Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Jannar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sozialgericht Dortmund - il-Ġermanja) - Domnica Petersen vs Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe

(Kawża C-341/08) 1

"Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(5) u 6(1) - Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa l-età ta' 68 sena bħala l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta' dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa - Għan imfittex - Kunċett ta' 'miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa' - Koerenza - Karattru adattat u approprjat tal-miżura"

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Sozialgericht Dortmund

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Domnica Petersen

Konvenut: Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe

fil-preżenza ta': AOK Westfalen-Lippe, BKK-Landesverband Nordrhein-Westfalen, Vereinigte IKK, Deutsche Rentenversicherung Knappschaft-Bahn-See - Dezernat 0.63, Landwirtschaftliche Krankenkasse NRW, Verband der Angestellten-Krankenkassen eV, AEV - Arbeiter-Ersatzkassen-Verband eV, Kassenzahnärztliche Vereinigung Westfalen-Lippe

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Sozialgericht Dortmund - Interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) - Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Kunċetti ta' "għan leġittimu" li jista' jiġġustifika trattament differenti fuq il-bażi tal-età kif ukoll ta' "mezzi approprjati [xierqa] u neċessarji" biex jintlaħaq dan l-għan - Dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti, età massima għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' dentist approvat

Dispożittiv

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa limitu fl-età massima għall-prattika tal-professjoni ta' dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, fil-każ preżenti ta' 68 sena, meta din il-miżura għandha bħala l-uniku għan, li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti mit-tnaqqis ta' kapaċità ta' dawn id-dentisti wara din l-età, peress li dan l-istess limitu fl-età mhuwiex applikabbli għad-dentisti li ma jaħdmux fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li miżura bħal din, meta din għandha bħala għan il-qsim tal-possibbiltajiet ta' impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tal-impjieg kkonċernat, din il-miżura hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan imfittex mill-miżura li tistabbilixxi l-imsemmi limitu fl-età billi tfittex ir-raġuni taż-żamma ta' din il-miżura.

Fil-każ fejn leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan li hija tfittex, tmur kontra d-Direttiva 2000/78, hija l-qorti nazzjonali, li tkun qed tisma' kawża bejn individwu u organizzazzjoni amministrattiva, bħall-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe, li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni anki jekk din kienet preċedenti għad-Direttiva u d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

____________

1 - ĠU C 260, 11.10.2008