Language of document : ECLI:EU:T:2024:302

Kawża T393/21

(Pubblikazzjoni ta’ estratti)

Max Heinr. Sutor OHG

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

 Sentenza talQorti Ġenerali (ItTmien Awla Estiża) tat8 ta’ Mejju 2024

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata sabiex teżerċita attivitajiet ta’ investiment fil-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 5(1)(e); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, il-punt 3 tal-Artikolu 2(2))

(ara l-punti 41, 45, 51 u 147)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata sabiex teżerċita attivitajiet ta’ investiment fil-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Espożizzjoni tal-imsemmi passiv għall-istess riskji bħal dawk tal-impriżi ta’ investiment fil-każ ta’ riżoluzzjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 12; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 5(1)(e))

(ara l-punti 89 sa 92, u 95)

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata sabiex teżerċita attivitajiet ta’ investiment fil-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Prinċipju ta’ inklużjoni ta’ dan il-passiv fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni kkonċernata – Possibbiltà ta’ deroga mogħtija lill-Istati Membri li tippermetti lill-istituzzjonijiet jinkludu l-imsemmi passiv barra mill-karta tal-bilanċ – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mid-diverġenzi li jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikolu 103(2); Direttiva tal-Kunsill 86/635, Artikolu 10(1))

(ara l-punti 98 sa 100, 104, 106 u 107)

Sunt

Adita b’rikors għal annullament, li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) dwar l-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 (1) għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-portata tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 (2) u dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, hija eżaminat ukoll l-allegat ksur tal-Artikolu 5(1)(e) tal-imsemmi regolament.

Max Heinr. Sutor OHG, ir-rikorrenti, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja. Fl‑14 ta’ April 2021, is-SRB adotta deċiżjoni li fiha ddetermina (3) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għas-SRF tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment, fosthom ir-rikorrenti.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza, id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, li tippermetti li ċertu passiv jiġi eskluż mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Hija rrilevat ukoll li l-Artikolu 5(1)(e) ta’ dan ir-regolament delegat jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-esklużjoni tal-passiv ikkonċernat, jiġifieri l-fatt li dan tal-aħħar għandu jinżamm minn impriża ta’ investiment, il-fatt li dan għandu jirriżulta miż-żamma ta’ attiv jew ta’ attiv likwidu ta’ klijenti u l-fatt li dawn tal-aħħar għandhom, barra minn hekk, ikunu protetti mid-dritt applikabbli fil-qasam tal-insolvenza.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont ir-Regolament Delegat 2015/63 (4) u d-Direttiva 2014/59 (5), id-deroga li tinsab fl-Artikolu 5(1)(e) ta’ dan ir-regolament delegat ma kinitx, fil-mument li fih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, tapplika għall-entitajiet li kienu fl-istess ħin istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ investiment, bħalma kien il-każ tar-rikorrenti. Hija qieset li, li kieku l-Kummissjoni riedet tirreferi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma wkoll impriżi ta’ investiment, hija kienet tirreferi, fl-Artikolu 5(1)(e) tal-imsemmi regolament delegat, għall-“istituzzjonijiet” u mhux għall-“impriżi ta’ investiment” (6), u dan meta wieħed iqis li, sabiex tillimita l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għal ċerti entitajiet, hija nqdiet minn formulazzjonijiet iktar preċiżi (7).

