Language of document : ECLI:EU:C:2019:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Direttiva 92/83/KEE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘birra’ – Birra prodotta minn most miksub minn taħlita li tinkludi iktar glukożju milli xgħir – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 2203 (birra magħmula minn xgħir (malt)) jew 2206 (xorb ieħor iffermentat)”

Fil-Kawża C‑195/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Piotrkowie Trybunalskim (il‑Qorti Reġjonali ta’ Piotrków Trybunalski, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2018, fil-proċeduri kriminali kontra:

B. S.,

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Okręgowa w Piotrkowie Trybunalskim,

Łódzki Urząd Celno-Skarbowy w Łodzi,

Urząd Celno-Skarbowy w Piotrkowie Trybunalskim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. S., minn T. Grzejszczak, adwokat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, A. Dimitrakopoulou u I. Kotsoni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206), moqri flimkien mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91 tas-26 ta’ Lulju 1991 (ĠU 1991, L 259, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra B.S. minħabba li dan tal-aħħar b’mod partikolari pprovda lill-amministrazzjoni fiskali Pollakka informazzjoni żbaljata li wasslet għat-tnaqqis tad-dazji tas-sisa li kien responsabbli għall-ħlas tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/83

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83 jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘birra’ jkopri kwalunkwe prodott li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2203 jew xi prodott ieħor li tkun tinsab fih taħlita ta’ birra ma’ xorb mhux alkoħoliku li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2206, f’kull każ b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li jeċċedi 0,5 % vol.”

4        Skont l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva:

“Riferenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi NM għandhom ikunu għal dawk tal-verżjoni tan-nomenklatura kombinata fis-seħħ meta din id-direttiva tkun adottata.”

 In-Nomenklatura Magħquda

5        L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2658/87 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta kull sena regolament li jadotta verżjoni sħiħa tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali ta’ dazji li jikkorrispondu mat-Tariffa Doganali Komuni, kif tirriżulta mill-miżuri stabbiliti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat sal-31 ta’ Ottubru fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

6        Konformement mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83, il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mill-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 2587/91.

7        It-tieni parti tan-NM tinkludi Kapitolu 22, intitolat “Xorb, Spirti u Ħall” li jinkludi l-intestaturi 2203 u 2206 ta’ din in-nomenklatura.

8        L-intestatura 2203 hija fformulata kif ġej:

“2203

Birra magħmula minn xgħir (malt)”

9        L-intestatura 2206 hija fformulata kif ġej:

“2206

Xorb ieħor iffermentat (pereżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra.”

 In-Nota ta’ Spjega tas-SA

10      Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u twaqqfet permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri. Huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri tan-NM li jiffurmaw is-subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

11      In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar konvenzjoni fuq is-SA u huma ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-ODD, jiġifieri l-Franċiż u l-Ingliż.

12      Fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Franċiża, in-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2203 tipprovdi dan li ġej:

“La bière est une boisson alcoolique qui s’obtient par la fermentation du moût préparé avec du malt d’orge ou de froment, qu’on a fait bouillir en présence d’eau avec généralement du houblon. Certaines quantités de céréales non maltées (maïs et riz, par exemple) peuvent éventuellement être utilisées pour la préparation du moût. L’addition de houblon a pour effet de développer des principes amers et aromatiques et de permettre une meilleure conservation du produit. Elle est parfois aromatisée en cours de fermentation à l’aide de cerises ou d’autres produits.

[Il-birra hija xarba alkoħolika miksuba mill-fermentazzjoni ta’ most ippreparat ma’ xgħir jew qamħ, mgħolli fil-preżenza ta’ ilma ġeneralment ta’ ħops. Ċerti kwantitajiet ta’ ċereali li ma fihomx xgħir (qamħirrun u ross, pereżempju) jistgħu eventwalment jintużaw fil-preparazzjoni tal-most. Iż-żieda ta’ ħops għandha l-effett li tiżviluppa elementi morri u aromatiċi u tippermetti konservazzjoni aħjar tal-prodott. Xi drabi tiġi aromatizzata matul il-fermentazzjoni bl-għajnuna ta’ ċirasa jew ta’ prodotti oħra.]

