Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2023 – Sharif vs Il-Kunsill

(Kawża T-503/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ammar Sharif (Bejrut, il-Libanu) (rappreżentanti: G. Karouni et K. Assogba, avuati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-illegalità tal-atti kkontestati, jiġifieri l-paragrafu 2(b) u (3) tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 u tal-paragrafu 1a(b) tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 u tiddikjarahom inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrent, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawh;

tannulla sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal-25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u tal-Anness I tagħha ;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u tal-Anness II tiegħu ;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10,000 bħala kumpens għad-danni kollha flimkien ;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrenti u dawk li hija tirriżerva d-dritt li tiġġustifika matul il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-kriterju ta’ inklużjoni ta’ persuni marbuta ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf imsemmija fil-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 u l-paragrafu 1a(b) tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012. Ir-rikorrent jinnota li ismu nżamm fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035, u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 36/2102, implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027, dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja, għar-raġuni li jkun: “Assoċjat ma' membru tal-familja Makhlouf (ħaten Rami Makhlouf)”. Għalhekk huwa jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi legali tal-atti kkontestati u li teżisti rabta diretta bejn l-ewwel atti ta’ portata ġenerali li r-rikorrent qiegħed isofri l-konsegwenzi tagħhom u t-tieni li jikkostitwixxu l-atti kkontestati;

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi fattwali suffiċjenti u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli żamm ismu fil-listi inkwistjoni b’riferiment għal persuna li l-bidla fis-sitwazzjoni tagħha hija madankollu notorja u magħrufa minn kulħadd. Huwa jemmen li billi d-destin tiegħu jiddependi fuq dak ta’ Rami Makhlouf, li s-sitwazzjoni tiegħu jagħżel li ma jerġax jeżamina mill-ġdid jew jaġġorna abbażi tal-kuntest li qed jevolvi fis-Sirja, il-Kunsill qed jagħmel ħsara serja lill-interessi tiegħu. Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kunsill mhux qed jieħu inkunsiderazzjoni verament is-sitwazzjoni personali tiegħu. Ir-rikorrent isostni li qata’ kull assoċjazzjoni mal-attivitajiet allegati kontrih, b’konsegwenza li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova jew sensiela ta’ indizji li jagħmlu l-eżistenza ta’ ilment kontrih raġonevolment kredibbli, minbarra ċ-ċirkustanza ta’ rabta familjari ma’ membru tal-familja Makhlouf, iż-żamma ta’ ismu fil-listi tal-atti kkontestati ma hijiex iġġustifikata.

____________