Language of document : ECLI:EU:T:2010:453

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Obbligu ta’ motivazzjoni – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Trattament ugwali”

Fil-Kawża T-24/05,

Alliance One International, Inc., li kienet Standard Commercial Corp., stabbilita f’Danville, Virginia (l-Istati Uniti),

Standard Commercial Tobacco Co., Inc., stabbilita f’Wilson, North Carolina (l-Istati Uniti),

Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd, stabbilita f’Vaduz (Liechtenstein),

irrappreżentati inizjalment minn M. Odriozola Alén, M. Marañon Hermoso u A. Emch, u sussegwentement minn Odriozola Alén, M. Barrantes Diaz u A. João Vide, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

li għandha bħala suġġett, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE], (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

1        World Wide Tobacco España, SA (iktar ’il quddiem “WWTE”) hija waħda minn erba’ impriżi fi Spanja tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum (iktar ’il quddiem il-“proċessuri” jew il-“proċessuri Spanjoli”).

2        It-tliet proċessuri Spanjoli huma: Compañia española de tabaco en rama, SA (iktar ’il quddiem “Cetarsa”), Agroexpansión, SA, u Tabacos Españoles, SL (iktar ’il quddiem “Taes”).

3        Bejn l-1995 u l-5 ta’ Mejju 1998, żewġ terzi mill-kapital ta’ WWTE kien miżmum minn Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd (iktar ’il quddiem “TCLT”), sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Standard Commercial Tobacco Co., Inc. (iktar ’il quddiem “SCTC”), hija stess sussidjarja 100 % proprjetà tal-multinazzjonali Amerikana Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”). It-terz l-ieħor kien miżmum mill-President ta’ WWTE u minn żewġ membri tal-familja tiegħu.

4        Fil-5 ta’ Mejju 1998, TCLT żiedet is-sehem tagħha fil-kapital ta’ WWTE għal 86.94 %, il-bqija tal-ishma kienu miżmuma minn WWTE (9.73 %) u minn persuna fiżika (3.33 %). F’Ottubru 1998, WWTE akkwistat l-ishma ta’ din tal-aħħar u SCC akkwistat sehem dirett ta’ 0.04 % mill-kapital ta’ WWTE. F’Mejju 1999, TCLT u SCC żiedu s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ WWTE għal 89.64 % u 0.05 %, rispettivament, fejn il-bqija nżamm minn WWTE.

5        SCC, SCTC u TCLT huma r-rikorrenti fil-kawża preżenti. Ser isir riferiment iktar ’il quddiem għall-grupp ta’ kumpanniji li huma jagħmlu parti minnu permezz tal-kliem “grupp Standard”.

6        Peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej waslitilha informazzjoni li l-proċessuri u l-produtturi Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum kienu wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE, din wettqet xi verifiki, fit-3 u fl-4 ta’ Ottubru 2001, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-bini ta’ tlieta mill-proċessuri, jiġifieri Cetarsa, Agroexpansión u WWTE, kif ukoll l-Asociación Nacional de Empresas Transformadoras de Tabaco (iktar ’il quddiem l-“Anetab”).

7        Il-Kummissjoni pproċediet ukoll sabiex twettaq xi verifiki fl-uffiċċji tal-Maison des métiers du tabac u tal-Fédération européenne des transformateurs de tabac fit-3 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll f’dawk tal-Federación nacional de cultivadores de tabaco (iktar ’il quddiem l-“FNCT”), fil-5 ta’ Ottubru 2001.

8        Fix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2002, il-proċessuri u l-Anetab ipprovdew xi informazzjoni lill-Kummissjoni. Sussegwentement, din tal-aħħar bagħtitilhom, kif ukoll lill-FNCT, diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni talbet ukoll xi informazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar prodotti agrikoli.

9        Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura li wasslet għal din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li bagħtet lil 20 impriża jew assoċjazzjoni, fosthom lill-proċessuri Spanjoli, lill-Anetab, lill-FNCT, lir-rikorrenti u lil Deltafina SpA. Deltafina SpA, hija kumpannija Taljana li bħala attività prinċipali twettaq l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum u tikkummerċjalizza t-tabakk ipproċessat. Hija tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħal Taes jiġifieri dak li l-kap tiegħu hija l-kumpannija Amerikana Universal Corp.

10      L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq CD-ROM li nbagħtitilhom, u bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma minn din tal-aħħar.

11      Inżammet seduta fid-29 ta’ Marzu 2004.

12      Wara li kkonsultat mal-kumitat konsultattiv dwar akkordji u pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-kunsillier-awditur, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2004, id-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2007 (ĠU L 102, p. 14).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

13      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda żewġ akkordji orizzontali konklużi u implementati fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum.

14       L-ewwel akkordju, li kien jinvolvi lill-proċessuri u lil Deltafina, kellu l-għan li jiffissa, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju tal-provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jitqassmu l-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara b’mod partikolari l-premessi 74 sa 76 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1999 sal-2001, il-proċessuri u Deltafina kienu ftiehmu wkoll dwar livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll dwar “kundizzjonijiet kumplimentari”, jiġifieri l-prezz minimu medju għal kull produttur u l-prezz minimu medju għal kull grupp ta’ produtturi (ara b’mod partikolari l-premessi 77 sa 83 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Iktar ’il quddiem ser isir riferiment għall-akkordju deskritt fil-punt 14 iktar ’il fuq bit-terminu “akkordju tal-proċessuri”.

16      It-tieni akkordju identifikat fid-deċiżjoni kkontestata kien jimplika lit-tliet unions agrikoli Spanjoli, jiġifieri lill-Asociación agraria de jóvenes agricultores (iktar ’il quddiem l-“ASAJA”), lill-Unión de pequeños agricultores (iktar ’il quddiem l-“UPA”) u lill-Coordinadora de organizaciones de agricultores y ganaderos (iktar ’il quddiem il-“COAG”), kif ukoll lill-Confederación de cooperativas agrarias de España (iktar ’il quddiem il-“CCAE”). Dan l-akkordju kellu l-għan li jiffissa kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll il-“kundizzjonijiet kumplimentari” (ara b’mod partikolari l-premessi 77 sa 83 u 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Iktar ’il quddiem ser isir riferiment għall-akkordju deskritt fil-punt 16 iktar ’il fuq bil-frażi “akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi”.

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li kull wieħed minn dawn l-akkordji jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara b’mod partikolari l-premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fl-Artikolu 1 ta’ din id--eċiżjoni, hija tattribwixxi r-responsabbiltà tal-akkordju tal-proċessuri lil disa’ impriżi, fosthom il-proċessuri Spanjoli u Deltafina, u dik tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi lil ASAJA, lil UPA, lil COAG u lil CCAE (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rappreżentanti tal-produtturi”).

20      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lil dawn l-impriżi u lir-rappreżentanti tal-produtturi li jwaqqfu immedjatament, jekk ma waqfux diġà, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li jieqfu minn kull prattika restrittiva li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

21      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ġew imposti l-multi segwenti:

–        Deltafina: EUR 11 880 000;

–        Cetarsa: EUR 3 631 500;

–        WWTE: EUR 1 822 500

–        Agroexpansión: EUR 2 592 000;

–        Taes: EUR 108 000;

–        l-ASAJA: EUR 1 000;

–        l-UPA: EUR 1 000;

–        il-COAG: EUR 1 000;

–        il-CCAE: EUR 1 000.

22      Mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li r-rikorrenti huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq WWTE u Dimon għall-ħlas ta’ dik imposta fuq Agroexpansión.

3.     Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

23      Il-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata jittratta l-kwistjoni tad-destinatarji (premessi 357 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Qabel kollox, il-Kummissjoni esponiet li huwa stabbilit li l-proċessuri Spanjoli u Deltafina pparteċipaw direttament fl-akkordju tal-proċessuri u l-ASAJA, l-UPA, il-COAG u l-CCAE fl-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, fis-sens li kull waħda minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet “hija mitluba tassumi r-responsabbiltà tal-ksur u hija konsegwentement destinatarja tad-[deċiżjoni kkontestata]” (premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 359 sa 369 ta’ din id-deċiżjoni, hija tevalwa, b’mod iktar partikolari, ir-rwol ta’ Deltafina fl-akkordju tal-proċessuri.

25      Wara, il-Kummissjoni eżaminat l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha, u nnotat li, fil-kawża preżenti, dan kien jinsab fi tliet każijiet, b’mod partikolari dawk ta’ Agroexpansión, ta’ WWTE u ta’ Taes (premessi 370 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipji applikabbli, fl-opinjoni tagħha, f’dan ir-rigward (premessi 371 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      B’mod iktar partikolari, hija tinnota dan li ġej:

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija parent għandhiex tiġi kkunsidrata bħala responabbli għall-aġir illeċitu tas-sussidjarja tagħha, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li din tal-aħħar “ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133);

–        skont ġurisprudenza stabbilita, meta kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jista’ jitqies b’mod leġittimu li hija effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 961 u 984);

–        din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfermata minn “fatturi partikolari proprji għal ċerti kawżi”;

–        fil-każ fejn is-sussidjarji ma humiex ikkontrollati 100 %, kumpannija parent tista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha meta din għandha, fil-mument li fih twettaq il-ksur, il-maġġoranza tal-kapital tagħha (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136) jew meta hija informata “b’mod kostanti” bil-prattiki tal-imsemmija sussidjarja u tiddetermina direttament l-aġir tagħha (sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52);

–        skont ġurisprundenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni, anki jekk, mill-perspetiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 66, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

28      It-tieni nett, qabel ma eżaminat fid-dettal il-każ ta’ Agroexpansión kif ukoll dak ta’ WWTE, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata, dak li ġej:

“Fil-kawża preżenti, tlieta mill-erba’ proċessuri Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum huma kkontrallati (100 % jew 90 %) minn multinazzjonali Amerikani. Barra minn hekk, jeżistu elementi ta’ fatt li jikkonfermaw il-preżunzjoni li tipprovdi li l-aġir ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE huwa imputabbli lill-kumpannij[i] parent rispettiv[i] tagħhom. F’dan il-każ, iż-żewġ kumpanniji – il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha – għandhom jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-ksur ikkonstatat fid-[...] deċiżjoni [kkontestata].”

29      Fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid dan li ġej:

“[Bil-kontra], wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li nstemgħu l-partijiet, sar magħruf li l-provi fil-fajl ma setgħux jiġġustifikaw konklużjoni simili fir-rigward tal-parteċipazzjonijiet ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf [Tobacco Co. Inc.] f’Taes u f’Deltafina. Fil-fatt [barra] ir-rabta soċjali bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħha, il-fajl ma fih l-ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti mid-destinatarji ta’ deċiżjoni f’din il-kawża. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori għal Intabex [Netherlands BV] peress li l-parteċipazzjoni tagħha bi 100 % f’Agroexpansión kienet purament finanzjarja.”

30      Fil-premessi 377 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-każ ta’ Agroexpansión. Hija tirrileva b’mod partikolari li, mit-tieni semestru tas-sena 1997, din il-kumpannija hija kompletament ikkontrollata minn Dimon, u dan permezz ta’ kumpannija sussidjarja bi 100 % ta’ din tal-aħħar, Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”). Minn dan iddeduċiet li, jista’ jiġi preżunt li, tal-inqas minn dan il-mument, Dimon kellha influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión. Il-Kummissjoni żżid li elementi oħra fil-fajl tagħha – dawk deskritti fil-premessi 379 u 380 tad-deċiżjoni kkontestata – jikkonfermaw din il-preżunzjoni. Barra minn hekk, hija tiċħad ċerti allegazzjonijiet ta’ Dimon magħmula fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u b’mod partikolari dik li tipprovdi li hija kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi żammitha responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha filwaqt li ma żammitx responsabbli lill-kumpannija parent ta’ Cetarsa, jiġifieri Sociedad estatal de participaciones industriales (iktar ’il quddiem “Sepi”), għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-differenza fit-trattament permezz tal-fatt li, bil-kontra ta’ dak li affermat Dimon, “il-fajl [tagħha] […] ma fihx kommunikazzjoni diretta bejn Cetarsa u Sepi dwar is-suġġett ta’ din il-kawża”, li “l-parteċipazzjoni ta’ Sepi fi Cetarsa dehret li kienet essenzjalment finanzjarja, analoga għar-rabta bejn Intabex u Agroexpansión”, li “Cetarsa (bil-kontra ta’ Agroexpansión) tgħaqqad flimkien kull attività ta’ pproċessar tat-tabakk fil-grupp Sepi u, minħabba din l-istess raġuni, hija manifestament ġestita b’mod separat” u, fl-aħħar, li “Cetarsa ma hijiex 100 % sussidjarja ta’ Sepi” (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-Kummissjoni tikkonkludi mill-elementi esposti fil-punt 30 iktar ’il fuq li Dimon “għandha tinżamm responsabbli in solidum, ma’ Agroexpansión, għall-aġir ta’ din tal-aħħar stabbilit mid-[deċiżjoni kkontestata] għall-perijodu bejn it-tieni semestru tal-1997 sal-10 ta’ Awwissu 2001” (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fil-premessi 387 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-każ ta’ WWTE.