On ajoute parfois à la bière des sucres, des colorants, du dioxyde de carbone ou encore d’autres substances.

[Xi drabi mal-birra jiżdiedu z-zokkor, sustanzi koloranti, diossidu tal-karbonju jew anki sustanzi oħra].

Selon les procédés de fermentation employés, on peut avoir: les bières de fermentation basse, obtenues à basse température avec des levures dites basses et des bières de fermentation haute obtenues à une température plus élevée avec des levures dites hautes.

[Skont il-proċessi ta’ fermentazzjoni użati, jistgħu jiġu prodotti: il-birra b’fermentazzjoni baxxa, miksuba b’temperatura baxxa flimkien ma’ ħmira msejħa baxxa u birra b’fermentazzjoni għolja miksuba b’temperatura ogħla flimkien ma’ ħmira msejħa għolja.]

Les bières peuvent être claires ou foncées, douces ou amères, légères ou fortes; elles se présentent ordinairement en fûts, en bouteilles ou en boîtes hermétiquement closes et peuvent aussi être commercialisées sous les appellations de « ale », « stout », etc.

[Il-birer jistgħu jkunu ċari jew skuri, ħelwin jew morri, ħfief jew qawwija; huma ppreżentati ordinarjament fi btieti, fi fliexken jew f’kaxxi ermetikament issiġillati u jistgħu wkoll jiġu kkummerċjalizzati bid-denominazzjonijiet “ale”, “stout”, eċċ.]

Cette position comprend également les bières concentrées qui sont préparées en concentrant dans le vide, jusqu’à 1/5 ou 1/6 de leur volume, des bières, en général peu alcooliques, mais très riches en extrait de malt.

[Din l-intestatura tinkludi wkoll il-birer konċentrati li huma ppreparati bil-kondensazzjoni fil-vakwu, sa 1/5 jew 1/6 tal-volum tagħhom, birer, ġeneralment ftit alkoħoliċi, iżda li jinkludu ħafna estratti tax-xgħir.]

N’entrent pas dans cette position:

[Ma jidħlux f’din l-intestatura:]

a)      Certaines boissons qui, bien que parfois appelées bières, ne contiennent pas d’alcool (par exemple, celles obtenues avec de l’eau et des sucres caramélisés) (n° 22.02).

[Ċerti xarbiet li, minkejja li xi drabi jissejħu birer, ma fihomx alkoħol (pereżempju dawk miksuba bl-ilma u minn zokkor karamelizzat (Nru 22.02).]

b)      Les boissons appelées bières sans alcool, qui sont des bières de malt dont le titre alcoométrique volumique a été ramené à 0,5 % vol ou moins (n° 22.02).

[Ix-xarbiet li jissejħu birer mingħajr alkoħol, li huma birer magħmula mix-xgħir li l-qawwa alkoħolika skont il-volum tagħhom kienet tnaqqset għal 0.5 % vol. jew inqas (Nru 22.02).]

c)      Les médicaments des nos 30.03 ou 30.04.”

[Il-prodotti mediċinali Nri 30.03 jew 30.04.”]

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fil-verżjoni Ingliża tagħha, l-istess Nota ta’ Spjega tistabbilixxi:

“Beer is an alcoholic beverage obtained by fermenting a liquor (wort) prepared from malted cereals (most commonly barley or wheat), water and (usually) hops. Certain quantities of non-malted cereals (e.g., maize (corn) or rice) may also be used for the preparation of the liquor (wort). The addition of hops imparts a bitter and aromatic flavour and improves the keeping qualities. Cherries or other flavouring substances are sometimes added during fermentation. Sugar (particularly glucose), colouring matter, carbon dioxide and other substances may also be added.

According to the fermenting process employed, the products may be bottom fermentation beer, obtained at a low temperature with bottom yeasts, or top fermentation beer, obtained at a higher temperature with top yeasts.

Beer may be pale or dark, sweet or bitter, mild or strong. It may be put up in barrels, bottles or in airtight tins and may be marketed as ale, stout, etc.

