Language of document : ECLI:EU:T:2014:986

Kawża T‑384/11

Safa Nicu Sepahan Co.

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Żball ta’ evalwazzjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Talba għad-danni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Novembru 2014

1.      Rikors għal annullament — Motivi — Użu ħażin ta’ poter — Kunċetti

2.      Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni mnaqqsa jew ineżistenti wara l-adozzjoni tal-att — Neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kuntestwali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Kunċett — Kundizzjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010 u Nru 267/2012)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Dannu reali u ċert — Oneru tal-prova

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Kunċett — Oneru tal-prova

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat — Dannu morali kkawżat mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ miżuri restrittivi li jimminaw ir-reputazzjoni tal-entità affettwata minn dawn il-miżuri — Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010 u Nru 267/2012)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali — Dannu morali kkawżat mill-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010 u Nru 267/2012)

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat — Kunċett — Waqfien tar-relazzjonijiet mal-fornituri — Esklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

11.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Kumpens — Interessi moratorji — Modalitajiet ta’ kalkolu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 30)

2.      Il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fuq quddiem ta’ dawn id-drittijiet fundamentali tidher, b’mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi wkoll li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li l-att inkwistjoni, li għandu portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, ikun ibbażat fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti.

Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami. Hija, għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi.

(aral-punti 32-36)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 47, 48)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 50-55)

5.      Minkejja li r-Regolamenti Nru 961/2010 u Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, għandhom essenzjalment l-għan li jippermettu l-impożizzjoni mill-Kunsill ta’ ċerti restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-individwi, sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, b’mod limitat, il-kundizzjonijiet li taħthom tali restrizzjonijiet huma permessi, essenzjalment huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex jipproteġu l-interessi individwali tal-individwi kkonċernati, billi jillimitaw il-każijiet ta’ applikazzjoni, il-portata jew l-intensità tal-miżuri restrittivi li għalihom dawn jistgħu jkunu imposti.

Tali dispożizzjonijiet jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati u li, għalhekk, huma meqjusa bħala regoli tad-dritt intiżi biex jagħtu drittijiet lill-individwi. Jekk il-kundizzjonijiet fundamentali ma jkunux sodisfatti, l-individwu jew l-entità kkonċernata għandha fil-fatt id-dritt li ma jiġux imposti fuqha l-miżuri inkwistjoni. Tali dritt jimplika neċessarjament li l-individwu li għalih il-miżuri restrittivi huma imposti taħt kundizzjonijiet li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jista’ jitlob għal kumpens minħabba l-ħsara kkawżata minn dawn il-miżuri, jekk ikun jidher li l-impożizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli applikati mill-Kunsill.

(aral-punti 56-58)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 70)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 71)

8.      Meta entità tkun affettwata minn miżuri restrittivi, minħabba s-sostenn li hija allegatament tat għall-proliferazzjoni nukleari, hija tiġi assoċjata pubblikament ma’ aġir li jitqies li huwa theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, bil-konsegwenza li tqajjem l-istmerrija u s-suspett fil-konfronti tagħha, li jaffettwalha r-reputazzjoni tagħha, u li għaldaqstant jikkawżawlha dannu morali.

Fil-fatt, minn naħa, l-istmerrija u l-isfiduċja kkawżata minn miżuri restrittivi ma jikkonċernawx il-kapaċitajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-entità kkonċernata, iżda l-volontà tagħha li tkun involuta f’attivitajiet ikkunsidrati kundannabbli mill-komunità internazzjonali. B’hekk, l-entità kkonċernata tiġi affettwata lil hinn mill-isfera tal-interessi kummerċjali kurrenti tagħha. Min-naħa l-oħra, l-attakk fuq ir-reputazzjoni tal-entità inkwistjoni jerġa’ huwa iktar gravi peress li jirriżulta mhux mill-espressjoni ta’ opinjoni personali, iżda minn teħid ta’ pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li jġib miegħu konsegwenzi ġuridiċi vinkolanti.

F’dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni tal-miżuri restrittivi tikkostitwixxi parti integranti mill-proċess tal-adozzjoni tagħhom, peress li b’mod partikolari tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tagħhom fil-konfront ta’ terzi persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pubblikazzjoni tal-imsemmija miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ma tikkostitwixxix ċirkustanza suxxettibbli li tikser ir-rabta kawżali bejn l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-attakk fuq ir-reputazzjoni tal-entità kkonċernata.

(aral-punti 80, 82-84)

9.      L-annullament tal-inklużjoni fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari huwa ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li l-entità kkonċernata sostniet, peress li din is-sentenza tikkonstata li l-assoċjazzjoni tagħha mal-proliferazzjoni nukleari hija inġustifikata u, għaldaqstant, illegali.

Madankollu, fil-każ fejn l-allegazzjoni tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari affettwa l-aġir ta’ entitajiet terzi, li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-Unjoni, fil-konfront ta’ din, l-annullament tal-inklużjoni ta’ din l-entità huwa suxxettibbli li jimmodera l-ammont tal-kumpens mogħti, iżda mhux li jikkostitwixxi kumpens integrali għad-dannu sostnut. Issa, dawn l-effetti, li damu għal madwar tliet snin u taw lok għad-dannu morali sostnut mir-rikorrenti, ma humiex suxxettibbli li jiġu kontrabilanċjati kompletament permezz tal-konstatazzjoni a posteriori tal-illegalità tal-atti kkontestati, peress li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità għandha t-tendenza li tattira iktar attenzjoni u twassal għal iktar reazzjonijiet, b’mod partikolari barra mill-Unjoni, milli l-annullament sussegwenti tagħhom.

Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kunsill kontra l-entità kkonċernata hija partikolarment gravi, peress li tassoċjaha mal-proliferazzjoni nukleari Iranjana, jiġifieri ma’ attività li skont il-Kunsill hija ta’ perikolu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(aral-punti 86-89)

10.    Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, rifjut li jiġu pprovduti prodotti ma huwiex, bħala tali, dannu. Fil-fatt, dan tal-aħħar jirriżulta biss jekk ir-rifjut iħalli effetti fir-riżultati ekonomiċi tal-kumpannija kkonċernata. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-kumpannija tkun obbligata tixtri l-istess prodotti b’kundizzjonijiet inqas favorevoli mingħajr fornituri oħra jew meta r-rifjut ta’ kunsinna jikkawża dewmien fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ klijenti, li jesponi lill-kumpannija għal sanzjonijiet pekunjarji. Bl-istess mod, fil-każ fejn fornitur alternattiv ma jkunx jista’ jinstab, kuntratti eżistenti jistgħu jiġu xolti u l-kumpannija inkwistjoni tista’ tiġi mċaħħda milli tipparteċipa f’sejħiet għal offerti li jkunu għaddejjin.

(ara l-punt 110)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 151)