, għajr fil-każ li dan l-att jolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta pparagunata ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il‑fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju tal-att.

Konsegwentement, rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea, ifformulat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, huwa inammissibbli.

Fil-fatt, għalkemm dawn l-impriżi huma operaturi tal-installazzjonijiet fissi msemmija fil-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jindividwahom peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, huma kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni biss fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tal-imsemmija installazzjonijiet, bl-istess mod bħalma kull operatur ekonomiku ieħor li, attwalment jew potenzjalment, jinsab f’sitwazzjoni identika.

L-istess jista’ jingħad dwar il-garanziji proċedurali msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Effettivament, il-fatt li persuna tintervjeni fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni jfisser li huma jiġu identifikati fir-rigward tal-att inkwistjoni biss jekk ikunu ġew ipprovduti ċerti garanziji proċedurali għall‑benefiċċju ta’ dik il-persuna mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, sabiex tiġi adottata deċiżjoni, li tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha persuna tista’ tinvoka drittijiet eventwali, inkluż id-dritt ta’ smigħ, il-pożizzjoni legali partikolari li tgawdi din tal-aħħar ikollha l-effett li tidentifikaha għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li ma għandux, fil-prinċipju, neċessarjament jiġi rrikonoxxut lil persuna jew lil entità, li jkollhom dan id-dritt proċedurali, fil-preżenza ta’ kwalunkwe salvagwardja proċedurali, interess ġuridiku fil-konfront ta’ att tal-Unjoni sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva tiegħu. Fil-fatt, il-portata eżatta tad-dritt għal azzjoni legali minn individwu kontra att tal-Unjoni tiddependi fuq il-pożizzjoni legali stabbilita favur tiegħu mid-dritt tal-UE intiż li jipproteġi l-interessi leġittimi b’hekk irrikonoxxuti.

Issa, minkejja li jirriżulta mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, li l-impriżi rrappreżentati mir-rikorrenti, bħala partijiet ikkonċernati skont dawn id-dispożizzjonijiet, kellhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni u li l-Kummissjoni kellha għalhekk tikkonsultahom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq il‑prinċipji msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardawx ksur allegat tal-obbligu ta’ konsultazzjoni. Sa fejn ir-rikorrenti tfittex mhux li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha, iżda li tikkontesta l-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija impriżi ma humiex individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 30-36, 38, 39)

3.      Il-kunċett ta’ att regolamentari, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jinftiehem li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas skont l‑Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, għandha portata ġenerali, peress li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ma hijiex att leġiżlattiv peress li ma ġiet adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija att tal-Kummissjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Minn dan jirriżulta li hija tikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tipprevedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu diversi miżuri ta’ implementazzjoni li jwasslu għad-determinazzjoni, mill-Istati Membri, tal-kwantità annwali finali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għal kull waħda mill-installazzjonijiet ikkonċernati, li l-inklużjoni tagħhom fil-lista prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 ma tkunx ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-għan mixtieq minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, huwa veru li din tal-aħħar tippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors kontra l-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, u b’hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom dik il-persuna jkollha tikser il-liġi biex ikollha aċċess għal qorti. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-impriżi li huma membri ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn din tal-aħħar kontra din id-deċiżjoni, ma hijiex dik koperta mill-imsemmi għan, peress li l-imsemmija impriżi jistgħu, fil-prinċipju, jikkontestaw il-miżuri nazzjonali li jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-kuntest, jeċċepixxu l-illegalità tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali, li jistgħu jirrikorru, qabel jiddeċiedu, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, mingħajr ma jkollhom qabel imorru kontra d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 42-45, 56-58, 60)