This heading also covers concentrated beer prepared by vacuum-condensing beer of low alcoholic strength (but with a high content of malt extract) to between one fifth and one sixth of its original volume.

The heading does not cover:

(a)      Certain beverages which, although they are sometimes described as beers, do not contain alcohol (e.g., beverages prepared from water and caramelised sugar) (heading 22.02).

(b)      Beverages called non-alcoholic beer consisting of beer made from malt, the alcoholic strength of which by volume has been reduced to 0.5 % vol or less (heading 22.02).

(c)      Medicaments of heading 30.03 or 30.04.”

 Id-dritt Pollakk

14      L-ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), tas-6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. de 2009, Nru 3, intestatura 11), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sisa”), tipprevedi, fl-Artikolu 94 tagħha:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi, it-terminu ‘birra’ jkopri kwalunkwe prodott li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2203 00, kif ukoll kull prodott li jinkludi taħlita ta’ birra u ta’ xorb mhux alkoħoliku li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2206 00, li fiż-żewġ każijiet għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum li jeċċedi 0.5 % vol.

[…]

4.      Ir-rata tad-dazju tas-sisa fuq il-birra tammonta għal 7.79 złoty Pollakk (PLN) (madwar EUR 1.8) għal kull ettolitru għal kull grad Plato tal-prodott komplet.”

15      L-Artikolu 96(4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Ir-rati tas-sisa fuq ix-xorb iffermentat huma dawn li ġejjin:

1)      għas-sidru u l-perri, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2206 00 31, 2206 00 51 u 2206 00 81, li għandhom qawwa alkoħolika attwali inqas minn 5.0 %. – 97.00 PLN [madwar EUR 22.6] għal kull ettolitru ta’ prodott komplet;

2)      għax-xorb ieħor iffermentat – PLN 158.00 [madwar EUR 36.5] għal kull ettolitru ta’ prodott komplet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Bejn ix-xhur ta’ Mejju 2011 u Mejju 2013, B.S. ipproduċa xarba alkoħolika li, skont huwa, kienet taħlita ta’ birra u ta’ xorb mhux alkoħoliku. Mitt ettolitru ta’ most, fl-oriġini tal-prodott intermedjarju li huwa kklassifika bħala birra, inkiseb minn 134.9 litru ta’ estratt tax-xgħir, 1708.2 litru ta’ ġulepp tal-glukożju, 9 litri ta’ aċidu ċitriku, 2.4 litri ta’ fosfat tal-ammonju, nutrimenti u ilma.

17      Mid-29 ta’ Ġunju 2011 sas-26 ta’ Ġunju 2013, B.S. bagħat, kull xahar, lill-uffiċċju doganali kompetenti, dikjarazzjoni ta’ dazji tas-sisa li kienet tikklassifika x-xarba li huwa kien jipproduċi bħala taħlita ta’ “birra”, li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM, u bħala xorb mhux alkoħoliku u billi applika, skont l-Artikolu 94 tal-Liġi dwar is-Sisa, ir-rata tas-sisa għall-birra, li hija PLN 7.79 (madwar EUR 1.8) kull ettolitru għal kull grad Plato tal-prodott komplet.

18      Permezz ta’ diversi deċiżjonijiet, adottati bejn is-27 ta’ Settembru 2012 u l-14 ta’ Frar 2014, il-Kap tal-Uffiċċju Doganali kompetenti kkontesta d-dikjarazzjonijiet ta’ B.S u ffissa d-dazji fuq is-sisa dovuti għal ammonti sinjifikattivament ogħla, minħabba li x-xarba prodotta minn B.S. kellha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM, inkwantu xarba abbażi ta’ xorb iffermentat, għajr il-birra, u ta’ xorb mhux alkoħoliku u kellha tiġi suġġetta għal rata ta’ dazji tas-sisa ta’ PLN 158 (madwar EUR 36.5) għal kull ettolitru tal-prodott komplet. Dawn id-deċiżjonijiet kienu ġġustifikati mill-fatt li l-ingredjent prinċipali użat għall-produzzjoni tal-prodott intermedjarju kien il-ġulepp tal-glukożju u mhux ix-xgħir u li dan il-prodott għalhekk ma setax jiġi kklassifikat fl-intestatura 2203 tan-NM li tirreferi għall-“birra magħmula minn xgħir (malt)”. Konsegwentement, il-Kap tal-Uffiċċju Doganali kkonkluda li l-prodott finali indikat fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, li jikkostitwixxi xarba abbażi ta’ dan il-prodott intermedjarju u ta’ xorb mhux alkoħoliku, kellu jitqies bħala xarba abbażi ta’ xorb iffermentat ieħor għajr il-birra u bħala xorb mhux alkoħoliku.

