Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Marzu 2017 [talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Divisional Court) – ir-Renju Unit] – The Queen, fuq it-talba ta’: PJSC Rosneft Oil Company, li qabel kienet OJSC Rosneft Oil Company vs Her Majesty’s Treasury, Secretary of State for Business, Innovation and Skills, The Financial Conduct Authority

(Kawża C-72/15) 1

[Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Validità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim ta’ sħubija UE-Russja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli – Aċċess għas-suq tal-kapital – Għajnuna finanzjarja – Ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts) – Settur taż-żejt – Talba għal interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ‘shale’ u ta’ ‘ilmijiet aktar fondi minn 150 metru’ – Inammissibbiltà]

Lingwa tal-kawża: l-ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Queen, fuq it-talba ta’: PJSC Rosneft Oil Company, li qabel kienet OJSC Rosneft Oil Company

Konvenuti: Her Majesty’s Treasury, Secretary of State for Business, Innovation and Skills, The Financial Conduct Authority

Dispożittiv

L-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal-4 ta’ Diċembru 2014, sakemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda jew l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE minn din id-deċiżjoni, jew l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

L-eżami tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/872, jew tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal-4 ta’ Diċembru 2014.

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ta’ ostakolu sabiex Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, qabel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sanzjonijiet kriminali relatati, ma tkun ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-espressjoni “għajnuna finanzjarja” li tinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-ipproċessar ta’ pagament, bħala tali, minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi l-ħruġ, sa mit-12 ta’ Settembru 2014, ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts), skont ftehim ta’ depożitu konkluż ma’ waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, inkluż meta dawn iċ-ċertifikati huma rappreżentattivi ta’ azzjonijiet maħruġa minn waħda minn dawn l-entitajiet qabel din id-data.

____________

1 ĠU C 155, 11.5.2015.