Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Belġju) fit-13 ta’ April 2023 – Reprobel SCRL vs Copaco Belgium NV

(Kawża C-230/23, Reprobel)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Reprobel SCRL

Konvenut: Copaco Belgium NV

Domandi preliminari

Entità bħalma hija Reprobel, sa fejn hija inkarigata mill-Istat, permezz ta’ digriet irjali, bil-ġbir u bit-tqassim tar-remunerazzjoni(jiet) ġusta/i stabbiliti mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 , taħt is-sorveljanza tal-Istat, hija, minħabba f’hekk, entità li kontriha individwu jista’ jinvoka l-fatt li regola nazzjonali li din l-entità tixtieq timponi fuqu tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

Fir-risposta għal din id-domanda, il-komponenti li ġejjin tas-sorveljanza eżerċitata mill-Istat fuq din l-entità huma rilevanti:

l-obbligu ta’ din l-entità li tibgħat sistematikament kopja tat-talba għal informazzjoni lid-debituri, neċessarja kemm għall-ġbir kif ukoll għat-tqassim tar-remunerazzjoni għal reprografija, lill-ministru kompetenti, sabiex huwa jkun jista’ jibqa’ informat dwar il-mod kif l-entità ta’ ġestjoni teżerċita s-setgħa ta’ superviżjoni fdata lilha u tevalwa jekk huwiex xieraq li jiġi ddeterminat permezz ta’ digriet irjali l-kontenut, in-numru u l-frekwenza tat-talbiet għal informazzjoni b’tali mod li dawn ma jostakolawx iktar milli huwa neċessarju l-attivitajiet tal-persuni interrogati;

l-obbligu ta’ din l-entità li titlob lid-delegat tal-ministru sabiex jibgħat lid-debituri, lid-distributuri, lill-bejjiegħa bl-ingrossa jew lill-bejjiegħa bl-imnut, lill-impriżi ta’ leasing jew lill-impriżi ta’ manutenzjoni tal-apparat, talba għal informazzjoni, li hija neċessarja għall-ġbir u għar-remunerazzjoni proporzjonali għal reprografija, meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma tkunx ikkooperat għall-ġbir, bil-premessa li l-entità għandha wkoll l-obbligu li tibgħat kopja ta’ din it-talba lill-ministru kompetenti sabiex huwa jkun jista’ jiddetermina l-kontenut, in-numru u l-frekwenza tat-talbiet b’mod li dawn ma jostakolawx iktar milli huwa neċessarju l-attivitajiet tal-persuni interrogati;

l-obbligu ta’ din l-entità li tissuġġetta għall-approvazzjoni tal-ministru kompetenti r-regoli ta’ tqassim tar-remunerazzjoni għal reprografija, kif ukoll kull emenda li hija tagħmel fihom;

l-obbligu ta’ din l-entità li tissuġġetta l-formola ta’ dikjarazzjoni li hija tistabbilixxi għall-approvazzjoni tal-ministru kompetenti, u mingħajr din l-approvazzjoni din ma tistax tinħareġ?

Fir-risposta għal din id-domanda huwa rilevanti wkoll li l-entità għandha s-setgħat li ġejjin?

is-setgħa li titlob l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għall-ġbir tar-remunerazzjoni għal reprografija mingħand il-persuni kollha jiġifieri d-debituri, il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-bejjiegħa bl-ingrossa jew il-bejjiegħa bl-imnut, l-impriżi ta’ leasing u l-impriżi ta’ manutenzjoni tal-apparat. Kull talba għanda tindika b’mod obbligatorju s-sanzjonijiet kriminali applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu impost jew fil-każ ta’ dikjarazzjoni inkompleta jew ineżatta;

is-setgħa li titlob lid-debituri kollha jipprovdu l-informazzjoni kollha rigward ix-xogħlijiet ikkopjati li hija neċessarja għat-tqassim tar-remunerazzjoni għal reprografija;

is-setgħa li tikseb mingħand l-Amministrazzjoni tad-Dwana u tas-Sisa, l-Amministrazzjoni tal-VAT u l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għat-twettiq tal-missjoni tagħha.

L-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 għandu effett dirett?

Qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, fuq talba ta’ individwu, meta din ir-regola imposta mill-Istat tmur kontra l-imsemmi Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, b’mod iktar speċifiku għaliex din ir-regola tobbliga lil dan l-individwu jħallas taxxi bi ksur ta’ dan l-artikolu?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.