19      Dawn id-deċiżjonijiet tal-Kap tal-Uffiċċju Doganali ġew ikkonfermati minn diversi deċiżjonijiet tad-Direttur tal-Kamra tad-Dwana. Minbarra dan, ir-rikorsi ppreżentati minn B.S. kontra dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda mill-qrati amministrattivi Pollakki.

20      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, B.S. ġie pproċessat kriminalment, billi minn Ġunju 2011 sa 2013, qarraq l-amministrazzjoni fiskali Pollakka billi pprovda, fir-rigward tax-xarba li huwa jipproduċi, informazzjoni żbaljata fid-dikjarazzjonijiet ta’ dazji tas-sisa tiegħu, li wassal għal tnaqqis sinjifikattiv ta’ dawn id-dazji, kif ukoll il-ħruġ ta’ din ix-xarba mill-maħżen tat-taxxa mingħajr twaħħil preċedenti tal-bolol tad-dazji tas-sisa.

21      B’sentenza tas-Sąd Rejonowy w Piotrkowie Trybunalskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Piotrków Trybunalski, il-Polonja), tal-21 ta’ Ġunju 2017. B.S. ġie rrikonoxxut ħati ta’ dan il-ksur u ġie kkundannat għal 300 jum-multa ta’ PLN 200 (madwar EUR 46.2). B.S. appella din il-kundanna quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Din il-qorti tirrileva li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar is-Sisa, il-klassifikazzjoni ta’ prodott skont din il-liġi għandha tiġi stabbilita billi jsir riferiment għall-klassifikazzjoni li tirriżulta min-NM, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni annessi magħha. Barra minn hekk, hija ssostni li d-definizzjoni tal-birra, li tinsab f’din il-liġi, hija identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83.

23      Il-qorti tar-rinviju ssostni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-Sisa, il-kunċett ta’ birra jinkludi mhux biss il-“birra” magħmula minn xgħir, imsemmija fl-intestatura 2203 tan-NM, iżda wkoll it-taħlit ta’ birra li jaqa’ taħt din l-intestatura u xorb mhux alkoħoliku, imsemmi fl-intestatura 2206 tan-NM, bil-kundizzjoni li l-kontenut ta’ alkoħol ikun ogħla minn 0.5 % vol. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx il-perċentwali (minima jew massima) tal-ingredjenti tal-birra prodotta, billi jħallu lill-produttur marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-proporzjonijiet ta’ dawn l-ingredjenti. Minn dan hija tiddeduċi li tista’ tintuża kwalunkwe kwantità ta’ ingredjenti li ma fihomx xgħir, sakemm ix-xgħir ikun preżenti. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jippreċiżaw li ż-żieda ta zokkor fil-birra tista’ sseħħ biss wara li jintlaħaq il-proċess ta’ fermentazzjoni.

24      Skont din il-qorti, huwa essenzjali, sabiex jiġi stabbilit jekk B.S. kienx ħati minn reat kriminali, li jkun magħruf jekk ix-xarba prodotta minn B.S. kinitx ġiet ġustament ikklassifikata minnu bħala taħlita ta’ “birra”, li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM, u bħala xorb mhux alkoħoliku jew jekk din hijiex xarba abbażi ta’ xarba ffermentata, għajr il-birra, u xorb mhux alkoħoliku.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, billi bbażat ruħha fuq informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fi Franza, li teżisti diverġenza bejn Stati Membri rigward il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din ix-xarba, meta l-ingredjenti li fihom ix-xgħir ma humiex predominanti, li jiġġustifika n-neċessità ta’ armonizzazzjoni ġurisprudenzjali.

26      F’dawn il-kundizzjonijiet, is-Sąd Okręgowy w Piotrkowie Trybunalskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Piotrków Trybunalski, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2 tad-[Direttiva 92/83], moqri flimkien mal-[Annexe I] tar-[Regolament Nru 2658/87], għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott li fir-rigward tiegħu, għall-ksib tal-most, intużaw estratti tax-xgħir, ġulepp tal-glukożju, aċidu ċitriku u ilma, jista’ jkun birra magħmula mix-xgħir li taqa’ taħt il-kodiċi NM 2203 tan-Nomenklatura Magħquda, inkluż meta l-porporzjon tal-ingredjenti li ma fihomx ix-xgħir li jinsabu fil-most huwa predominanti meta mqabbel mal-proporzjon tal-ingredjenti li fihom ix-xgħir u meta l-ġulepp tal-glukożju jiżdied fil-most qabel il-proċess ta’ fermentazzjoni tiegħu, u skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-ingredjenti li fihom ix-xgħir u ta’ dawk li ma fihomx ix-xgħir fil-most primittiv sabiex il-prodott miksub jiġi kklassifikat bħala birra li taqa’ taħt il-kodiċi NM 2203?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott intermedjarju, iddestinat sabiex jitħallat ma’ xorb mhux alkoħoliku, li jinkiseb minn most li jinkludi inqas ingredjenti li fihom ix-xgħir milli ingredjenti li ma fihomx ix-xgħir u li fih ġie miżjud ġulepp tal-glukożju qabel il-proċess ta’ fermentazzjoni, jista’ jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM.

28      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83 jinkludi, taħt il-klassifikazzjoni “birra”, mhux biss kull prodott li jaqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM, iżda wkoll kull prodott li jinkludi taħlita ta’ birra u xorb mhux alkoħoliku, li jaqa’ taħt l-intestatura 2206 tan-NM, sakemm, fiż-żewġ każijiet, dan il-prodott għandu qawwa alkoħolika li teċċedi 0.5 % vol.

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodott finali kkummerċjalizzat minn B.S. huwa taħlita ta’ prodott alkoħoliku intermedjarju, miksub bil-fermentazzjoni, u xorb mhux alkoħoliku. Isegwi li t-taħlita li tikkostitwixxi l-prodott finali kkummerċjalizzat minn B.S. ma tistax tiġi kklassifikata fl-intestatura 2203 tan-NM u għalhekk ma taqax taħt l-ewwel miż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83. Dan il-prodott għalhekk ma jistax jiġi kklassifikat bħala “birra” u jaqa’ taħt dan l-Artikolu 2 ħlief jekk il-prodott alkoħoliku intermedjarju, intiż sabiex jitħallat minn B.S. ma’ xorb mhux alkoħoliku, sabiex jinkiseb dan il-prodott finali, jista’, fir-rigward tiegħu, jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” fis-sens tal-intestatura 2203 tan-NM, peress li ma jidhirx ikkontestat li dan il-prodott finali għandu qawwa alkoħolika li teċċedi 0.5 % vol.

30      Skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83, in-NM applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2587/91 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Paderborner Brauerei Haus Cramer, C‑196/10, EU:C:2011:487, punt 28).

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fl-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi ta’ din il-merkanzija, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli. Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega redatti, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, f’dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti legali (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2006, Toorank Productions, C‑532/14 u C‑533/14, EU:C:2016:337, punti 34 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi stabbilit jekk prodott alkoħoliku miksub bil-fermentazzjoni ta’ most kompost, b’mod partikolari, minn ġulepp tal-glukożju u minn proporzjon żgħir ta’ xgħir jistax jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” fis-sens tal-intestatura 2203 tan-NM.

33      F’dak li jikkonċerna l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar il-proporzjon ta’ xgħir fil-most, għandu jiġi rrilevat li n-NM ma tistabbilixxix perċentwali minima ta’ ingredjenti li fihom ix-xgħir fil-most iddestinat sabiex jipproduċi l-birra.

