Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal judiciaire d’Auch (Franza) fit-23 ta’ Novembru 2022 – EP vs Préfet du Gers, Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE)

(Kawża C-716/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal judiciaire d’Auch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EP

Konvenuti: Préfet du Gers, Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE)

Parti oħra fil-proċedura: Commune de Thoux irrappreżentat mis-Sindku ta’ Thoux

Domandi preliminari

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 hija parzjalment invalida sa fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jikser l-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 52 ta’ din l-istess Karta, peress li ma jinkludix dispożizzjoni li tippermetti li jinżamm id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja, li jkunu eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u l-libertà tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li tawtorizza jew le n-nazzjonalità doppja, b’mod partikolari għal dawk li għexu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja msejħa “15 year rule”, u b’hekk jirrendi iktar serja ċ-ċaħda minn kwalunkwe dritt għall-vot, għal persuni li ma kellhomx id-dritt li jivvotaw kontra t-telf taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom u wkoll għal dawk li ħadu ġurament ta’ lealtà lejn il-Kuruna tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja?

Id-Deċiżjoni (UE)2020/135, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 1 tal-Att dwar l-Elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 1 , is-sentenza Spanja vs Ir-Renju Unit C-145/04 tat-12 ta’ Settembru 2006 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u s-sentenza Préfet du Gers C-673/20 tad-9 ta’ Ġunju 2022 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati bħala li jċaħħdu lill-ex ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom u l-libertà tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mid-dritt għall-vot u ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru, kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, lill-ex ċittadini tal-Unjoni li ma għad fadlilhom l-ebda dritt għall-vot minħabba l-eżerċizzju tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja tagħhom fit-territorju tal-Unjoni għal iktar minn ħmistax-il sena u li ma setgħux jopponu ruħhom permezz ta’ vot kontra l-ħruġ tal-Istat Membru tagħhom mill-Unjoni Ewropea li wassal għat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom?

____________

1 ĠU 2020, L 29, p. 1.

1 ĠU 1976, L 278, p. 1.