Language of document : ECLI:EU:T:2015:955

Kawża T‑124‑/14

Ir-Repubblika tal-Finlandja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Żvilupp rurali – Korrezzjoni finanzjarja ta’ darba – Eliġibbiltà tal-infiq magħmul għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat– Sistema derogatorja għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2015

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali, sistematika, storika u teleoloġika

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1974/2006, Artikolu 55(1))

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1974/2006, Artikolu 55(1))

3.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ spejjeż magħmula għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat – Sistema derogatorja għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Obbligu ta’ interpretazzjoni stretta – Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1974/2006, Artikolu 55(1))

4.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ spejjeż magħmula għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat – Sistema derogatorja għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Limitazzjoni għall-każijiet sostanzjati kif xieraq – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1974/2006, Artikolu 55(1))

5.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ spejjeż magħmula għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat – Sistema derogatorja għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Implementazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1974/2006, Artikolu 55(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 25)

3.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, jikkostitwixxi r-regola prinċipali jew ġenerali fil-qasam ta’ spejjeż ammissibbli u t-tieni subparagrafu jipprevedi soluzzjoni differenti għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, li jippermetti li jiġi kklassifikat, f’kull każ, bħala regola derogatorja. Madankollu, tali klassifikazzjoni ma hijiex neċessarjament ekwivalenti għal dik ta’ eċċezzjoni fis-sens strett, iżda tista’ tindika l-eżistenza ta’ sistema speċifika u distinta meta mqabbla mas-sistema stabbilita permezz tar-regola prinċipali jew ġenerali. F’dan ir-rigward, mill-imsemmi tieni subparagrafu ma tirriżultax b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jew jistabbilixxi eċċezzjoni fis-sens strett, jew inkella li jipprevedi biss l-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru li joħloq sistema derogatorja u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, għaliex il-kliem “permezz ta’ deroga” u “[u] biss”, moqri flimkien, jista’ jiġi interpretat f’dawn iż-żewġ sensi. B’dan il-mod, il-koeżistenza taż-żewġ elementi limitattivi fl-istess frażi ma tagħtix indikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu jikkostitwixxix eċċezzjoni fis-sens strett jew sempliċi regola derogatorja li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

Minn dan jirriżulta li ma tapplikax neċessarjament il-ġurisprudenza, ispirata mill-prinċipju tad-dritt Ruman singularia non sunt extendenda, skont liema r-regoli tal-Unjoni li jipprevedu eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tar-regola ġenerali li minnha huma jidderogaw, u tali interpretazzjoni ma tkunx imposta jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi kklassifikat bħala regola derogatorja li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

(ara l-punti 28-30)

4.      Skont il-formulazzjoni univoka tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fl-istabbiliment u fl-implementazzjoni ta’ sistema distinta u speċifika fil-qasam ta’ spejjeż ammissibbli fil-każ ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, sa fejn, għal dan l-għan, huma jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meta x-xiri ta’ tagħmir mhux ġdid jista’ jitqies bħala nfiq eliġibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-istruttura tal-imsemmi tieni subparagrafu, il-kriterju ta’ każijiet sostanzjati kif xieraq huwa immedjatament marbut mal-awtorizzazzjoni u mas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru li jistabbilixxi u jimplementa sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

B’dan il-mod, il-kriterju ta’ każijiet sostanzjati kif xieraq sempliċement jikkwalifika l-mod li fih l-Istat Membru huwa mistenni jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont it-tieni subparagrafu u, fuq kollox, jimmotiva dan l-eżerċizzju. Fi kliem ieħor, kull darba li l-Istat Membru jqis xieraq li juża l-awtorizzazzjoni tiegħu u l-imsemmija setgħa diskrezzjonali, huwa marbut jew, fil-kuntest ta’ eventwali deċiżjoni, li jadotta regoli ta’ portata ġenerali, jew inkella, fil-kuntest ta’ eventwali deċiżjoni dwar każ individwali ta’ xiri ta’ tagħmir użat, li jressaq il-motivi rilevanti insostenn tad-deċiżjoni tiegħu sabiex jissodisfa l-imsemmi kriterju u biex jippermetti lill-Kummissjoni li twettaq kontroll f’dan ir-rigward. Għandu jiġi kkonstatat li dan is-sens huwa l-istess fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-tieni subparagrafu u li huwa biżżejjed sabiex jiggarantixxi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li teżerċita kontroll a posteriori xieraq tal-eżerċizzju mill-Istat Membru tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont it-tieni subparagrafu, b’mod konformi mal-għanijiet tar-regoli rilevanti tal-Unjoni.

Barra minn hekk, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeżiġi mill-Istati Membri li huma jistabbilixxu regoli ta’ portata ġenerali li jispeċifikaw, minn qabel, is-sitwazzjonijiet kollha li fihom finanzjament tax-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat seta’ jitqies li huwa eliġibbli, huwa kellu jindika dan b’mod ċar. Skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-partijiet fil-kawża, fosthom l-Istati Membri, ma jistgħux isofru diffikultajiet ta’ interpretazzjoni dovuti għal leġiżlazzjoni impreċiża li tipprevedi konsegwenzi pekunjarji sfavorevoli fir-rigward tagħhom.

(ara l-punti 33-36)

5.      L-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tieni subparagrafu jawtorizza lill-Istati Membri, billi jagħtihom setgħa diskrezzjonali għal dan l-għan, li jistabbilixxu u jimplementaw sistema derogatorja u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju billi jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom ix-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jitqies bħala nfiq ammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li l-Istat Membru jiddefinixxi, b’mod preċiż u minn qabel, f’leġiżlazzjoni ta’ portata ġenerali, il-każijiet li fihom l-investiment jikkorrispondi għal każ sostanzjat kif xieraq. Jibqa’ l-fatt li dan il-kriterju msemmi l-aħħar jeżiġi li l-Istat Membru, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jew fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi regoli ta’ portata ġenerali, jew fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar każ individwali, jagħti l-motivi li juru li din id-deċiżjoni ttieħdet b’mod konformi mal-kriterji u mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti interna u tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprevedu u jimplementaw sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fir-rigward tax-xiri ta’ materjal użat jidħol kompletament fl-għanijiet tar-Regolamenti Nru 1698/2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, u Nru 1974/2006 u ma jeżiġix għaldaqstant, interpretazzjoni restrittiva tar-regoli tal‑imsemmija sistema fid-dawl tal-imsemmija għanijiet. Jibqa’ l-fatt li l-kriterju ta’ każijiet sostanzjati kif xieraq li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dawn l-għanijiet sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru jagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt it-tieni subparagrafu skont kunsiderazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-imsemmija għanijiet u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq kontroll effikaċi f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 41, 54)