33      Hija tikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ perijodi, l-ewwel wieħed dak bejn l-1995 sa Mejju 1998 u t-tieni bejn din id-data tal-aħħar sa dik tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tal-ewwel perijodu, il-Kummissjoni qabel kollox, fil-premessi 388 sa 390 tad-deċiżjoni kkontestata, ifformulat il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

–        żewġ terzi tal-kapital ta’ WWTE kienu miżmuma minn SCC permezz ta’ TCLT, li kienet sussidjarja ta’ SCTC;

–        il-bqija tal-kapital ta’ WWTE kien miżmum minn tliet persuni fiżiċi, jiġifieri l-president ta’ WWTE u żewġ membri tal-familja tiegħu;

–        id-deċiżjonijiet fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ WWTE kienu jeħtieġu vot favorevoli tal-azzjonisti li jirrapreżentaw mill-inqas 75 % tal-kapital;

–        il-bord tad-diretturi ta’ WWTE kien kompost minn erba’ membri maħtura fil-laqgħa ġenerali;

–        tnejn minn dawn il-membri – fosthom il-president ta’ WWTE, li kien jiddisponi minn vot ta’ preferenza – kien jirrapreżenta l-azzjonisti minoritarji;

–        fost dawn iż-żewġ membri, fosthom hemm il-viċi president ta’ SCC, responsabbli għall-attivitajiet tal-grupp fl-Ewropa, M. V.;

–        id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE ġew adottati permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

35      Fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi mill-elementi preċedenti li, waqt l-ewwel perijodu, WWTE kienet ikkontrollata in solidum minn SCC (permezz ta’ SCTC u TCLT) u mill-president ta’ WWTE u mill-familja tiegħu.

36      Wara, fl-istess premessa, hija tiddikjara serje ta’ elementi, li jidhru fil-fajl tagħha, li jistabbilixxu li, waqt dan l-istess perijodu, SCC “u/jew is-sussidjarji tagħha” eżerċitaw influwenza effettiva fuq l-aġir ta’ WWTE fi Spanja.

37      Fl-aħħar, fil-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li, fir-rigward tal-imsemmija elementi “hemm lok li jiġi konkluż li bejn l-1996 u Mejju 1998, filwaqt li SCC ma kkontrollatx, permezz tas-sussidjarji tagħha TCLT u SCTC, iktar minn żewġ terżi tal-kapital ta’ WWTE, hija kienet madankollu implementat mekkaniżmi li, flimkien, ippermettewlha tkun taf l-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha fi Spanja u għaldaqstant effettivament tikkontrolla l-politika kummerċjali tagħha”.

38      Fir-rigward tat-tieni perijodu, fil-premessi 393 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telenka serje ta’ elementi li juru li, minn Mejju 1998, SCC, kemm direttament u kemm permezz ta’ SCTC u TCLT, kellha kontroll esklużiv ta’ WWTE u eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Dawn l-elementi huma dawn li ġejjin:

–        f’Mejju 1998, TCLT żiedet il-holding tagħha fil-kapital ta’ WWTE għal 86.94 %, il-bqija tal-kapital inżamm minn WWTE (9.73 %) u minn persuna fiżika (3.33 %);

–        f’Ottubru 1998, WWTE akkwistat l-ishma ta’ din l-aħħar imsemmija persuna u SCC akkwistat holding dirett ta’ 0.04 % f’WWTE;

–        f’Mejju 1999, TCLT u SCC żiedu l-holding tagħhom fil-kapital ta’ WWTE għal 89.64 % u għal 0.05 %, rispettivament;

–        ir-regoli tal-laqgħa ġenerali ta’ WWTE ma tbiddlux, fis-sens li, minn Mejju 1998, SCC tikkontrolla l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fi ħdan din il-laqgħa ġenerali;

–        iż-żewġ membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE li jirrapreżentaw l-azzjonisti minoritarji tkeċċew u ġew issostitwiti minn żewġ membri ġodda maħtura fil-laqgħa ġenerali;

–        minn Mejju 1998, id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE jeħtieġu l-vot favorevoli ta’ tlieta mill-erba’ membri tiegħu;

–        mill-1998, M. V., għandu rwol fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kultivazzjoni li jsiru bejn WWTE u l-gruppi ta’ produtturi;

–        il-“manwal tal-proċeduri u tas-sistemi ta’ kontroll interni” ta’ WWTE tal-2000 (iktar ’il quddiem il-“manwal ta’ WWTE”) isemmi li “[l]-President, flimkien mad-Direttur għax-xiri, huwa direttament responsabbli għall-[proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti] li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mill-kumpannija parent, li tapprova l-baġit għal kull sena fix-xahar ta’ Marzu”.

39      Fil-premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “[l]-argumenti ppreżentati minn SCC fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tiġġustifikax konklużjoni differenti f’dan ir-rigward”. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, “l-eżistenza ta’ direzzjoni lokali tas-sussidjarja Spanjola [ma ddaħħalx inkwistjoni l-konklużjoni li tipprovdi li] SCC eżerċitat influwenza determinanti fuq din l-istess sussidjarja”.

40      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-Premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mill-inqas mill-1996, “SCC u/jew is-sussidjarji tagħha SCTC u TCLT” kellhom influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE u għandhom għaldaqstant jinżammu responsabbli in solidum għall-prattiċi li hija akkużata bihom din tal-aħħar u jidhru fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

41      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li mill-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-Qorti Ġenerali) ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti fil-21 ta’ Jannar 2005.

42      Fl-istess ġurnata, WWTE ppreżentat rikors għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-37/05).

43      Fit-22 ta’ Jannar 2005, Agroexpansión ippreżentat ukoll rikors għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-38/05).

44      Fit-28 ta’ Jannar 2005, Dimon ippreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha minn din id-deċiżjoni (Kawża T-41/05).

45      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti talbu li l-kawża preżenti tingħaqad mal-Kawżi T-37/05, T-38/05 u T‑41/05.

46      Il-Kummissjoni indikat lill-Qorti Ġenerali, b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2005, li hija kkunsidrat li t-tagħqid tal-erba’ kawżi ma jippermettix li titjieb kunsiderevolament l-effiċjenza tal-proċedura u li kienet ser tħalli lilha tiddeċiedi jekk kienx konvenjenti jew le li tilqa’ din it-talba għat-tgħaqqid tal-kawżi.

47      Il-Qorti Ġenerali ma laqatx din it-talba għat-tgħaqqid tal-kawżi.

48      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokument u sabiex twieġeb għal ċerti domandi. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fiż-żmien mogħti.

49      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2009.

50      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). It-tieni parti, invokata sussidjarjament, hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Peress li dawn il-motivi huma marbuta b’mod strett, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

1.     L-argumenti tal-partijiet

53      Fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, billi żammithom responsabbli għall-ksur imwettaq minn WWTE.

54      Huma jesponu li, skont il-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex impriża tkun tista’ tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq minn impriża oħra: mhux biss l-ewwel impriża għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tat-tieni waħda, iżda wkoll, din għandha tkun effettivament għamlet użu minn din l-influwenza.

55      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, waqt il-perijodu preċedenti għall-Mejju 1998, TCLT ma kinitx f’pożizzjoni sabiex ikollha influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE u ma kellhiex setgħa ta’ direzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar sal-punt li ċċaħħadha minn kull awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-azzjonijiet tagħha fis-suq. Huma jikkunsidraw li l-Kummissjoni, attribwixxiet b’mod żbaljat lil TCLT u, għaldaqstant, lil SCTC u lil SCC, il-ksur imwettaq minn WWTE waqt l-imsemmi perijodu.

56      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari l-fatt li SCTC u SCC żammew biss parteċipazzjoni indiretta f’WWTE, li WWTE kienet ikkontrollata minn TCLT, minn naħa, u mill-president ta’ WWTE u l-familja tiegħu min-naħa l-oħra, u li l-“elementi tal-fajl” li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata ma jurux li hija kienet f’pożizzjoni li jkollha influwenza determinanti fuq WWTE.

57      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-kunċett ta’ “kontroll konġunt” previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), ma jikkorrispondix għas-setgħa li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. F’dan ir-rigward, minn naħa, huma jsostnu li dan ir-regolament ma jistax jiġi applikat b’analoġija għall-kawża preżenti. Min-naħa l-oħra, huma jallegaw li, anki jekk jitqies li l-indikazzjonijiet jistgħu jinsabu fl-imsemmi regolament, huwa l-kunċett ta’ “kontroll esklużiv”, u mhux dak ta’ “kontroll konġunt” li jkun adattat sabiex jiddefinixxi is-“setgħa li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja”.

58      Fir-rigward tal-perijodu sussegwenti għall-Mejju 1998, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq WWTE.

59      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex din tiġi sodisfatta, irid ikun il-każ li l-kumpannija parent tat lis-sussidjarja tagħha istruzzjonijiet diretti sabiex twettaq il-ksur jew li pparteċipat b’mod dirett fih. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huma jinvokaw b’mod partikolari l-konstatazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata u li tipprovdi “[barra] ir-rabta soċja[li] bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, il-fajl ma fih l-ebda indikazzjoni ta’ parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata].

60      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni żbaljat meta allegat li huwa suffiċjenti li turi li s-sussidjarja ma għandhiex awtonomija totali fid-determinazzjoni tal-azzjonijiet tagħha fis-suq – u dan mingħajr ma stabbilixxiet rabta speċifika mal-aġir li jikkostitwixxi ksur – sabiex jiġi stabbilit li ġiet eżerċitata effettivament influwenza determinanti. Minn naħa, huma jqisu li l-pożizzjoni b’hekk difiża mill-Kummissjoni ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza li hija tinvoka. Min-naħa l-oħra, huma jaffermaw li l-imsemmija ġurisprudenza għandha tkun ibbażata fuq il-“politika kummerċjali li tirrigwarda l-ksur”. Issa, fil-kawża preżenti, il-ksur twettaq fis-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, jiġifieri f’suq li fih, WWTE gawdiet awtonomija totali u li ma jaqax taħt il-“politika kummerċjali jew ta’ bejgħ” tagħha. Fl-istess sens, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni jirrigwardaw biss il-finanzjament u l-bejgħ tat-tabakk, u mhux ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum.

61      It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li, fil-każ ta’ grupp ta’ kumpanniji vertikalment integrati, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja ma jistax jiġi awtomatikament attribwit lil kumpannija li hija l-kap ta’ dan il-grupp. Hija biss il-kumpannija parent li tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja kkonċernata jew li ddiriġiet l-aġir tagħha li essenzjalment tista’ tiġi attribwita b’tali responsabbiltà.

62      It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li hija l-Kummissjoni li għandha turi li huma taw istruzzjonijiet lil WWTE. Huma jsostnu li ma jistax jiġi preżunt li kumpannija, meta hija żżomm 100 % tal-kapital ta’ kumpannija oħra, għandha effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Huma jirrilevaw b’mod partikolari li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni u PVC II, punt 27 iktar ’il fuq, il-qorti Komunitarja ma użatx biss tali preżunzjoni, iżda eżaminat ukoll fil-fond il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fis-suq.

63      F’kull każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma invokatx il-preżunzjoni iċċitata iktar ’il fuq la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, hija ma tistax issemmiha għall-ewwel darba fid-difiża tagħha. Ir-rikorrenti jżidu li, fil-premessi 18 u 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, anki fil-każ ta’ żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja, hija għandha tipprovdi provi addizzjonali sabiex tikkonstata li l-kumpannija parent tas-sussidjarja hija responsabbli għall-aġir tagħha.

64      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinsistu dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha tressaq provi li ġiet eżerċitata influwenza determinanti għal kull waħda minnhom. F’dan il-kuntest, huma jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tistax tallega li M. V. “wettaq funzjonijiet fuq il-livell ta’ direzzjoni tal-grupp”, fis-sens tal-punt 37 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T-31/99, Ġabra p. II-1881). Huma jirrilevaw li M. V. qatt ma ġie maħtur minn SCC – fis-sens li ma jistax jitqabbel mad-“diriġenti għolja” previsti minn din is-sentenza – u li lanqas ma kien il-persuna responsabbli għat-totalità tal-attivitajiet tal-grupp Standard f’reġjun jew pajjiż partikolari, jew responsabbli, fi ħdan l-imsemmi grupp, tad-direzzjoni kummerċjali fuq livell dinji tal-impriżi kollha attivi fil-qasam ikkonċernat. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li M. V. kellu rwol ta’ rappreżentanza ta’ Standard Commercial Tobacco Services Ltd (iktar ’il quddiem “SCTL”) fl-Ewropa, iżda s-setgħat tiegħu rriżultaw mill-kwalità tiegħu ta’ membru tal-bord tad-diretturi tas-sussidjarji lokali – fosthom WWTE – u mhux ta’ mandat mogħti lilu minn SCC. Il-funzjonijiet ta’ M. V. kienu llimitati għall-koordinazzjoni tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat mill-intermedjarju tan-netwerk ta’ bejgħ internazzjoni tal-grupp Standard.

65      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw il-perijodu preċedenti għal Mejju 1998. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma ressqitx provi li jistabbilixxu li, waqt dan il-perijodu, l-ebda waħda minnhom ma kienet tat istruzzjonijiet lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv. B’mod partikolari, il-provi msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex provi suffiċjenti f’dan ir-rigward.

66      Fuq dan l-aħħar punt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova u lanqas l-ebda argument fir-rigward ta’ TCLT. Huma jsostnu b’mod partikolari li din tal-aħħar hija impriża mingħajr attività proprja, fejn il-parteċipazzjoni tagħha fi WWTE hija purament finanzjarja.

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li M. V. kien jaħdem għal SCTL, u mhux għal SCC. Huma jżidu li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li M. V. kellu r-responsabbiltà ġenerali tal-attivitajiet tal-grupp Standard fl-Ewropa u kien jaġixxi bħala rappreżentant ta’ SCC hija ġenerali ħafna u, konsegwentement, hija infondata. F’kull każ, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistabbilixxux li SCTC tat lil WWTE xi istruzzjonijiet diretti sabiex taġixxi b’mod antikompetittiv.

68      It-tielet nett, ir-rikorrenti jaffermaw li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li M. V. kien “responsabbli għar-relazzjonijiet bejn WWTE u l-kumpanniji parent tagħha” (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata) hija ġenerali ħafna, u, minħabba dan, infondata. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma wrietx kif l-imsemmija “relazzjonijiet” jinkludu l-fatt li WWTE ngħatat xi istruzzjonijiet.

69      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996 imsemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata jirriferu biss għal SCTC, fis-sens li SCC u TCLT ma humiex previsti mill-argumenti li tibbaża fuqhom il-Kummissjoni. SCTC iżżid li l-minuti ma jurux li hija tat istruzzjonijiet lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv. Fil-fatt, SCTC ma hijiex konsultata, u lanqas ma trid tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha, ħlief fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma jirrigwardawx ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum, jiġifieri b’mod partikolari l-bejgħ tat-tabakk ipproċessat u l-ispejjeż straordinarji.

70      Il-ħames nett, TCLT ssostni li l-Kummissjoni ma allegatx li TCLT kienet ikkonċernata b’xi waħda mill-faks imsemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata. SCC issostni li dawn il-faks intbagħtu lil impjegat ta’ kumpannija marbuta ma’ SCTC, u mhux lilha stess. Ir-riferiment għall-isem “Standard Commercial UK” f’xi wħud mill-imsemmija faks kien żball ta’ min bagħathom, peress li SCC ma għandha l-ebda rappreżentanza fir-Renju Unit. Huwa żbaljat wkoll ir-riferiment għall-kwalità ta’ viċi president ta’ SCC ta’ M. V. fir-rapporti annwali ta’ SCC. Fir-rigward ta’ SCTC, hija tirrileva li huwa biss indikat fil-faks imsemmija li huwa possibbli li M. V. kif ġie informat bil-kondotta ta’ WWTE u tikkunsidra li minn dan ma jistax jiġi dedott li hija tat istruzzjonijiet lil din tal-aħħar sabiex taġixxi b’mod antikompetittiv.

71      Il-ħames nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw il-perijodu sussegwenti għall-Mejju 1998. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li, waqt dan il-perijodu, kwalunkwe waħda minnhom tat istruzzjonijiet lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv.

72      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma jsostnu li l-konstatazzjonijiet li jidhru fil-premessi 396 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw biss lil SCTC.

73      It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 398 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 313 tad-deċiżjoni kkontestata. Qabel kollox, huma jikkunsidraw li l-“kuntratti ta’ provvista Spanjoli għal żmien twil”, li għalihom isir riferiment f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma jippreżentaw l-ebda konnessjoni mal-ksur ikkonċernat u li għaldaqstant ma jistgħux iservu bħala prova li waħda minnhom tat istruzzjonijiet lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv. Sussegwentement, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax targumenta abbażi tal-manwal ta’ WWTE. F’dan ir-rigward, minn naħa, huma jallegaw li dan il-manwal ma jurix suffiċjentement li SCTC tat istruzzjoni lil WWTE sabiex twettaq ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, huma jiddikjaraw li l-imsemmi manwal “jipprovdi li SCTC tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha qabel il-bidu tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti”, li jfisser, fil-prattika, li hija “tawtorizza l-kwantitajiet ta’ tabakk li jinxtara fi Spanja”. Huma jippreċiżaw li din l-awtorizzazzjoni tingħata fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-baġit annwali u li ma tikkostitwixxix awtorizzazzjoni ta’ xiri bi prezz determinat jew li tiffissa l-prezz skont metodu jew formula partikolari. Suġġett għall-ispejjeż awtorizzati minn SCTC, WWTE “timplementa b’mod totalment awtonomu politika ta’ xiri indipendenti”. Huma jżidu li l-manwal sar fl-2000, fis-sens li ma jistax iservi sabiex jiġi stabbilit li SCTC eżerċitat influwenza determinanti fuq WWTE minn Mejju 1998.

74      Is-sitt nett, ir-rikorrenti jqisu li huma wrew suffiċjentement skont il-liġi li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq, u mhux taħt istruzzjonijet tagħhom, meta twettaq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

75      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma jirrilevaw li l-Kummissjoni ma kkontestatx li WWTE għandha tmexxija lokali proprja.

76      It-tieni nett, huma jinvokaw il-fatt li WWTE għandha assi u persunal tagħha stess.

77      It-tielet nett, huma jerġgħu jsostnu li SCTC pparteċipat fil-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk ipproċessat, filwaqt li WWTE kienet responsabbli biss għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum.

78      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-grupp Standard għandu struttura deċentralizzata u li “s-suq Spanjol tat-tabakk jirrappreżenta parti ċertament ftit sinjifikattiva tal-attivitajiet ġenerali tal-grupp”.

79      Il-ħames nett, fir-replika, ir-rikorrenti jiddikjaraw li TCLT għandha biss assi finanzjarji, ma twettaqx attivitajiet u ma timpjegax persunal. Huma jsostnu li TCLT xtrat tabakk ipproċessat mingħand WWTE “formalment” biss, “sabiex tirreġistra qligħ fil-kontijiet ta’ WWTE”, u li SCTC ma kienet bl-ebda mod interessata fl-istrateġija ta’ xiri ta’ din tal-aħħar, li taqa’ essenzjalment taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-president ta’ WWTE.

80      Ir-rikorrenti tikkonkludi mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement li kwalunkwe waħda minnhom kienet tat istruzzjonijiet lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

81      Fit-tieni parti tal-ewwel motiv, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-Artikolu 253 KE sa fejn hija mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha li tipprovdi li huma għandhom jinżammu bħala responsabbli in solidum għall-aġir ta’ WWTE.

82      Fir-rigward tat-tieni motiv, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jesponu li l-Kummissjoni użat kriterji differenti sabiex tikkonkludi li Universal, Universal Leaf Tobacco Co. Inc. (iktar ’il quddiem “Universal Leaf”) u Sepi ma kinux responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji rispettivi tagħhom. Fil-fatt, hija kienet ivverifikat jekk il-fajl tagħha kienx fih, minn naħa, xi “indikazzjoni[jiet] tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]” (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra xi “komunikazzjoni[jiet] dirett[i] bejn Cetarsa u Sepi dwar is-suġġett tal-kawża preżenti” (premessi 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Issa l-Kummissjoni ma ressqitx provi dwar la kwalunkwe parteċipazzjoni materjali ta’ SCC, ta’ SCTC jew ta’ TCLT fil-ksur imwettaq minn WWTE, u lanqas tal-iċken komunikazzjoni diretta bejn waħda minn dawk tal-ewwel, ma’ din tal-aħħar dwar is-suġġett tal-kawża preżenti.

84      It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ttrattat b’mod iktar favorevoli lil Intabex minn TCLT. Huma jikkritikaw il-fatt li, TCLT, b’differenza għal Intabex, ġiet ikkunsidrata bħala waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u inżammet bħala responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, filwaqt li l-parteċipazzjoni tagħha hija purament finanzjarja u li l-Kummissjoni ma ressqitx provi tal-parteċipazzjoni materjali tagħha fil-fatti li WWTE hija akkużata bihom.

85      Ir-rikorrenti jikkunsidraw il-fatt li TCLT fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma semmietx li l-parteċipazzjoni tagħha fi WWTE kienet purament finanzjarju u nieqsa minn rilevanza. Huma jsostnu li hija l-Kummissjoni li għandha turi li TCLT setgħat tiġi ddikjarata responsabbli. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Kummissjoni ma tistax tallega b’mod utli li TCLT kienet ix-xerrej prinċipali ta’ WWTE mill-1996 sal-1999. Fil-fatt, minn naħa, ix-xiri kien twettaq esklużivament għal raġunijiet fiskali u, fil-prattika, TCLT ma rċeviet l-ebda kunsinna ta’ tabakk. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma sostnietx dan l-argument.

86      It-tielet nett, ir-rikorrenti jenfassizzaw li huma ma jinvokawx għall-benefiċċju tagħhom att illegali imwettaq favur terz. Huma jindikaw, b’mod iktar preċiż, li huma ma jallegawx li l-Kummissjoni naqset illegalment milli żżomm responsabbli lil Universal, Universal Leaf, Sepi jew Intabex jew milli tibgħatilhom id-deċiżjoni kkontestata. Huma jsostnu li, jekk il-Kummissjoni tqis, billi tibbaża ruħha fuq kriterju partikolari, li impriża ma għandhiex tkun destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha tapplika dan l-istess kriterju b’mod nondiskriminatorju fuq l-impriżi l-oħra kkonċernati kollha.

87      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tqis li dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

88      It-tieni nett, il-Kummissjoni hija tal-istess opinjoni bħar-rikorrenti fis-sens li, sabiex kumpannija parent tkun tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir implementat mis-sussidjarji tagħha, għandu jkun il-każ, minn naħa, li hija kellha l-possibbiltà teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li tkun effettivament eżerċitat din l-influwenza.

89      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tindika li din ġiet iddefinita b’mod biżżejjed preċiż mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 139/2004. Hija tirriferi, b’mod iktar partikolari, għall-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija tiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li influwenza ma hijiex “determinanti” ħlief meta tkun “esklużiva” (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

90      Fir-rigward tat-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 88 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li hija teħtieġ li l-kumpannija parent tkun tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha sabiex tikser l-Artikolu 81 KE jew li pparteċipat direttament fil-ksur. Hija tafferma li, billi tiddefinixxi din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza tirriferi b’mod kostanti għan-nuqqas ta’ awtonomija ta’ sussidjarja fid-determinazzjoni tal-azzjoni tagħha fis-suq, u dan mingħajr ma tistabbilixxi rabta speċifika mal-aġir li jikkostitwixxi ksur.

91      Il-Kummissjoni ssostni li fost l-provi ta’ natura li jistabbilixxu t-twettiq effettiv ta’ kontroll fuq il-politika tas-sussidjarja, jidher il-fatt li l-kumpannija parent hija rrapreżentata fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-imsemmija sussidjarja. Hija żżid li sussidjarja inqas jista’ jkollha awtonomija meta hija attiva fl-istess suq bħall-kumpannija parent jew f’suq strettament relatat. Barra dawn l-elementi ġenerali, ċerti elementi speċifiċi jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintwera li l-kumpannija parent ipparteċipat fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja jew li implementat mekkaniżmi li jippermettulha tissorvelja l-attivitajiet tagħha.

92      Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza aċċettat li, meta sussidjarja hija miżmuma 100 % mill-kumpannija parent, din tal-aħħar hija preżunta li teżerċita s-setgħa ta’ influwenza tagħha fl-aġir tas-sussidjarja. Il-kumpannija parent tkun tista’ tinnega din il-preżunzjoni billi tressaq provi ta’ natura li juru li l-imsemmija sussidjarja taġixxi fir-realtà b’mod awtonomu fis-suq.

93      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq, tapplika kemm fil-każ fejn kumpannija parent iżomm b’mod dirett holding ta’ 100% fis-sussidjarja u kemm fil-każ fejn hija żżomm tali holding b’mod indirett.

94      Il-tieni nett, il-Kummissjoni teżamina l-perijodu preċedenti għall-Mejju 1998.

95      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li, fil-premessi 388, 390 u 391 tad-deċiżjoni kkontestata, hija stabbilixxiet suffiċjentement fil-liġi li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jeżerċitaw influwenza determinanti fuq WWTE waqt dan il-perijodu.

96      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fil-premessa 391 tagħha, diversi elementi li jistabbilixxu li l-kumpanniji parent ta’ WWTE kienu implementaw xi mekkaniżmi li ppermettewlhom jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Hija tippreċiża, f’dan il-kuntest, li l-fatt li ġiet eżerċitata realment influwenza determinanti, jikkostitwixxi l-aħjar kriterju oġġettiv sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija parent kinitx f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza.

97      Fir-rigward tal-elementi msemmija, il-Kummissjoni, qabel kollox, tinsisti fuq ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ M. V. fi ħdan il-grupp Standard. Hija tqis b’mod partikolari li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li M. V. ma kienx impjegat minn SCC, SCTC jew TCLT u lanqas ma kellu pożizzjoni ta’ “corporate officer” f’waħda minn dawn il-kumpanniji. Li huwa importanti, huwa biss li jsir magħruf jekk huwa [wettaqx xi funzjonijiet fuq il-livell ta’ direzzjoni tal-grupp” (sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 37).

98      Wara, il-Kummissjoni tirriferi għall-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996.

99      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li l-korrispondenza msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-president ta’ WWTE informa lil M. V. mhux biss dwar l-attivitajiet ta’ xiri ta’ tabakk ta’ din il-kumpannija, iżda wkoll dwar l-akkordji fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet konklużi ma’ proċessuri oħra.

100    It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li, fi ħdan il-grupp Standard, TCLT hija l-unika kumpannija li żżomm parteċipazzjoni diretta f’WWTE ma jostakolax lil SCC u SCTC milli jeżerċitaw influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Hija tallega li diversi elementi juru l-eżistenza ta’ rabta bejn WWTE u r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija tirrileva b’mod partikolari li TCLT ħatret tnejn mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE u li kienet l-klijent prinċipali ta’ din tal-aħħar bejn l-1996 sa 1999, li SCTC hija attiva fil-qasam tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk u hija l-klijent prinċipali ta’ WWTE mill-2000, u li l-viċi president ta’ SCC li huwa responsabbli għall-attivitajiet f’dan il-qasam tat-tabakk fl-Ewropa huwa membru tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE. Hija tesponi li, f’dan il-grupp, kull kumpannija tgawdi rwol iddeterminat: WWTE tixtri t-tabakk mhux maħdum fi Spanja u tipproċessah; il-prodott tagħha wara jinxtara direttament minn TCLT u SCTC; dawn tal-aħħar jikkumerċjalizzaw dawn il-prodotti permezz tan-netwerks ta’ bejgħ ta’ SCC, li tikkoordina l-attivitajiet ta’ diversi kumpanniji operattivi tal-grupp.

101    Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dak kollu li ntqal qabel li hija ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi billi kkunsidrat li, waqt il-perijodu preċedenti għax-xahar ta’ Mejju 1998, WWTE ifformat unità ekonomika mal-grupp Standard u li r-rikorrenti kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa.

102    It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkunsidra l-perijodu sussegwenti għall-Mejju 1998.

103    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hija tirrileva li r-rikorrenti ma jikkontestawx li, waqt dan il-perijodu, huma kienu f’pożizzjoni jeżerċitaw influwenza determinanti fuq WWTE.

104    It-tieni nett, il-Kummissjoni tindika li l-grupp Standard għandu, minn Mejju 1998, il-kontroll esklużiv ta’ WWTE u jżomm, minn Ottubru 1998, 100 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar. Hija tikkunsidra li hija setgħat, għaldaqstant, tippreżumi b’mod leġittimu li r-rikorrenti eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħhom.

105    Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma għamlitx użu minn din il-preżunzjoni sabiex iżommhom responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE. Hija tiċħad b’mod partikolari l-interpretazzjoni li huma jagħtu lill-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), fejn jaffermaw li minn din il-premessa kif ukoll mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “r-raġuni għalfejn [hija] ma indirrizzatx [din id-deċiżjoni] lil Intabex u lil Universal tinsab fl-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta, li kienu suffiċjenti sabiex tiġi nnegata kwalunkwe preżunżjoni li ġie eżerċitat effettivament kontroll ibbażat fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kapital tas-sussidjarji tagħhom”. Hija tippreċiża li ma setgħatx tibbaża ruħha fuq l-imsemmija preżunzjoni fil-każ ta’ Taes peress li l-kumpanniji parent tagħha, jiġifieri Universal u Universal Leaf, kellhom biss 90 % tal-kapital tagħha. Fir-rigward ta’ Deltafina, li kienet ikkontrollata 100 % minn Universal u Universal Leaf, il-Kummissjoni ssostni li dawn tal-aħħar irnexxielhom jinnegaw l-imsemmija preżunzjoni u li r-rikorrenti qatt ma allegaw li l-fajl tagħha kien fih elementi li juru li seħħet influwenza determinanti mill-imsemmija kumpanniji parent fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja.

106    It-tielet nett, il-Kummissjoni tesponi li, fil-premessi 395 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssemmi l-elementi supplementari li jsostnu l-konklużjoni tagħha li tipprovdi li r-rikorrenti effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE.

107    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq ċerti paragrafi ta’ memorandum tal-kumitat eżekuttiv ta’ SCTC lil M. V., dwar il-“kuntratti ta’ provvista Spanjoli għal żmien twil” (premessa 396 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    Element ieħor invokat mill-Kummissjoni huwa l-fatt, imsemmi fil-premessa 398 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 314 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-baġit annwali ta’ WWTE huwa approvat mill-bord tad-diretturi tagħha “bla ħsara għall-emendi proposti mill-kumpannija parent”.

109    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirriferi għall-konstatazzjonijiet dwar il-manwal ta’ WWTE li hija wettqet fil-premessa 398 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tirrileva b’mod partikolari li r-rikorrenti ammettew li SCTC kellha tapprova l-baġit għax-xiri tat-tabakk qabel ma l-president ta’ WWTE jibda kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti.

110    Il-Kummissjoni żżid li l-fajl tagħha fih diversi eżempji li juru li r-rikorrenti eżerċitaw influwenza determinanti fuq WWTE.

111    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-elementi invokati mir-rikorrenti, kif riprodotti fil-punti 75 sa 79 iktar ’il fuq, ma jurux suffiċjentement fid-dritt li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq.

112    Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tikkontesta li hija kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

113    Qabel kollox, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju tal-legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor. Hija tqis li, għaldaqstant, anki jekk jidher li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex indirizzata lil ċerti impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tar-rikorrenti, tali ċirkustanza hija nieqsa minn rilevanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar.

114    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija differenti minn dik ta’ Universal, ta’ Universal Leaf u ta’ Sepi, fis-sens li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kawża preżenti. B’mod iktar partikolari, billi tirriferi għall-premessi 18, 375, 376, 384 u 385 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tafferma li ma għandhiex provi suffiċjenti sabiex tikkonkludi li Taes, Deltafina u Cetarsa ma aġġixxewx b’mod awtonomu fuq il-livell kummerċjali meta mqabbla mal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom.

115    Fir-rigward, minn naħa, ta’ Taes u ta’ Deltafina, il-Kummissjoni tindika li, inizjalment, hija kienet indirizzat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhux biss lil dawn il-kumpanniji, iżda wkoll liż-żewġ kumpanniji parent tagħha. Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll waqt is-seduta, l-imsemmija kumpanniji parent kienu madankollu ppreżentaw l-argumenti “dettaljati u konvinċenti” tagħhom li wassluha sabiex tikkunsidra li huma ma fformawx unità ekonomika ma’ Taes u Deltafina.

116    Il-Kummissjoni tallega li s-silta tal-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata invokata mir-rikorrenti (ara l-punti 59 u 82 iktar ’il fuq) għandha tinqara “fil-kuntest tal-premessa 18 u ta’ [din] id-deċiżjoni fit-totalità tagħha”. Hija tinsisti dwar il-fatt li, fl-ebda parti mid-deċiżjoni kkontestata, hija ma tafferma li sabiex kumpannija parent tkun tista’ tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, għandha tintwera l-“parteċipazzjoni materjali” tal-imsemmija kumpannija parent fil-ksur. Billi tevoka, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqas ta’ “parteċipazzjoni materjali […] fil-fatti eżaminati f’din id-deċiżjoni”, hija tirriferi għan-“nuqqas ta’ fatti materjali li juru l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti”. Bil-kontra, tali fatti materjali huma preżenti fil-każ tar-rikorrenti.

117    Fir-rigward ta’, b’mod iktar preċiż, Deltafina, il-Kummissjoni tressaq li, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kellha biss l-intenzjoni tindika li Universal u Universal Leaf kienu ppreżentaw argumenti li juru l-awtonomija kummerċjali tas-sussidjarja tagħhom u li għaldaqstant kienu “nnegaw il-preżunzjoni”. Hija tesponi li “jista’ jkun li l-kliem [ta’ din il-premessa] ma humiex sodisfaċjenti”, iżda tqis li ma setgħux iwasslu lir-rikorrenti sabiex jemmnu li hija ma setgħatx iżżomm lil Universal u lil Universal Leaf responsabbli għall-aġir ta’ Deltafina ħlief kieku kienet ressqet prova tal-parteċipazzjoni diretta tagħhom fil-ksur.

118    Fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), sabiex tagħti xi preċiżazzjonijiet fuq l-argumenti “dettaljati u konvinċenti” imsemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni madankollu ammettiet li, bil-kontra ta’ dak li kienet indikat fil-kitbiet tagħha, ma huwiex il-fatt li Universal u Universal Leaf kien irnexxielhom, fil-proċedura amministrattiva, jinnegaw il-preżunżjoni li tirriżulta miż-żamma ta’ 100 % tal-ishma ta’ Deltafina li kien wassalha sabiex ma żżommhomx responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha. Hija ddikjarat li, f’dak iż-żmien, kienet teżisti ħafna ġurisprudenza li ssostni t-teżi tagħha li tipprovdi li ż-żamma tal-kapital ta’ sussidjarja hija suffiċjenti “fiha nnifisha”, sabiex tippermetti li jiġi preżunt li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja. Madankollu, fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija kellha bħala politika li “tagħmel użu prudenti ta’ din il-preżunzjoni u li tibbaża l-konstatazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent, sa fejn huwa possibbli, fuq bażi doppja: tuża l-preżunzjoni għas-sussidjarji b’100 % u tilqa’ għal kull attentat sabiex tiġi nnegata l-preżunzjoni billi tistabbilixxi speċifikament l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti permezz ta’ provi supplementari”. Hija żiedet li, billi fil-fajl tagħha ma kellha l-ebda element speċifiku li seta’ juri li Universal u Universal Leaf eżerċitaw influwenza effettiva fuq l-aġir kummerċjali ta’ Deltafina, hija ddeċidiet li ma żżommx lil dawn tal-ewwel responsabbli għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. Il-Kummissjoni ppreċiżat li kienet inqas inklinata li tibbaża ruħha fuq l-imsemmija preżunżjoni fil-każ ta’ Deltafina peress li din tal-aħħar ma kinitx attiva fis-suq tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja.

119    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, ta’ Cetarsa, il-Kummissjoni ddikjarat li din il-kumpannija hija proprjetà ta’ Sepi, kumpannija holding tal-Istat li tagħmel parti mill-privatizzazzjoni li qed iseħħ fi Spanja tal-kumpanniji industrijali ssussidjati mill-Istat u li qiegħda taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Spanjol. Hija tallega li fil-fajl tagħha ma kellha l-ebda element ta’ natura li tindika li Cetarsa ma ddeterminatx l-aġir kummerċjali tagħha b’mod kompletament awtonomu, billi tfakkar f’dan ir-rigward il-konstatazzjonijiet imwettqa fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 30 iktar ’il fuq). Hija żżid li din il-premessa tal-aħħar ma tistax tiġi interpretata li tfisser li r-raġuni għalfejn Sepi ma nżammitx responsabbli għall-aġir ta’ Cetarsa hija n-nuqqas ta’ provi ta’ komunikazzjoni diretta bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Hija ssostni li, f’din il-premessa, hija tirrispondi għall-argumenti speċifiċi ppreżentati minn Dimon waqt il-proċedura amministrattiva u għaldaqstant hija kkonċentrata fuq id-differenza bejn din il-kumpannija tal-aħħar u Sepi.

120    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li TCLT kienet f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ Intabex.

121    Hija tindika li hija qieset, fid-deċiżjoni kkontestata li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Intabex uriet li, fir-rigward tan-natura purament finanzjarja tal-parteċipazzjoni tagħha f’Agroexpansión, hija ma kinitx f’pożizzjoni teżerċita l-iċken influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Bil-kontra, TCLT, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma ppreżentat l-ebda argument f’dan is-sens. Il-Kummissjoni żżid li, f’kull każ, TCLT kienet il-klijent prinċipali ta’ WWTE mill-1996 sal-1999 u kienet tinsab, minħabba dan, f’sitwazzjoni differenti għal dik ta’ Intabex.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Osservazzjonijiet preliminari fuq l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent tagħha

122    Għandu jiġi mfakkar li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I -5425, punt 112).

123    Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40 u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II-3319, punt 85).

124    Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, u ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39).

125    Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi. Għall-finijiet tal-applikazzjoni u t-twettiq tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 27 iktar ’il fuq, punt 978).

126    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15), b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 117, kif ukoll ETI et, punt 124 iktar ‘il fuq, punt 49).

127    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 122 u 123 ta’ din is-sentenza. Ma hijiex rabta ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T-112/05, Ġabra p. II-5049, punt 58).

128    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent qiegħda f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 137, u AEG-Telefunkenvs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 50).

129    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 136 u 137), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 50, u s-sentenza PVC II, punt 27 iktar ’il fuq, punti 961 u 984).

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lill-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 29).

131    Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 129 ta’ din is-sentenza għall-produzzjoni ta’ indizji supplementari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T 69/04, Ġabra p. II-2567, punt 57).

132    Fl-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat li preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità ta’ kapital tista’ tapplika mhux biss f’każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każ, bħal dak fil-kawża preżenti, fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

 Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-imputabbiltà ta’ kumpannija parent tar-responsabbiltà għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha

133    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u, konsegwentement, sabiex tidher fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li tiġi ddikjarata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq l-imsemmija sussidjarja, il-Kummissjoni segwiet ir-raġunament li ġej.

134    Il-Kummissjoni bdiet mill-premessa li tali imputabbiltà hija possibbli meta l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u, konsegwentement, jikkostitwixxu impriża unika fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara l-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    L-element ċentrali li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jinsabu fl-istess każ bħal dan huwa n-nuqqas ta’ awtonomija ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq (ara l-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dan in-nuqqas ta’ awtonomija huwa korollarju tal-eżerċizzju ta’ “influwenza determinanti” tal-kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara l-premessi 18, 372, 373, 378, 380, 381, 383, 391, 392, 397, 399, 400, 422 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li hija ma setgħatx tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent kellha l-possibbiltà teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja taghha, iżda għandha turi li din l-influwenza ġiet effettivament eżerċitata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 18, 376, 384, 391, 392, 397, 399 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    B’hekk, b’mod partikolari, mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li Sepi tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha Cetarsa, fejn hija żammet kważi 80 % tal-kapital tagħha, huwa minħabba l-fatt li hija ma kellha l-ebda element fil-fajl tagħha li kien jippermettilha li tistabbilixxi li din tal-aħħar ma ddeterminatx b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), il-konstatazzjoni, li tidher f’din l-istess premessa, li tipprovdi li l-imsemmi fajl ma fihx provi ta’ “kommunikazzjoni diretta bejn Cetarsa u Sepi fuq is-suġġett ta’ din il-kawża” ma tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa biss dan l-element li wassal lill-Kummissjoni sabiex ma żżomx lil Sepi responsabbli. Fil-fatt, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni riedet qabel kollox tirrispondi għal allegazzjoni li saret minn Dimon fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li tipprovdi li hija kienet suġġetta għal trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ Sepi peress li din tal-aħħar, minkejja li – bħal Dimon – kienet allegatament informata kompletament bil-prattiċi illegali inkwistjoni, ma nżammitx responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, għandu jiżdied li, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni tliet kunsiderazzjonijiet supplementarji sabiex tiddistingwi bejn is-sitwazzjoni ta’ Dimon u dik ta’ Sepi u sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma żżomx lil din tal-aħħar responsabbli.

138    L-istess, mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx la lil Universal u lanqas lis-sussidjarja 100 % tagħha Universal Leaf, responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja b’holding ta’ 90 % tagħha, Taes, u li ma kellhiex provi suffiċjenti li juru li dawn eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

139    Dawn huma l-istess prinċipji li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tapplika fil-każ tar-rikorrenti, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-Mejju 1998. B’hekk, l-ewwel, hija ntrabtet sabiex turi li r-rikorrenti eżerċitaw kontroll konġunt fuq WWTE mal-president tagħha u ma’ żewġ membri tal-familja tagħha, u b’hekk seta’ jinftiehem li dawn kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija (ara l-premessi 388 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li r-rikorrenti eżerċitaw effettivament tali influwenza fuq l-aġir ta’ WWTE (ara l-premessi 391, 392 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, jista’, skont il-ġurisprudenza, jiġi preżunt li l-ewwel waħda teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tat-tieni waħda (ara l-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Madankollu, fil-kawża preżenti, sabiex jinżammu responsabbli kumpanniji parent li jinsabu f’tali każ bħal dan, għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom, il-Kummissjoni għażlet li ma tillimitax ruħha għal din il-preżunzjoni, iżda li tibbaża ruħha wkoll fuq punti ta’ fatt intiżi sabiex jistabbilixxu li l-kumpanniji parent fil-fatt eżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħhom u, għaldaqstant, sabiex isostnu din il-preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, il-premessi 372, 375, 376 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata).

142    B’hekk, mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni ma żammitx lill-kumpanniji parent ewlenin u intermedjarji ta’ Deltafina, jiġifieri Universal u Universal Leaf, responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, minkejja l-fatt li dawn ikkontrollawha 100 %, dan huwa minħabba l-fatt li din ma kellhiex provi suffiċjenti li dawn eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Huwa fl-istess sens li għandha tinftiehem is-silta tal-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata invokata mir-rikorrenti (ara l-punti 59 u 82 iktar ’il fuq). Huwa minnu li, din is-silta hija miktuba f’termini xi ftit ambigwi. Madankollu, jekk tinqara b’mod parallel mal-premessa 18 ta’ din id-deċiżjoni u jekk titqiegħed fil-kuntest tagħha, ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx responsabbli liż-żewġ kumpanniji parent – jew kwalunkwe kumpannija parent oħra – hija n-nuqqas ta’ implikazzjoni fil-ksur.

143    L-istess, jirriżulta wkoll espressament mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx responsabbli lill-kumpannija parent intermedjarja ta’ Agroexpansión, jiġifieri Intabex, responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, minkejja li hija kkontrollatha 100 %, hija n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv, minn Intabex, ta’ influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja, fejn il-parteċipazzjoni tagħha hija ta’ natura purament finanzjara (ara wkoll il-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Min-naħa l-oħra, huwa preċiżament il-fatt li eżistew tali provi fir-rigward ta’ Dimon, kumpannija ewlenija ta’ Agroexpansión, flimkien maż-żamma ta’ din tal-ewwel tat-totalità tal-kapital ta’ din tal-aħħar, li wasslu lill-Kummissjoni sabiex iżżomm responsabbli lil din il-kumpannija parent għall-ksur (ara, b’mod partikolari l-premessi 375 u 378 sa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

145    Dan huwa l-istess approċċ li l-Kummissjoni kellha intenzjoni ssegwi fil-każ tar-rikorrenti, fir-rigward tal-perijodu bejn Mejju 1998 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, sabiex tiddikjara lil dawn tal-aħħar responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE, hija ma llimitatx ruħha li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-fatt li dawn żammew it-totalità – jew, waqt xi xhur biss, il-kważi totalità – tal-kapital ta’ WWTE (ara l-premessi 375 u 393 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll ħadet inkunsiderazzjoni li ċerti elementi supplementari wrew li eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din l-istess kumpannija (ara l-premessi 375, 396 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żiedet li l-argumenti invokati minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex turi li WWTE aġġixxiet b’mod awtonomu fis-suq ma kinux ġustifikati (ara l-premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    Għandu jiġi enfassizzat li l-Kummissjoni żammet l-imsemmi approċċ mhux biss għall-kumpanniji parent ewlenin, iżda wkoll għall-kumpanniji parent intermedjarji, hekk kif juri – fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar – il-każ ta’ Universal Leaf, ta’ Intabex, ta’ SCTC u ta’ TCLT.

147    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha għal waħda mid-domandi bil-miktub li l-Qorti Ġenerali staqsietha u kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-każ tas-sussidjarji kkontrollati 100 % mill-kumpanniji parent tagħha, hija kienet għażlet li tillimita ruħha li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni prevista fil-punti 129, 130 u 140 iktar ’il fuq sabiex dawn tal-aħħar jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mill-imsemmija sussidjarji, iżda li tikkunsidra wkoll l-elementi supplementari li juru l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Hija ġġustifikat essenzjalment dan l-approċċ bil-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet qieset li kien iktar prudenti li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent fuq tali “bażi doppja”.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

148    Qabel kollox, hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv, fil-kuntest li fih ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha sabiex iżżommha responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ WWTE.

149    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata min-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tinftiehem fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew partijiet oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T-304/02, Ġabra p. II-1887, punt 58).

150    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T-38/92, Ġabra p. II-211, punt 26, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T-330/01, Ġabra p. II-3389, punt 93).

151    Fil-kawża preżenti, mis-sunt tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda lid-destinatarji tagħha li jidhru fil-punti 25 sa 40 iktar ’il fuq kif ukoll mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 133 sa 146 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet għalfejn hija kienet iddeċidiet li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur imwettaq minn WWTE. B’hekk, il-Kummissjoni ddikjarat, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-prinċipji li hija kellha l-intenzjoni tapplika sabiex tiddefinixxi l-imsemmija destinatarji. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-rikorrenti, hija wettqet distinzjoni bejn żewġ perijodi, l-ewwel wieħed bejn l-1995 sax-xahar ta’ Mejju 1998, u t-tieni bejn dan ix-xahar tal-aħħar sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-ewwel perijodu, il-Kummissjoni wara li ddikjarat li WWTE kienet suġġetta għall-kontroll konġunt tar-rikorrenti, minn naħa, u tal-President tagħha u ta’ żewġ membri tal-familja tiegħu min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li kellha elementi ta’ fatt li juru li r-rikorrenti eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE u kixfet dawn l-elementi. Fir-rigward tat-tieni perijodu, qabel kollox il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti żammew f’dak iż-żmien il-kważi totalità (għal xi ftit xhur) u wara, it-totalità tal-kapital ta’ WWTE u għaldaqstant, il-kontroll esklużiv tagħha. Wara, hija kkunsidrat li kien stabbilit li r-rikorrenti eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE, billi bbażat ruħha f’dan ir-rigward mhux biss fuq il-preżunzjoni li tirriżulta miż-żamma tat-totalità (jew tal-kważi totalità) tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fuq ċerti elementi supplementari li jikkorroboraw l-imsemmija preżunzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jippermettu li ssir konklużjoni kuntrarja.

152    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-legalità tal-metodu applikat fil-kawża preżenti mill-Kummissjoni u fuq it-tieni motiv

153    Għandha tiġi evalwata l-legalità, fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-metodu applikat fil-każ preżenti mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk kienx hemm lok li kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, kif deskritt fil-punti 134 sa 136, 140, 141 u 146 iktar ’il fuq.

154    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-imsemmi metodu – bla ħsara għall-kwistjoni ta’ jekk hija applikatux b’mod korett fil-każ tar-rikorrenti, kwistjoni li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem – jikkonforma kompletament mal-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza, kif imfakkar fil-punti 122 sa 132 iktar ’il fuq.

155    Huwa minnu li, fir-rigward tal-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, bl-għan li tkun prudenti, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza (ara l-punti 129 u 130 iktar ’il fuq) sabiex turi li l-ewwel waħda teżerċita fil-fatt influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tat-tieni waħda, iżda kkunsidrat ukoll punti oħra ta’ fatt intiżi sabiex jikkonfermaw dan l-eżerċizzju. Madankollu, billi pproċediet f’dan is-sens, il-Kummissjoni għolliet biss il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex hija tikkunsidra bħala stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet sodisfatta, bl-osservanza sħiħa tal-kunċett fundamentali tal-unità ekonomika li għalih tirreferi l-ġurisprudenza kollha dwar l-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur fuq persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-istess impriża.

156    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, meta, f’każ li jirrigwarda ksur li jimplika diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm is-sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha.

157    Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28 u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

158    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, barra minn hekk għandha l-istess opinjoni peress li, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li “l-fatt li ċ-ċirkustanzi preċiżi li jistgħu jwasslu[ha] […] sabiex tikkunsidra kumpannija parent responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor ma jistax bħala tali jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sakemm il-prinċipji ta’ responsabbiltà jiġu applikati b’mod koerenti”.

159    Mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 137 sa 139 u 142 sa 145 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat l-istess prinċipji fuq il-kumpanniji parent ikkonċernati kollha sabiex tiddetermina jekk hemm lok li jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom. B’mod partikolari, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jidhirx li hija, f’dan ir-rigward, ittrattat b’mod differenti lis-sitwazzjoni tagħhom minn naħa, u dik ta’ Universal, ta’ Universal Leaf, ta’ Sepi u ta’ Intabex, min-naħa l-oħra.

160    Għaldaqstant, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u WWTE

161    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni applikatx korrettament, għal kull waħda mir-rikorrenti, il-kriterji msemmija fil-punti 134 sa 136, 140, 141 u 146 iktar ’il fuq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejnha u bejn WWTE u, għaldaqstant sabiex iżżommhom responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u sabiex tqegħedhom fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Jekk ikun il-każ, wara, għandu jiġi vverifikat jekk il-kunsiderazzjonijiet invokati mir-rikorrenti, bħal dawk riprodotti fil-punti 74 sa 79 iktar ’il fuq, jikkorroboraw l-affermazzjoni tagħhom li tipprovdi li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq waqt il-perijodu tal-ksur.

162    Hemm lok, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ perijodi, l-ewwel wieħed bejn it-13 ta’ Marzu 1996, li hija d-data tal-bidu tal-akkordju tal-proċessuri, sal-5 ta’ Mejju 1998, u t-tieni minn din id-data tal-aħħar sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 sal-5 ta’ Mejju 1998

163    Huwa paċifiku bejn il-partijiet u mill-fajl jirriżulta – u b’mod partikolari mill-punti msemmija fil-premessi 388 sa 390 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ripetuti fil-punt 34 iktar ’il fuq – li, fil-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 u l-4 ta’ Mejju 1998 inklużi, WWTE kienet ikkontrollata b’mod konġunt minn, minn naħa, SCC – u dan permezz ta’ TCLT u ta’ SCTC – u, min-naħa l-oħra, mill-president ta’ WWTE u żewġ membri tal-familja tiegħu.

164    Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, każ bħal dan bl-ebda mod ma jeskludi li l-kundizzjoni relattiva għall-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja (ara l-punt 128 iktar ’il fuq) tista’ tiġi sodisfatta. B’mod partikolari, ma huwiex neċessarju, għal dan il-għan li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kontroll esklużiv tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja.

165    Meta impriża hija suġġetta għall-kontroll konġunt ta’ żewġ impriżi jew persuni oħra jew iktar, dawn tal-aħħar għandhom bħala definizzjoni, il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-ewwel impriża. Madankollu, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jinżammu responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża li għandhom il-kontroll konġunt tagħha, peress li tali imputabbiltà teħtieġ barra minn hekk li l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tkun sodisfatta (ara l-punt 128 iktar ’il fuq). Jekk dan ikun il-każ, l-impriżi jew persuni differenti li jeżerċitaw kontroll konġunt ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħhom, hekk kif turi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni (T-314/01, Ġabra p. II-3085), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm responsabbli żewġ kumpanniji, li t-tnejn kellhom holding ta’ 50 % f’sussidjarja u li kellhom setgħa ta’ direzzjoni konġunt fir-rigward tal-ġestjoni kummerċjali ta’ din tal-aħħar, għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmija sussidjarja. Kieku kellu jidher li, fir-realtà, waħda biss minn dawn l-impriżi jew persuni li jżommu l-kontroll konġunt jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom jew jekk ċirkustanzi speċifiċi oħra kellhom jiġġustifikawh, il-Kummissjoni tkun tista’ biss iżomm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn din is-sussidjarja lil din l-impriża jew persuna.

166    F’kull każ, hekk kif enfassizzat ġustament il-Kummissjoni fin-noti tagħha, jekk għandu jiġi stabbilit fil-kawża preżenti li, fil-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 sal-4 ta’ Mejju 1998 inklużi, ir-rikorrenti effettivament eżerċitaw influwenza fuq l-aġir ta’ WWTE, dan jimplika neċessarjament li kienu f’pożizzjoni li jagħmlu dan.

167    Il-kwistjoni prinċipali li għandha tingħata soluzzjoni għaliha hija għaldaqstant dik sabiex isir magħruf jekk l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jurux suffiċjentement fil-liġi li, waqt il-perijodu kkunsidrat, ir-rikorrenti eżerċitaw tali influwenza.

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud qabel kollox l-argument li fuqu r-rikorrenti jibbażaw parti kbira mir-raġunament tagħhom u jallegaw li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement li kienu taw istruzzjonijiet lil WWTE sabiex twettaq il-ksur jew li kienu implikati direttament fih.

169    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 127 iktar ’il fuq, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u anqas u anqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent. Minħabba l-motivi esposti fil-punt 142 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mis-silta tal-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata invokata mir-rikorrenti (ara l-punti 59 u 82 iktar ’il fuq).

170    Hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-influwenza determinanti li għandha teżerċita kumpannija parent sabiex tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha għandha tirrigwarda l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali stricto sensu tagħha u barra minn hekk, huma direttament marbuta mal-imsemmi ksur, fil-kawża preżenti x-xiri tat-tabakk mhux maħdum (ara l-punti 60, 69, 73 u 77 iktar ’il fuq).

171    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 126 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fuq is-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jorbtu s-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu is-suġġett ta’ lista eżawrjenti.

172    L-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, fid-deċizjoni kkontestata sabiex tikkonkludi li, waqt il-perijodu kkunsidrat, ir-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE fis-suq huma elenkati fil-premessa 391 ta’ din id-deċiżjoni u jaqgħu taħt tliet kategoriji distinti.

–       Fuq il-funzjonijiet ta’ M. V. fi ħdan il-grupp Standard

173    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinvoka ċerti elementi li jirrigwardaw il-funzjonijiet ta’ M. V. fi ħdan il-grupp Standard.

174    Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif indikaw ir-rikorrenti fir-risposta tagħhom għal talba għal informazzjoni li ġiet indirizzata lilhom mill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva u li kkonfermaw fin-noti tagħhom, M. V. kien, mill-inqas mill-bidu tal-perijodu li fih seħħ il-ksur, wieħed mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE. Fl-istess risposta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li, f’mumenti differenti waqt perijodu li beda fit-30 ta’ Settembru 1989, M. V. kien ukoll membru tal-bord tad-diretturi ta’ erba’ sussidjarji oħra tal-grupp Standard stabbiliti fl-Italja u fil-Greċja. Dawn l-indikazzjonijiet jaqblu perfettament mal-affermazzjoni tar-rikorrenti, imwettqa fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u rripetuta fir-replika, li tipprovdi li M. V. kellu “rwol ta’ rappreżentanza fl-Ewropa” li huwa stabbilit mill-preżenza tiegħu fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ dawn is-sussidjarji differenti u li tipprovdi li kien responsabbli, fl-Ewropa għall-“koordinazzjoni tal-bejgħ tat-tabakk maħdum mill-intermedjarju tan-netwerk ta’ bejgħ internazzjonali ta’ SCC”.

175    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tidher fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li M. V. kellu “responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet tal-grupp [Standard] fl-Ewropa”. Huma sempliċement isostnu, minn naħa, li s-sitwazzjoni ta’ M. V. ma tistax titqabbel ma’ dik tad-diriġenti previsti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, fis-sens li l-Kummissjoni ma tistax targumenta abbażi ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, din l-affermazzjoni hija ġenerali ħafna u ma turix li SCTC kienet tat istruzzjoni lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv. Għandu jiżdied li, fir-rikors, ir-rikorrenti stess jagħmlu riferiment għal M. V. bħala li huwa d-“diriġent responsabbli għall-attivitajiet tal-grupp fl-Ewropa”.

176    Fin-noti tagħhom, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tidher ukoll fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li M. V. kien jaġixxi bħala rappreżentant ta’ SCC u kien “responsabbli għar-relazzjonijiet bejn WWTE u l-kumpanniji parent tagħha”. Huma sempliċement jerġgħu jsostnu mill-ġdid li din l-affermazzjoni hija ġenerali ħafna u ma turix li huma taw xi istruzzjoni lil WWTE sabiex tadotta aġir antikompetittiv.

177    Huwa minnu li, M. V. ma kienx impjegat minn l-ebda waħda mir-rikorrenti – iżda minn SCTL, sussidjarja 100 % ta’ SCTC – u ma jissemmiex fil-lista ta’ “corporate directors” jew ta’ “corporate officers” ta’ SCC li ġiet ikkomunikata minn din tal-aħħar lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Xorta jibqa’ il-fatt li l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet li huwa kien iwettaq fi ħdan il-grupp Standard kienu ta’ livell għoli ħafna, b’mod partikolari sa fejn jirrigwardaw wieħed miż-żewġ oqsma prinċipali tal-attivitajiet ta’ dan il-grupp u t-territorju Ewropew kollu.

178    L-importanza tar-rwol ta’ M. V. fi ħdan il-grupp Standard hija enfassizzata iktar mill-fatt li, fir-rapporti annwali ta’ SCC għas-snin 1999 sa 2001, dan huwa identifikat bħala “Viċi President u Direttur reġjonali – Ewropa” tad-diviżjoni tat-tabakk ta’ din il-kumpannija. L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li dan it-titolu ma jeżistix fil-verità u ma kienx ġie attribwit lil M. V. ħlief bl-għan li titkabbar l-immaġini tiegħu ma tistax titqies bħala kredibbli.

179    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, M. V. seta’ jitqies b’mod raġjonevoli li jagħmel parti mit-tmexxija tal-grupp Standard. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li kienet teżisti rabta diretta bejn il-kumpannija parent ewlenija ta’ dan il-grupp, f’dan il-każ SCC, u M. V.

180    Din iċ-ċirkustanza, flimkien mal-fatt li M. V. kien wieħed mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE, tikkostitwixxi indikazzjoni b’saħħitha tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti ta’ SCC fuq l-aġir ta’ WWTE fis-suq.

–       Fuq il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996

181    It-tieni nett, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996, redatti kemm bl-Ispanjol kif ukoll bl-Ingliż.

182    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minn ċerti siltiet ta’ dawn il-minuti, li jidhru fil-punt 2, intitolat “Proċedura dwar il-laqgħat tal-bord tad-diretturi”, jirriżulta li, waqt il-laqgħa inkwistjoni, iż-żewġ membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE maħtura mill-grupp Standard insistew fuq il-fatt li din il-kumpannija ma setgħatx taġixxi b’mod indipendenti minn SCTC. B’hekk, M. V. iddikjara li, minkejja li WWTE għandha l-“identità/entità tagħha”, hija kienet “ukoll sussidjarja ta’ SCTC” u kellha, konsegwentement, “tosserva l-kultura ta’ SCTC”. M. C., minn naħa tiegħu, enfasizza li “anki kieku l-membri kollha tal-bord tad-diretturi [ta’ WWTE kellhom] setgħat u responsabbiltajiet, huma [ma kinux] ħielsa fid-deċiżjonijiet kollha u [kellhom] jikkonsultaw f’każijiet diversi l-ogħla istanzi ta’ SCTC”.

183    Minn siltiet oħra tal-minuti jirriżulta li, għal serje ta’ kwistjonijiet jew ta’ spejjeż, WWTE kellha tikkonsulta lil SCTC jew tikseb minn qabel l-approvazzjoni tagħha.

184    B’hekk, l-ewwel nett, fil-punt 3, intitolat “Proċeduri ta’ bejgħ”, jissemma li l-“ebda kwantità ta’ tabakk ma tista’ tiġi esportata mingħajr ma jkollha formola li fiha firma doppja, li l-format tagħha ser ikun stabbilit wara ż-żjara [ta’ M. F., wieħed mill-persuni mistiedna għal-laqgħa inkwistjoni tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE] lil Godalming [is-sede tal-attivitajiet ta’ SCTC fir-Renju Unit] din il-ġimgħa” u li [d]in il-formola għandha tkun debitament ikkompletata minn [M. D., wieħed mill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE] wara verifika tal-informazzjoni rilevanti ta’ [M. A.] lil Godalming”.

