Language of document : ECLI:EU:T:2015:644





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Settembru 2015 –
Iran Liquified Natural Gas vs Il-Kunsill

(Kawża T‑5/13)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Entità infrastatali – Locus standi – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Żball ta’ evalwazzjoni – Modulazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ annullament”

1.                     Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn entità li tirriżulta minn Stat terz – Rikors dirett kontra att li jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward tagħha – Ammissibbiltà (Artikolu 29 TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47) (ara l-punti 44-48)

2.                     Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari – Portata tal-istħarriġ (Artikolu 29 TUE; it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012) (ara l-punti 54, 55)

3.                     Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari – Portata tal-istħarriġ – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012) (ara l-punt 61)

4.                     Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni li jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran – Dħul fis-seħħ ta’ dan l-annullament mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell jew miċ-ċaħda ta’ dan (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 266 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012) (ara l-punti 64-69, u d-dispożittiv 3)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn hija inkludiet l-isem ta’ Iran Liquefied Natural Gas Co. fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa annullat sa fejn inkluda l-isem ta’ Iran Liquefied Natural Gas fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

3)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012 għandhom jinżammu f’dak li jikkonċerna Iran Liquefied Natural Gas, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għal preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk appell ikun ġie ppreżentat f’dan it-terminu, sakemm l-appell jiġi miċħud.

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Iran Liquefied Natural Gas, fil-kuntest ta’ din il-proċedura u fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji.