Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Jannar 2013 - Communicaid Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-4/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Communicaid Group Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Brennan, Solicitor, F. Randolph, Queen's Counsel, u M. Gray, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla kull deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Ottubru 2012 dwar il-lottijiet 1, 2, 3, 7, 8 u 9 tas-Sejħa għal Offerti HR/R.3/PR/2012/002 għal Kuntratti ta' qafas (multipli) għall-provvista ta' taħriġ lingwistiku għall-persunal tal-Istituzzjonijiet, Korpi u Aġenziji tal-Unjoni Ewropea fi Brussell (ĠU 2012, S 45 72734), parzjalment, sa fejn dawn iqiegħdu lil CLL-Allingua fl-ewwel post, jew fl-intier taghom; u

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trasparenza, ta' nondiskriminazzjoni u ta' ugwaljanza fit-trattament, u kisret l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju  billi ma eskludietx lil CLL-Allingua mill-offerti f'ċirkustanzi fejn l-offerta ta' CLL-Allingua kienet assistita minn wieħed mill-impjegati li kien ħadem fl-unità rilevanti tal-Kummissjoni u f'kumitat ta' evalwazzjoni għal proċedura ta' offerti ferm paragunabbli li fiha kemm Communicaid kif ukoll CLL-Allingua kienu pparteċipaw, kif ukoll matul l-istadji preparatorji tal-offerti, biex b'hekk kiser id-dmir tiegħu ta' lealtà lejn l-UE u ta lil CLL-Allingua vantaġġ inġust fuq Communicaid.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trasparenza, ta' nondiskriminazzjoni u ta' ugwaljanza fit-trattament, u żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu III.2.2 tal-Avviż tal-Kuntratt (ĠU 2012, S 45 72734), billi ddeterminat li CLL-Allingua kellha l-kapaċità ekonomika u finanzjarja sabiex toffri s-servizz tal-offerta, f'ċirkustanzi ta' nuqqas ta' provi suffiċjenti li jsostnu din il-konklużjoni u għalhekk il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li CLL-Allingua ma kinitx tissodisfa, legalment, din il-kundizzjoni preliminari.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni taħt kull wieħed mill-erba' kriterji, jiġifieri li l-Kumitat ta' Evalwazzjoni evalwa b'mod ripetut l-offerti b'riferiment għal subkriterji ta' għoti li ma kinux mħabbra minn qabel, ta marki inkonsistenti li wasslu għar-riżultat li Communicaid ngħatat punteġġ iktar baxx u CLL-Allingua punteġġ ogħla fir-rigward tal-lottijiet kollha għall-evalwazzjonijiet tekniċi, u naqas milli jipprovdi raġunijiet konvinċenti għall-evalwazzjonijiet tiegħu.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)