185    It-tieni nett, ġie indikat, fir-rigward tal-finanzjament fuq żmien twil, dak li ġej: “Bħalissa aħna ostakolati peress li mhux qegħdin f’sitwazzjoni sabiex nipotekaw l-assi tagħna wara l-istruzzjonijiet ta’ SCTC.” Ġie nnotat ukoll li M. F. kien ser iżur lil Godalming sabiex tiġi eżaminata din il-kwistjoni flimkien ma’, b’mod partikolari, M. M. Għandu jiġi ppreċiżat li dan tal-aħħar, waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur, kien wieħed mill-“corporate officers” u Viċi Presidenti ta’ SCC kif ukoll it-teżorier tagħha.

186    It-tielet nett, f’tabella li tidher fil-punt 10 tal-minuti, huma elenkati serje ta’ proġetti ta’ investiment li jeħtieġu l-“approvazzjoni finali ta’ SCTC”. Fir-rigward tal-proġett l-iktar importanti, f’dan il-każ il-kostruzzjoni ta’ maħżen ġdid, M. V. u M. M. sostnew li “jista’ jkun diffiċili ħafna li din l-ispiża tiġi approvata minn SCTC waqt is-sena kummerċjali li jmiss”. Fl-istess punt 10, huma jsemmu li investiment relattiv għat-trasferiment taċ-“ċentru” ta’ sit operattiv lejn ieħor “ikollu probabbilment jiġi approvat b’mod mgħaġġel ħafna minn SCTC fid-dawl tal-bżonn immedjat ta’ dan il-proġett”.

187    L-elementi msemmija fil-punti 182 sa 186 iktar ’il fuq jikkostitwixxu indikazzjonijiet b’saħħithom tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn SCTC fuq l-aġir ta’ WWTE fis-suq. L-allegazzjoni tar-rikorreni li tipprovdi li SCTC ma ġietx ikkonsultata – u li ma kellhiex tagħti l-approvazzjoni tagħha – ħlief fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma jirrigwardawx ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum – jiġifieri b’mod partikolari, il-bejgħ tat-tabakk ipproċessat – hija irrilevanti minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 170 u 171 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-allegazzjoni tagħhom li tipprovdi li l-approvazzjoni minn qabel ta’ SCTC ma hijiex meħtieġa ħlief fil-każ ta’ spejjeż straordinarji, din hija nieqsa fil-fatt, mit-tabella li tidher fil-punt 10 tal-minuti li turi l-proġetti ta’ investiment li l-ispejjeż tagħha jmorru minn USD 1 220 sa USD 1 056 911 sa ammonti żgħar bħal USD 4 800, USD 5 600 jew USD 6 504.

188    Il-konklużjoni esposta fil-punt 187 iktar ’il fuq hija sostnuta minn indikazzjonijiet oħra li hemm fil-minuti inkwistjoni. B’hekk minn naħa, mill-punt 4 tagħhom jirriżulta li l-kodiċi ta’ kondotta li għalih huwa suġġett il-persunal ta’ SCTC kien intiż sabiex japplika wkoll għall-persunal ta’ WWTE, bil-kundizzjoni li, wara xi oġġezzjonijiet iddikjarati mill-president ta’ WWTE, kien ġie deċiż li dawn jiġu tradotti mill-Ingliż għall-Ispanjol. Min-naħa l-oħra, mill-punt 7 tal-minuti jirriżulta li l-bord tad-diretturi ta’ WWTE eżamina s-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali ta’ SCTC.

189    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-minuti inkwistjoni jsemmu li l-bord tad-diretturi ta’ WWTE pprepara strateġija ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum għall-ħażna tas-sena 1996 fi Spanja. F’dan il-kuntest, isir riferiment espress għal-laqgħa tal-akkordju tal-proċessuri tat-13 ta’ Marzu 1996 f’Madrid fit-termini li ġejjin:

“Xi ftit jiem ilu, inżammet laqgħa f’Madrid bil-parteċipazzjoni tal-impriżi xerrejja kollha sabiex isir tentattiv li jintlaħqu diversi ftehim li jirrigwardaw l-istrateġija tal-għoti tal-kuntratti għall-ħażna [tal-1996]. F’atmosfera ta’ tensjoni qawwija, l-uniċi ftehim verbali li ntlaħqu kienu:

1. prezz minimu ta’ 3 [pesetas Spanjoli (ESP)/kg għall-FCV [flue cured Virginia]

2. l-intenzjonijiet tal-prezz medju ta’ kull waħda mill-kumpanniji ġew żvelati

Sfortunatament, l-ebda ftehim ma seta’ jintlaħaq fuq it-tqassim tat-tabakk Spanjol bejn l-erba’ impriżi xerrejja.”

190    Għaldaqstant, jidher li r-rappreżentanti tal-grupp Standard li huma membri tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE ġew informati bil-prattiċi tal-akkordju tal-proċessuri. Barra minn hekk, hekk kif ser jiġi espost iktar fid-detall fil-punti 192 u 193 iktar ’il quddiem, mill-elementi tal-fajl tal-Kummissjoni jirriżulta li M. V. kien ġie, apparti dan, informat personalment, barra mil-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE, dwar ċerti elementi ta’ dan l-akkordju. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-imsemmija rikorrenti qatt ma mmanifestaw l-oġġezzjoni tagħhom għal dawn il-prattiċi u li SCC – minkejja r-riskju ta’ prosekuzzjoni jew ta’ atti għal kumpens ta’ terzi li għalihom esponiet ruħha billi aġġixxiet b’dan il-mod – ma ħadet, fir-rigward ta’ WWTE, ebda miżura intiża sabiex tostakola l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Minn dan, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li SCC tapprova b’mod taċitu l-imsemmija parteċipazzjoni u tikkunsidra li tali aġir jikkostitwixxi indikazzjoni supplementari tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

–       Fuq il-faks indirizzati mill-president ta’ WWTE lil M. V.

191    It-tielet nett, il-Kummissjoni tinvoka erba’ faks indirizzati mill-president ta’ WWTE, M. S., lil M. V.

192    Fl-ewwel waħda minn dawn il-faks, tat-28 ta’ Ottubru 1996 u mibgħuta lil SCTC għall-attenzjoni ta’ M. V., M. S. informa lil dan tal-aħħar, b’mod partikolari bir-riżultat tax-xiri ta’ tabakk waqt is-sena kummerċjali 1996 u dwar il-prezzijiet medji mħallsa minn kull wieħed mill-proċessuri Spanjoli, u pprovdieh b’hekk b’ċerti aspetti tal-akkordju tal-proċessuri. Fit-tieni faks, tas-6 ta’ Ottubru 1997 u mibgħuta lil “Standard Commercial – UK” – din ir-referenza għandha wisq probabbilment tinftiehem bħala intiża għal SCTC, li kellha xi attivitajiet fir-Renju Unit (ara l-punt 184 iktar ’il fuq) u li kienet il-kumpannija parent tal-kumpannija li impjegat lil M. V. (ara l-punt 177 iktar ’il fuq) – , M. S. ta xi informazzjoni ddettaljata fuq laqgħa li nżammet bejn WWTE, Cetarsa u Agroexpansión fit-tmiem tax-xahar ta’ Settembru preċedenti u li fiha l-kumpanniji ftiehmu sabiex jiskambjaw xi informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum. Permezz tat-tielet faks, tat-8 ta’ Ottubru 1997 u mibgħuta lil “Standard Commercial – UK”, M. S. ikkomunika lil M. V. kopja ta’ ittra li huwa indirizza fl-istess ġurnata lill-president ta’ Cetarsa u li fiha huwa lmenta dwar il-fatt li dan tal-aħħar ma rrispettax il-ftehim fuq il-prezzijiet konkluż mill-proċessuri. Fl-aħħar, fir-raba’ faks, tal-10 ta’ Ottubru 1997 u mibgħuta lil “Standard Commercial – UK”, M. S. ta xi indikazzjonijiet fuq il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum mixtrija mill-proċessuri u fuq il-prezzijiet imħallsa.

193    Minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 190 iktar ’il fuq, il-fatt li – barra minn hekk, mhux ikkontestat mir-rikorrenti – li M. V. inżamm informat personalment, mill-president ta’ WWTE, bl-aspetti differenti tal-akkordju tal-proċessuri jista’ leġittimament jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni supplementari tal-eżerċizzju, minn SCC ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE.

–       Konklużjoni li tirrigwarda l-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 u l-5 ta’ Mejju 1998

194    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 173 sa 193 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement fid-dritt li, waqt il-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 u l-4 ta’ Mejju 1998 inkluż, SCC u SCTC eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE.

195    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif enfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, l-ebda waħda mill-elementi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li TCLT – li, skont ir-rikorrenti hija kumpannija mingħajr attività proprja u li l-parteċipazzjoni tagħha fi WWTE hija ta’ natura purament finanzjarja – fil-fatt eżerċitat, waqt l-imsemmi perijodu, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE fis-suq. Fil-fatt, dawn l-elementi jirrigwardaw esklużivament lil SCC u lil SCTC.

196    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li TCLT kienet il-klijent prinċipali ta’ WWTE bejn l-1996 sa 1999, din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali peress li huwa biss fid-difiża li l-Kummissjoni tinvokaha, għall-ewwel darba sabiex tipprova tattribwixxi lil TCLT ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996 jirriżulta li kien biss minħabba raġunijiet purament ta’ kontabbiltà u fiskali li x-xiri tat-tabakk ipproċessat fi ħdan WWTE kien ġie attribwit lil TCLT: “[F]il-passat, [WWTE ffatturat l-imsemmi xiri għal TCLT] sabiex tirreġistra benefiċċju fil-kontabbiltà ta’ WWTE.” L-ebda kunsinna ta’ tabakk ipproċessat ma seħħet materjalment għand TCLT. F’kull każ, l-imsemmija ċirkustanza, jekk tista’ tindika li TCLT kienet interessata fil-politika kummerċjali ta’ WWTE, ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tistabbilixxi li hija fil-fatt eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

197    Isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi tajba sabiex iżżomm lil TCLT responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE għall-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 sal-4 ta’ Mejju 1998 inkluż u lanqas, għaldaqstant, sabiex iżommha responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa fir-rigward tal-istess perijodu.

 Fuq il-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

198    Fir-rigward tal-elementi msemmija fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-ewwel tliet inċiżi tal-punt 38 iktar ’il fuq), jista’ jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti żammew il-kważi totalità tal-kapital ta’ WWTE mil-5 ta’ Mejju 1998 sa Ottubru 1998 u t-totalità tal-kapital minn din id-data tal-aħħar sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

199    Ma’ dan jiżdied il-fatt li, mill-5 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti kellhom il-maġġoranza meħtieġa għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-laqgħa ġenerali ta’ WWTE (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-bord tad-diretturi ta’ WWTE kien fih żewġ membri ġodda, maħtura mil-laqgħa ġenerali ta’ WWTE, billi ssostitwixxew lill-membri li rrappreżentaw l-azzjonisti minoritarji l-qodma.

200    Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 198 u 199 iktar ’il fuq, huwa ċar li, mill-5 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti huma f’pożizzjoni jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE. Barra minn hekk, fin-noti tagħhom, ir-rikorrenti rrikonoxxew espressament dan il-fatt.

201    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-perijodu mill-5 ta’ Mejju 1998 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet sodisfatta fir-rigward ta’ kull waħda mir-rikorrenti, hekk kif tallega l-Kummissjoni.

202    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, wara li sostniet teżi differenti fin-noti tagħha (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ammettiet, wara domanda bil-miktub imwettqa mill-Qorti Ġenerali li, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-sussidjarji kkontrollati 100 % mill-kumpanniji parent tagħhom, hija għażlet li ma tibbażax ruħha sempliċement fuq il-preżunzjoni prevista fil-punti 129, 130 u 140 iktar ’il fuq sabiex iżżomm lil dawn tal-aħħar responsabbli għall-ksur imwettaq mill-imsemmija sussidjarji, iżda li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll elementi supplementari li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara l-punti 118 u 147 iktar ’il fuq). Minn diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan kien effettivament l-approċċ li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni ssegwi fil-każ ineżami (ara l-punti 141 sa 145 iktar ’il fuq).

203    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi miżmuma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxux suffiċjentement fid-dritt li, waqt il-perijodu kkunsidrat, ir-rikorrenti eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE. Dawn l-elementi huma elenkati fil-premessi 396 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 313 u 314 ta’ din id-deċiżjoni.

