Language of document : ECLI:EU:T:2010:355

Kawża T-29/05

Deltafina SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Drittijiet tad-difiża — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Imputazzjoni lil impriża — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ impriża attiva f’suq li jinsab immedjatament wara s-suq ikkonċernat u li kkontribwixxiet b’mod attiv u deliberat għall-akkordju

(Artikoli 3(1)(ġ) KE u 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Evalwazzjoni każ b’każ

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Interdipendenza tat-tliet kriterji msemmija espressament mil-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni — Kwalifika ta’ ksur bħala serju ħafna — Rwol ewlieni tal-kriterju bbażat fuq in-natura tal-ksur

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A(1))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Kuntest ġuridiku — Determinazzjoni — Rilevanza tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej tal-ksur — Kunċett

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Evalwazzjoni — Neċessità ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod separat ta’ kull waħda miċ-ċirkustanzi — Assenza — Evalwazzjoni globali

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15, u Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni inċiż tal-punt 3)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal-punt 3)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Avviż tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

16.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Multi — Determinazzjoni — Kriterji — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81(1) KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)

1.      Il-Kummissjoni ma teċċedix il-limiti tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ impriża għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta din, għalkemm kienet attiva fis-suq immedjatament wara dak li fih ġew implementati l-prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tipparteċipa b’mod attiv u deliberat f’akkordju bejn produtturi attivi f’suq differenti minn dak li topera fih hija stess.

Fil-fatt, impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippresupponi neċessarjament li hi stess tkun attiva fl-imsemmi suq rilevanti.

Għalhekk, ma huwiex eskluż li impriża tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni anki jekk hija ma tkunx qed tirristrinġi l-libertà ta’ azzjoni tagħha stess fis-suq li fih hija prinċipalment attiva. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tista’ tirriduċi l-portata tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE f’miżura li tmur kontra l-effett utli tagħha u kontra l-għan prinċipali tagħha li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ġ) KE, huwa dak li jiġi żgurat li tinżamm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li ma tkunx distorta, peress li din ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din il-kontribuzzjoni ma toħroġx minn attività ekonomika li taqa’ taħt is-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett.

Minn-qari tat-terminu “akkordji [ftehim] […] bejn impriżi” fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 3(1)(ġ) KE tirriżulta konferma tal-eżistenza ta’ tifsira tal-akkordju u tal-impriża awtriċi ta’ ksur, li ma tagħmilx distinzjoni skont is-settur jew is-suq li fih l-impriżi kkonċernati huma attivi.

L-attribuzzjoni tal-ksur sħiħ lil impriża li pparteċipat f’akkordju hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda ta’ natura oġġettiva u t-tieni ta’ natura soġġettiva.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din kienet sodisfatta, fir-rigward tar-relazzjoni bejn kompetituri li joperaw fl-istess suq rilevanti kif ukoll bejn tali kompetituri u l-klijenti tagħhom, minn meta l-impriża parteċipanti tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tal-akkordju, anki b’mod subordinat, aċċessorju jew passiv, pereżempju permezz ta’ approvazzjoni taċita u permezz ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ dan l-akkordju lill-awtoritajiet.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, l-imputazzjoni tat-totalità tal-ksur lill-impriża parteċipanti tiddependi barra minn hekk mill-manifestazzjoni tal-volontà tagħha, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju.

(ara l-punti 48, 49, 51, 57, 58, 62)

2.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perijodiċi jeħtieġ, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha.

Ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċeduri amministrattivi għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-oġġezzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura msemmija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tippresupponi li l-oġġezzjoni li l-impriża ssostni li ma ġietx akkużata biha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet inkluża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha. Sempliċi differenza fil-preżentazzjoni tal-fatti, li hija intiża biss sabiex tagħti rendikont tal-fatti b’mod iktar preċiż fid-deċiżjoni finali, ma tistax tikkostitwixxi emenda materjali tal-ilmenti.

(ara l-punti 113-115, 120)

3.      Sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikattiva. Għalhekk, ġeneralment l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti.

Fil-fatt, l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji jkunu ta’ natura li jkollhom dan l-effett.

(ara l-punti 167-169)

4.      Għalkemm il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

(ara l-punt 230)

5.      Il-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA tagħha, il-metodu tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju b’mod globali skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, inklużi elementi li ma humiex espressament imsemmija fil-linji gwida.

(ara l-punt 230)

6.      It-tliet kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel, u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Dawn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess sinjifikat fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”.

F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftehma li jkunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm iffissar ta’ prezzijiet jew tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari.

Teżisti interdipendenza bejn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kriterji tista’ tikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt aspetti oħra.

Fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku, dan jirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur u ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li huwa biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17 jew ir-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi meqjus li biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna jistgħu jiġu kklassifikati hekk. Għalhekk, id-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni ma jostakolax il-kwalifika tal-ksur ikkonstatat bħala wieħed “serju ħafna”. Din is-soluzzjoni hija neċessarja a fortiori fir-rigward tad-daqs limitat tas-suq tal-prodott inkwistjoni, peress li d-daqs tas-suq tal-prodott ma huwiex element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda huwa biss element rilevanti fost elementi oħra sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

Issa, huwa ċar li l-ksur ilmentat kontra proċessuri tat-tabakk u kontra impriża inkwistjoni li fost l-attivitajiet tagħha hemm il-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat, li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tad-diversi varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fi Stat Membru u fit-tqassim tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum li għandu jinxtara mingħand il-produtturi, jikkostitwixxi ksur serju ħafna min-natura tiegħu stess. Il-ksur ta’ dan it-tip huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji peress li jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, jew bħala ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 231, 233, 234, 238, 240-242)

7.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-akkordju tal-proċessuri kellu impatt konkret fuq is-suq, ma għandu l-ebda effett fuq il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”.

In-nuqqas ta’ dimostrazzjoni suffiċjenti ta’ impatt konkret fuq is-suq ma jistax iqiegħed indiskussjoni l-ammont inizjali tal-multa, li huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 250, 251)

8.      Il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 292, 426)

9.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni li jkun magħruf jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata.

(ara l-punt 319)

10.    Meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq tal-impriżi. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiġi obbligata tgħarraf lill-impriżi kkonċernati, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-indikazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw il-livell tal-multi kkunsidrati, ikun qed jiġi impost fuqha li tantiċipa b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni finali tagħha.

F’dan ir-rigward, il-kwalifika ta’ mexxej attribbwita lil impriża ġġib magħha konsegwenzi kbar fir-rigward tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq din l-impriża. B’hekk, b’mod konformi mal-punt 2 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, din hija ċirkustanza aggravanti li ġġib magħha żieda mhux negliġibbli tal-ammont bażiku tal-multa. Bl-istess mod, skont il-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tali kwalifika teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju ta’ tnaqqis kbir ħafna tal-multa, anki jekk l-impriża kkwalifikata bħala mexxej tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti sabiex tkun tista’ tikseb tali tnaqqis. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha ssemmi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li hija tqis li huma rilevanti sabiex tippermetti lill-impriża li tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju sabiex tirrispondi għal tali lment. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali dikjarazzjoni hija biss stadju fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li għalhekk ma tikkostitwixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jistax ikun meħtieġ li din tal-aħħar tipproċedi diġà f’dan l-istadju għal kwalifika ġuridika tal-elementi li fuqhom hija tkun ser tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni finali tagħha sabiex tikkwalifika lil impriża bħala mexxej tal-akkordju.

(ara l-punti 324, 325, 327)

11.    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej, l-impriża inkwistjoni għandha tkun forza li tagħti spinta lill-akkordju, u tkun refgħet responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu.

Għalkemm il-provi invokati mill-Kummissjoni juru li din l-impriża kellha rwol attiv u dirett f’akkordju, madankollu ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din il-kumpannija kienet forza li tat spinta sinjifikattiva lil dan l-akkordju, b’mod partikolari jekk l-ebda prova mill-fajl ma tindika li l-impriża kkonċernata ħadet xi inizjattiva bil-għan li toħloq l-akkordju msemmi jew li twassal lil waħda mill-impriżi l-oħra sabiex taderixxi għalih, u jekk l-ebda prova ma tippermetti lanqas li jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata assumiet l-inkarigu ta’ attivitajiet abitwalment marbuta mal-eżerċizzju tar-rwol ta’ mexxej ta’ akkordju, bħall-presidenza ta’ laqgħat jew iċ-ċentralizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xi data.

(ara l-punti 332-335)

12.    Il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrendietx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ.

B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

(ara l-punti 347, 348)

13.    Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija biss obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija wriet b’mod ċar u b’qawwa l-oppożizzjoni tagħha għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim tiegħu stess, u li hija b’mod ċar ma tkunx aderixxiet mal-ftehim u b’hekk inċitat lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni.

(ara l-punt 350)

14.    Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, it-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” imsemmi fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, b’mod loġiku jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni kienu inċitati sabiex iwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom mill-interventi inkwistjoni, peress li l-każ fejn il-ksur ikun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida.

(ara l-punti 354, 355)

15.    Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mis-servizzi ta’ din l-istituzzjoni. Il-Kummissjoni, fil-fatt, għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn. Sabiex tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-imġieba tal-impriża għandha tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur imsemmi. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament.

(ara l-punti 389, 390, 399)

16.    Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni.

L-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Għaldaqstant, l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma hijiex ser taqbeż il-livell tal-multi imposti preċedentement.

Fil-fatt, kull impriża involuta fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat.

(ara l-punti 426, 435)