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-definizzjoni ta’ “impriża ta’ investiment” tad-Direttiva 2014/59 ġiet emendata bid-Direttiva 2019/2034 (8), li tirreferi fost l-oħrajn għall-kunċett ta’ “impriża ta’ investiment” tad-Direttiva 2014/65. Madankollu, l-emenda ta’ din id-definizzjoni kienet tapplika biss mis‑26 ta’ Ġunju 2021 (9). Għalhekk, l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument li fih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, fl‑14 ta’ April 2021, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi eskluż il-passiv miżmum minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħalma hija r-rikorrenti, mill-kalkolu tal-passiv użat sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom. B’hekk, il-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti ma kienx jissodisfa l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 5(1)(e) tal-imsemmi regolament delegat u l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv kollu kemm hu.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, ir-rikorrenti sostniet, minn naħa, li l-passiv fiduċjarju tagħha ma kien joħloq ebda riskju u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ esklużjoni tiegħu mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante kienet twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, preliminarjament, li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fil-mod kif jiġu ffissati l-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju u li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat sabiex jiġi eżaminat jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk il-limiti ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni nqabżux b’mod ċar. Preliminarjament, hija fakkret, qabelxejn, li l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aġġustament tal-imsemmija kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, xejn f’din id-dispożizzjoni ma juri li l-Kummissjoni kienet obbligata tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-imsemmija fatturi, bħalma huwa l-fattur tal-espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni, u lanqas, barra minn hekk, il-mod li bih il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni din l-espożizzjoni. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-passiv fiduċjarju kien nieqes minn kull riskju fil-każ ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-dritt Ġermaniż ma kienx jagħti, fil-każ ta’ insolvenza, protezzjoni speċjali lill-fondi tal-klijenti sakemm dawn ikunu fil-kont kollettiv maħluq mir-rikorrenti fi ħdanha u amministrat f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju tal-klijenti (iktar ’il quddiem il-“kont ta’ tranżitu”), u, min-naħa l-oħra, kien meħtieġ li, sabiex dawn il-fondi jkunu protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu Ewropej ikkonċernati (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet ta’ investiment”) ikollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru u li l-klijenti ma jpoġġux iktar minn EUR 100 000 f’tali istituzzjonijiet, b’mod li l-imsemmija protezzjoni tkun limitata kemm fuq il-livell territorjali kif ukoll fuq il-livell kwantitattiv.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fir-rigward tas-suġġett u tal-għan tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, li dawn l-atti jaqgħu taħt il-qasam tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, li nħoloq sabiex (10) jiġi żgurat, b’mod partikolari, approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet fi nkwiet finanzjarju. Sabiex jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment, bħalma hija r-rikorrenti, kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-impriżi ta’ investiment (11), fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li dawn il-kontribuzzjonijiet ex ante huma intiżi li jiffinanzjaw miżuri ta’ riżoluzzjoni li l-adozzjoni tagħhom hija suġġetta għall-kundizzjoni li tali miżura tkun neċessarja fl-interess pubbliku (12). Issa, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment ma joħolqux riskju paragunabbli fir-rigward tal-effetti dannużi li l-falliment tagħhom jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, peress li l-impriżi ta’ investiment ma għandhomx portafolli kbar ta’ self lill-individwi u lill-impriżi u ma jaċċettawx depożiti. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-klijentela tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment hija differenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-probabbiltà li istituzzjoni ta’ kreditu, bħalma hija r-rikorrenti, tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni hija ogħla minn dik li impriża ta’ investiment tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni, b’mod li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

Bl-istess mod, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet lanqas ma hija paragunabbli fir-rigward tat-trattament tal-passiv fiduċjarju. Fid-dritt Ġermaniż, l-impriżi ta’ investiment huma obbligati jisseparaw immedjatament il-fondi li jirċievu mingħand il-klijenti f’kontijiet fiduċjarji miftuħa ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, istituzzjoni ta’ kreditu, bħalma hija r-rikorrenti, ma hijiex obbligata tittrasferixxi immedjatament l-imsemmija fondi mill-kont ta’ tranżitu lill-istituzzjonijiet ta’ investiment.

Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-passiv fiduċjarju miżmum mill-impriżi ta’ investiment kien espost għal livell ta’ riskju paragunabbli ma’ dak tal-passiv fiduċjarju miżmum mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment.

Sussegwentement, fir-rigward tal-inugwaljanza fit-trattament minħabba li, essenzjalment, is-SRB żamm l-istess metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika għal kull istituzzjoni mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti Stati Membri nqdew mid-deroga li tippermetti li l-passiv relatat mal-fondi amministrati f’isimhom stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor (13), jiġi inkluż barra mill-karta tal-bilanċ, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-passiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, ir-Regolament Delegat 2015/63 jiddefinixxi l-“passiv totali” bħala dak kif iddefinit fid-Direttiva 86/635 jew fis-sens tal-istandards internazzjonali tar-rapportar finanzjarju msemmija fir-Regolament Nru 1606/2002 (14). Barra minn hekk, għalkemm il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandhom jidhru, bħala regola ġenerali u kif kien il-każ fil-Ġermanja, fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-istituzzjoni meta din tal-aħħar tkun detentriċi tal-attiv korrispondenti, ċerti Stati Membri għażlu li jinqdew mid-deroga prevista fid-Direttiva 86/635, li tippermetti li dan il-passiv jiġi inkluż barra mill-karta tal-bilanċ. Issa, din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, moqrija fid-dawl tad-Direttiva 86/635, li r-rikorrenti ma kkontestatx il-validità tagħha fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi li jeżistu bejn ir-regoli tal-kontabbiltà tal-Istati Membri differenti fir-rigward tal-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jawtorizza lill-Kummissjoni, hija u tadotta atti ddelegati, li taġixxi lil hinn mid-delega mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan il-każ, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma awtorizzaw lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli nazzjonali ta’ kontabbiltà fil-qasam. Għalhekk, hija ma setgħetx tiġi kkritikata talli kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma rrimedjatx dawn id-diverġenzi. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tkoprix id-diverġenzi li jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, bil-kundizzjoni li dawn il-leġiżlazzjonijiet ikunu jaffettwaw bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas uriet, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma kinitx taffettwa bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’qasam ta’ azzjoni partikolari jista’ jkollha riperkussjonijiet differenti għal ċerti operaturi ekonomiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom jew tar-regoli nazzjonali li huma jkunu wkoll suġġetti għalihom; tali konsegwenza ma tistax titqies li hija ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija minnha. Ma nġiebet ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li turi li l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 ma kienx ibbażat fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Delegat 2015/63.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-inugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jfasslu l-karta tal-bilanċ tagħhom skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, filwaqt li, fid-dritt Ġermaniż, huma biss il-kumpanniji omm li jistgħu jużaw dan il-metodu, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li din is-sitwazzjoni kienet il-konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt Ġermaniż u mhux tar-Regolament Delegat 2015/63 u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti setgħet tfassal il-kontijiet skont dawn l-istandards ta’ kontabbiltà, iżda għażlet li ma tagħmilx dan għal raġunijiet ta’ natura amministrattiva u finanzjarja. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka inugwaljanza fit-trattament għal din ir-raġuni.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, sa fejn dan tal-aħħar ma jippermettix li jiġi eskluż il-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset, l-ewwel nett, li s-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma eskludiex l-ammont ta’ dan il-passiv mill-imsemmi kalkolu.

