Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2016 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-122/14) 1
(“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pagament ta’ penalità – Deċiżjoni ta’ likwidazzjoni tal-pagament ta’ penalità – Metodu ta’ kalkolu tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali – Interessi komposti”)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, assistiti minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, G. Conte u B. Stromsky, aġenti)
Suġġett
Talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8681 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, li biha, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, EU:C:2011:740), il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut mir-Repubblika Taljana għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012.
Dispożittiv
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8681 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, hija annullata.
Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
____________1 ĠU C 102, 7.4.2014.