–       Fuq ir-rwol ta’ M. V. fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kultivazzjoni

204    L-ewwel element invokat mill-Kummissjoni huwa l-fatt, imsemmi fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata li, mill-1998, M. V. “kellu […] rwol fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kultivazzjoni konklużi minn WWTE mal-gruppi ta’ produtturi”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 313 tad-deċiżjoni kkontestata tirriferi, f’dan ir-rigward, għall-memorandum tal-kumitat eżekuttiv ta’ SCTC lil M. V. dwar il-“kuntratti Spanjoli ta’ provvista għal żmien twil” li ntbagħat fil-bidu tas-sena 1998.

205    Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi memorandum kellu effettivament bħala għan li jawtorizza lil M. V. – maħtur fil-kwalità tiegħu ta’ “diriġent reġjonali Ewropa” – sabiex “jikkonkludi kuntratti ta’ provvista mal-kultivaturi għall-kunsinna ta’ tabakk ta’ [WWTE ]”. Dan l-istess dokument jagħti xi indikazzjonijiet preċiżi ħafna dwar il-kundizzjonijiet li fihom M. V. jista’ jgħaddi dawn il-kuntratti u, b’mod iktar partikolari, fuq il-volumi ta’ xiri, il-prezzijiet ta’ xiri, il-bonus għall-kwalità u ħlas minn qabel li jistgħu jingħataw lill-produtturi kif ukoll il-“garanziji għall-ħlas minn qabel” li jistgħu jintalbu minn dawn tal-aħħar.

206    Il-memorandum imsemmi iktar ’il fuq, barra l-fatt li jikkontradixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li M. V. kien jokkupa ruħu esklużivament bil-bejgħ tat-tabakk ipproċessat, juri b’mod ċar li SCTC kellha rwol attiv fil-politika ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum ta’ WWTE u għaldaqstant, eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

207    Dan il-memorandum jippermetti wkoll li jiġi stabbilit li SCC eżerċitat effettivament tali influwenza. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li kellu jiġi ffirmat minn M. H. li kien il-president u il-president-direttur ġenerali ta’ din il-kumpannija u M. C. li kien wieħed mit-tliet membri tal-kumitat eżekuttiv tagħha. Min-naħa l-oħra, M. V. – li b’hekk ingħata s-setgħa sabiex jikkonkludi ċerti kuntratti ta’ provvista tat-tabakk mhux maħdum – f’dak iż-żmien kien għadu, fl-istess ħin, membru tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE u direttament marbut ma’ SCC, fejn kien wieħed mill-viċi presidenti tagħha (ara l-punti 174 sa 179 iktar ’il fuq).

208    Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz tal-argument tar-rikorrenti li l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwara biss il-kuntratti ta’ kultivazzjoni ta’ terminu ta’ sena, filwaqt li l-kuntratti previsti mill-memorandum tal-kumitat eżekuttiv ta’ SCTC tal-1998 kienu ta’ terminu ta’ tliet snin jew iktar. Fil-fatt, l-imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur mwettaq minn kumpannija sussidjarja ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (ara l-punti 170 u 171 iktar ’il fuq).

209    Barra minn hekk, ma huwiex rilevanti, minħabba l-istess raġunijiet esposti fil-punti 168 u 169 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-kuntratti Spanjoli ta’ provvista għal żmien twil ma jurux li huma taw istruzzjoni lil WWTE sabiex twettaq il-ksur.

–       Fuq il-manwal ta’ WWTE

210    It-tieni element invokat mill-Kummissjoni huwa l-fatt, imsemmi fil-premessa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-manwal ta’ WWTE jipprovdi li “[i]l-president, flimkien mad-direttur tax-xiri, huwa direttament responsabbli għall-[proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti] li teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-kumpannija parent, li tapprova l-baġit għal kull sena ta’ xogħol fix-xahar ta’ Marzu”.

211    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti stess, bl-applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni, hija SCTC li trid tawtorizza, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-baġit annwali ta’ WWTE u qabel ma tibda l-proċedura tal-għoti tal-kuntratti, il-kwantitajiet massimi ta’ tabakk mhux maħdum li jistgħu jinxtraw minn din tal-aħħar fi Spanja (ara l-punt 73 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, hija SCTC li għandha tapprova l-baġit għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum qabel mal-president ta’ WWTE jista’ jibda l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratti. Din iċ-ċirkustanza tikkonferma b’mod ċar li SCTC eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE fis-suq.

212    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-manwal ta’ WWTE huwa nieqes minn provi għall-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 sas-sena 2000, peress li sar biss f’din is-sena tal-aħħar, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-imsemmi manwal jikkostitwixxi prova li tiżdied mal-memorandum tal-kumitat eżekuttiva ta’ SCTC lil M. V. imsemmi fil-punt 204 iktar ’il fuq, li jistabbilixxi diġà nuqqas ta’ awtonomija kummerċjali ta’ WWTE mill-1998 (ara l-punti 206 u 207 iktar ’il fuq).

213    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-manwal ta’ WWTE ma jurix suffiċjentement li SCTC tat istruzzjonijiet lil din tal-aħħar sabiex tadotta aġir antikompetittiv, dan għandu jiġi miċħud minħabba l-istess raġunijiet esposti fil-punti 168 u 169 iktar ’il fuq.

–       Fuq il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-20 ta’ Jannar 2000

214    It-tielet element sostnut mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa l-fatt, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 314 tagħha, li mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-20 ta’ Jannar 2000 jirriżulta li l-programm ta’ attivitajiet ta’ din il-kumpannija għas-sena fiskali tal-2001 kien ġie approvat “bla ħsara għall-emendi ssuġeriti mill-kumpannija parent”, jiġifieri, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti stess, SCTC.

215    Dan l-element jikkonferma li SCTC eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE.

216    Għandu jiġi nnotat li l-minuti previsti fil-punt 214 iktar ’il fuq fihom indikazzjonijiet oħra li juru li l-politika kummerċjali ta’ WWTE kienet is-suġġett ta’ kontroll minn naħa ta’ wħud mill-kumpanniji parent. B’hekk, jissemma li “M. [V.] [kien] ikkonferma li kien responabbli sabiex jibgħat il-pjan ta’ kultivazzjoni lil Wilson [jiġifieri, il-post li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali ta’ SCC u ta’ SCTC] u li [kien] jispera li jiġi approvat f’Marzu”.

–       Konklużjoni fir-rigward tal-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

217    Mill-elementi msemmija fil-punti 204 sa 216 iktar ’il fuq, flimkien maż-żamma, minn SCC u SCTC tal-kważi totalità, u wara tat-totalità tal-kapital ta’ WWTE waqt il-perijodu kkunsidrat, jirriżulta li, il-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement fil-liġi li, waqt dan il-perijodu, l-ewwel żewġ kumpanniji eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tat-tielet waħda.

218    Min-naħa l-oħra, hekk kif jenfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, l-ebda waħda mill-elementi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li TCLT fil-fatt eżerċitat, waqt il-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tali influwenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt biss li TCLT żammet it-totalità tal-kapital ta’ WWTE, peress li għaldaqstant, TCLT ġiet trattata b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ Intabex (ara l-punt 143 iktar ’il fuq) kif ukoll meta mqabbla ma’ Universal u Universal Leaf (ara l-punt 142 iktar ’il fuq).

219    Isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx fondata li żżomm lil TCLT responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE bejn il-perijodu previst fil-punt 218 iktar ’il fuq u lanqas, għaldaqstant, sabiex iżżommha responsabbli in solidum għall-multa li tirrigwarda l-istess perijodu.

 Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq waqt il-perijodu ta’ ksur

220    Ir-rikorrenti jallegaw li l-elementi esposti fil-punti 75 sa 79 iktar ’il fuq juru li, waqt il-perijodu ta’ ksur, WWTE kienet “fil-biċċa l-kbira” awtonoma meta mqabbla ma’ SCTC u gawdiet awtonomija “kważi totali” meta mqabbla ma’ SCC u TCLT.

221    Peress li ġie deċiż li TCLT ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ WWTE (ara l-punti 195 sa 197, 218 u 219 iktar ’il fuq), ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata din il-kwistjoni sa fejn tirrigwarda lil TCLT.

222    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li sussidjarja għandha tmexxija lokali u l-mezzi tagħha, ma jurix fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla mal-kumpanniji parent tagħha. B’hekk, fil-kawża preżenti, jekk huwa minnu li WWTE kienet tinsab f’tali sitwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li kellha tikseb l-opinjoni u l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ SCTC għal serje ta’ kwistjonijiet u ta’ spejjeż (ara l-punti 183 sa 187 iktar ’il fuq), li l-president tagħha ma jistax jibda l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum qabel ma SCTC tapprova l-baġit korrispondenti (ara l-punti 210 u 211 iktar ’il fuq) u li SCC u SCTC kellhom rwol attiv fl-istrateġija tagħha ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum (ara l-punti 204 sa 207 iktar ’il fuq).

223    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li tipprovdi li x-xiri tat-tabakk mhux maħdum kien ir-responsabbiltà esklużiva ta’ WWTE, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif irrikonoxxew ir-rikorrenti nfushom u kif diġà ġie espost fil-punti 210 u 211 iktar ’il fuq, kienet SCTC li kellha tapprova l-baġit għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum qabel ma tinbeda l-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti. Għaldaqstant, huwa ċar li WWTE ma kinitx awtonoma fir-rigward tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum. F’kull każ, l-awtonomija ta’ sussidjarja ma tistax tiġi evalwata fir-rigward biss tas-suq tal-prodott li fih twettaq il-ksur.

224    It-tielet nett, minħabba l-istess raġunijiet indikati fil-punti 222 u 223 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod effettiv il-fatt li l-grupp Standard għandu struttura deċentralizzata. Fir-rigward tal-allegazzjoni tagħhom li tipprovdi li l-attivitajiet ta’ WWTE jirrappreżentaw biss parti insinjifikattiva tal-attivitajiet tal-grupp Standard, din ma turix, fiha nnifisha li SCC u SCTC taw awtonomija lil WWTE sabiex tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq.

225    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq waqt il-perijodu li fih seħħ il-ksur.

 Konklużjoni

226    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament żammet responsabbli lil SCC u lil SCTC għall-ksur imwettaq minn WWTE u li għaldaqstant, żammithom responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa u inkludiethom fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

227    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet infondata meta waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward ta’ TCLT, u dan għall-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur.

228    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda lil TCLT.

229    Dan l-annullament parzjali ma għandux konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha, SCC u SCTC jibqgħu responsabbli in solidum. B’mod partikolari, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fir-replika, tali annullament ma jkollux effett fuq il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 applikat mill-Kummissjoni fuq l-ammont tat-tluq tal-multa ddeterminat għal WWTE sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement disważiv (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dan il-koeffiċjenti huwa stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ SCC, li tmexxi l-unità ekonomika li tifforma parti minnha WWTE. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu wkoll ir-rikorrenti fir-replika, l-imsemmi annullament parzjali lanqas ma jkollu effett fuq iż-żieda tal-multa b’50 % li ġiet applikata skont it-tul tal-ksur, fuq l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq WWTE (premessi 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li TCLT ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur huwa, fil-fatt, mingħajr l-ebda impatt fuq it-tul tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

230    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

231    Billi fil-kawża preżenti, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u li din tal-aħħar tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE], (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), hija annullata sa fejn tirrigwarda lil Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Alliance One International, Inc., Standard Commercial Tobacco Co., Inc. u Trans-Continental Leaf Tobacco huma kkundannati għal żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u din tal-aħħar hija kkundannata għal terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

3.  Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Osservazzjonijiet preliminari fuq l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent tagħha

Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-imputabbiltŕ ta’ kumpannija parent tar-responsabbiltŕ għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

Fuq il-legalità tal-metodu applikat fil-kawża preżenti mill-Kummissjoni u fuq it-tieni motiv

Fuq l-eżistenza ta’ entitŕ ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u WWTE

Fuq il-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 sal-5 ta’ Mejju 1998

–  Fuq il-funzjonijiet ta’ M. V. fi ħdan il-grupp Standard

–  Fuq il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 1996

–  Fuq il-faks indirizzati mill-president ta’ WWTE lil M. V.

–  Konklużjoni li tirrigwarda l-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 u l-5 ta’ Mejju 1998

Fuq il-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq ir-rwol ta’ M. V. fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kultivazzjoni

–  Fuq il-manwal ta’ WWTE

–  Fuq il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ WWTE tal-20 ta’ Jannar 2000

–  Konklużjoni fir-rigward tal-perijodu bejn il-5 ta’ Mejju 1998 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li WWTE aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq waqt il-perijodu ta’ ksur

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.