It-tieni nett, hija fakkret li diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeskludu ċertu passiv huma u jaġġustaw, skont ir-riskju, il-kontribuzzjonijiet ex ante, iżda jelenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż, il-kundizzjonijiet li fihom ċertu passiv jista’ jkun is-suġġett ta’ tali esklużjoni. Konsegwentement, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma applikax b’analoġija l-Artikolu 5(1)(e) ta’ dan ir-regolament delegat. Barra minn hekk, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-imsemmi regolament delegat iddistingwa sitwazzjonijiet b’karatteristiċi speċifiċi, direttament marbuta mar-riskji inerenti għall-passiv inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-assenza ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(1)(e) tal-imsemmi regolament delegat ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-istess jgħodd għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti għamlet biss dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati.

It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha jwassal għall-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ dan il-passiv fil-kuntest tal-imsemmi kalkolu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma spjegatx liema metodu konkret ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kien inqas restrittiv għall-istituzzjonijiet u li kien xieraq sabiex jintlaħqu, b’mod daqstantieħor effikaċi, l-għanijiet imfittxija mir-regolament. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ma nġiebet ebda prova li tista’ tikkontesta d-dikjarazzjoni tas-SRB dwar il-kundizzjonijiet għall-benefiċċju tal-protezzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. Fl-aħħar nett, ma tressaq ebda argument li jindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li telimina kompletament kull forma ta’ għadd doppju tal-passiv.

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha ma jissodisfax il-kriterju ta’ neċessità, peress li, fil-każ ta’ insolvenza, il-klijenti għandhom dritt għas-separazzjoni tal-attiv fiduċjarju ġestit mir-rikorrenti, ħaġa li turi li jeżistu garanziji suffiċjenti ta’ protezzjoni ta’ dawn il-klijenti, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li, fil-każ ta’ insolvenza, l-attiv u l-attiv likwidu tal-klijenti tagħha kienu koperti minn garanziji li huma paragunabbli ma’ dawk li jkopru l-attiv u l-attiv likwidu tal-klijenti tal-impriżi ta’ investiment.

Il-ħames nett, ma nġiebet ebda prova konkreta quddiem il-Qorti Ġenerali intiża li turi li l-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante kienet twassal għal inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/59.


1      Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2021/22 tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”)


2      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


3      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


4      Fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha.


5      Fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


6      Bħalma għamlet fil-punti (a), (b) u (f) ta’ din id-dispożizzjoni, billi użat il-kelma “istituzzjoni”.


7      Kif inhu l-każ tal-kontropartijiet ċentrali, tad-depożitarji ċentrali tat-titoli u tal-impriżi ta’ investiment.


8      Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU 2019, L 314, p. 64, rettifiki fil-ĠU 2020, L 405, p. 84, u fil-ĠU L, 2023/90096).


9      Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2019/2034, moqri fid-dawl tal-premessa 39 ta’ din id-direttiva.


10      Konformement mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014.


11      Kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e) tar‑Regolament Delegat 2015/63.


12      Kif imsemmi fl-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-Regolament 806/2014, billi tevita, fost oħrajn, l-effetti negattivi sinjifikattivi li l-istralċ ta’ istituzzjoni jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi tipprevjeni l-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi żżomm id-dixxiplina tas-suq.


13      Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat‑8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU 1986, L 372, p. 1).


14      Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 609).