Language of document : ECLI:EU:T:2009:140

Kawża T-116/04

Wieland-Werke AG

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-tubi industrijali tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Multi — Prinċipju nulla poena sine lege — Daqs tas-suq ikkonċernat — Effett dissważiv — Tul tal-ksur — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kuntest ġuridiku — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Daqs tas-suq tal-prodotti inkwistjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-multi ma’ dan id-dħul — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża sanzjonata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur ta’ tul twil — Żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali għal kull sena

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Evalwazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta minn kull waħda mill-impriżi matul il-proċedura amministrattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

1.      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti għall-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu previst fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, u, jekk tikkonstata li hija tbegħdet minnha, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat biżżejjed kif meħtieġ mil-liġi.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida fil-fatt mhijiex inkompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni żżomm marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali. Il-Linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettulha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, fl-oqsma bħal dak tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa, fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda għall-finijiet ta’ dissważjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha ma jippreġudikawx, bħala prinċipju, l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 29-33)

2.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jiġi determinat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu mhija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat. Għal dan il-għan, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tas-suq ikkonċernat. Ebda raġuni valida ma timponi li dan id-dħul mill-bejgħ jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Fil-fatt, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa. Il-fatt li l-prezz ta’ materja prima jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tal-prodott lest jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet huwa, għal materja prima, għola milli għal oħrajn, ma jannullax din il-konklużjoni.

(ara l-punti 63, 66, 69)

3.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-obbigu ta’ motivazzjoni huwa sodisfat meta l-Kummissjoni tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq. L‑Artikolu 253 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan jobbligaha tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ma qisitx, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, approċċi ipotetiċi meta mqabbla ma’ dak effettivament magħżul fid-deċiżjoni finali tagħha.

(ara l-punti 78, 82)

4.      Il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA mhuwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ġlobali tal-impriżi kkonċernati u jippermetti, għalhekk, li jkun hemm disparitajiet bejn l-impriżi fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom u l-ammont tal-multi imposti fuqhom, huwa irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali kif ukoll ta’ individwalità tal-pieni. Fil-fatt, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, tiżgura, fil-każ fejn ikunu imposti multi fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li l-kalkolu tagħha jwassal għalihom għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull divrenzjar bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, f’ebda stadju tal-applikazzjoni tal-linji gwida, tiżgura li l-ammonti intermedjarji tal-multi kkunsidrati jirriflettu kull differenza eżistenti bejn id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 86, 87)

5.      Iż-żieda fl-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża li pparteċipat fi ksur tar-regoli Kommunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal finijiet ta’ dissważjoni, id-daqs tagħha u r-riżorsi kollha tagħha ma timplikax li l-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża oħra, ta’ daqs u ta’ riżorsi inqas, li pparteċipat fl-istess ksur. Fil-fatt il-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, taġġusta l-ammont tal-multi skont metodu fiss sakemm dawn tal-aħħar ma jidhrux irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

Barra minn hekk, meta tagħżel ir-rata ta’ żieda għal impriżi ta’ daqs ikbar, il-Kummissjoni hija limitata mill-fatt li l-ammont inizjali ma jista’, f’ebda każ, jaqbeż ammont proporzjonali għall-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, anki fis-sitwazzjonijiet fejn id-dħul mill-bejgħ tal-ikbar impriża huwa nettament ogħla minn dak tal-impriżi kkonċernati l-oħra, jista’ jkun, abbażi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, li l-Kummissjoni tkun tista’ iżżid biss b’mod marġinali l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq l-ikbar impriża.

(ara l-punti 92, 93, 95)

6.      Mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur. Għalhekk hija mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur meta tagħżel ir-rata ta’ żieda applikata għat-tul tal-ksur. Il-fatt li hija rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.

Barra min hekk, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-istess ċirkustanza, jiġifieri li l-ksur inkwistjoni huwa itwal minn ħames snin, kemm biex timmotiva l-applikazzjoni ta’ żieda kif ukoll biex tiffissa r-rata massima tal-imsemmija żieda għal 10 %, peress li l-fatt li t-tul ta’ ksur iwassal mhux biss għaż-żieda tal-ammont bażiku fih innifsu, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, għar-rata definittiva ta’ żieda, mhuwiex illegali.

(ara l-punti 107, 109,110)

7.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gradi ta’ kooperazzjoni pprovduta minn impriżi matul proċedura amministrattiva mibdija minħabba akkordju pprojbit, l-element kronoloġiku ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fis-sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni trażmessa mill-partijiet ikkonċernati kienet ġiet hekk trażmessa f’intervall pjuttost qasir u fi stadju essenzjalment identiku tal-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, il-fatt biss li waħda mill-impriżi taqbeż oħra fil-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, ma jimplikax, fih innifsu, li l-Kummissjoni hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tagħti lil din tal-aħħar rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta ogħla jew, tal-inqas, identika għal dik mogħtija lill-impriża l-oħra.

(ara l-punti 124, 127,128)

8.      Applikazzjoni b’analoġija tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell tal-2002 hija possibbli biss għall-finijiet li timtela lakuna normattiva u mhux f’sitwazzjoni fejn il-kooperazjoni bejn l-impriżi inkwistjoni hija rregolata mill-Avviż dwar in-nonimpożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell tal-1996.

Barra minn hekk, huwa biss fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt ir-regola preċedenti. Issa, il-punt 28 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprevedi ċarament li dan japplika mill-14 ta’ Frar 2002 għall-każijiet kollha li fihom ebda impriża ma bbażat ruħha fuq l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

(ara l-punti 129, 130)