34      Ċertament, l-intestatura 2203 tan-NM tirreferi għall-“birra magħmula minn xgħir (malt)” li jippreżupponi li birra, li taqa’ taħt din l-intestatura, ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma x-xgħir jidħol fil-kompożizzjoni tagħha. Madankollu, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi formulazzjoni “birra magħmula minn xgħir (malt)” li perċentwali minima ta’ xgħir hija meħtieġa ġewwa l-most.

35      Minbarra dan, in-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2203 tipprovdi speċifikament li ċerti kwantitajiet ta’ ċereali li ma fihomx ix-xgħir jistgħu jintużaw għall-preparazzjoni tal-most, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-proporzjon ta’ dawn l-ingredjenti li ma fihomx ix-xgħir ikun inqas minn dak tal-ingredjenti li fihom ix-xgħir.

36      F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-ġulepp tal-glukożju li jidħol fil-kompożizzjoni tal-most, għandu jiġi rrilevat li l-preżenza ta’ dan il-ġulepp ma huwiex ipprojbit min-NM.

37      Minbarra dan, in-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2203 tirrikonoxxi espressament il-possibbiltà li jiżdiedu mal-most, matul fermentazzjoni, sustanzi aromatiċi. Barra minn hekk, u anki jekk teżisti ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża u Ingliża rigward il-mument preċiż taż-żieda eventwali ta’ glukożju, fejn l-ewwel verżjoni tirreferi għaż-żieda tiegħu “à la bière” [mal-birra] filwaqt li t-tieni verżjoni ma tinkludix tali preċiżazzjoni, ebda waħda minn dawn iż-żewġ verżjonijiet uffiċjali madankollu ma teħtieġ li l-most suġġett għall-fermentazzjoni ikun nieqes minn glukożju.

38      Isegwi li prodott magħmul bi proporzjon żgħir ta’ xgħir u żieda ta’ glukożju qabel il-fermentazzjoni alkoħolika ma huwiex, għal dawn ir-raġunijiet biss, eskluż mill-kunċett ta’ “birra magħmula minn xgħir” li jaqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM.

39      Madankollu, tali prodott jista’ jaqa’ taħt din l-intestatura bil-kundizzjoni biss li l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tiegħu jikkorrispondu ma’ dawk tal-birra. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iktar partikolari l-karatterisitiċi organoleptiċi tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand, C‑150/08, EU:C:2009:294, punti 36 u 37, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 46).

40      Isegwi li, għalkemm il-karatterisitiċi organoleptiċi tal-prodott alkoħoliku intermedjarju, li huwa mħallat minn B.S. ma’ xorb mhux alkoħoliku sabiex jiġi maħdum il-prodott finali li huwa jikkummerċjalizza, ma jikkorrispondux ma’ dawk tal-birra, li jkun b’mod partikolari l-każ jekk dan il-prodott intermedjarju ma kienx jixbah viżwalment il-birra jew ma kellux it-togħma speċifika, dan il-prodott ma jistax jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

41      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott intermedjarju, iddestinat li jitħallat ma’ xorb mhux alkoħoliku, li jinkiseb minn most li jinkludi inqas ingredjenti li fihom ix-xgħir milli ingredjenti li ma fihomx ix-xgħir u li fih ġie miżjud il-ġulepp tal-glukożju qabel il-proċess ta’ fermentazzjoni, jista’ jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM, sakemm il-karatteristiċi organoleptiċi ta’ dan il-prodott jikkorrispondu ma’ dawk tal-birra, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijietta fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott intermedjarju, iddestinat li jitħallat ma’ xorb mhux alkoħoliku, li jinkiseb minn most li jinkludi inqas ingredjenti li fihom ix-xgħir milli ingredjenti li ma fihomx ix-xgħir u li fih ġie miżjud il-ġulepp tal-glukożju qabel il-proċess ta’ fermentazzjoni, jista’ jiġi kklassifikat bħala “birra magħmula minn xgħir” li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-Nomenklatura Magħquda li jinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991, sakemm il-karatteristiċi organoleptiċi ta’ dan il-prodott jikkorrispondu ma’ dawk tal-birra, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      .