Language of document : ECLI:EU:C:2010:4

Kawża C-341/08

Domnica Petersen

vs

Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Dortmund)

“Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(5) u 6(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 68 sena l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa — Għan li għandu jintlaħaq — Kunċett ta’ ‘miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa’ — Koerenza — Natura adatta u xierqa tal-miżura”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(5), u 6(1))

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Projbizzjoni — Obbligu tal-qrati nazzjonali

1.        L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tiffissa limitu fl-età massima għall-prattika tal‑professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal‑assigurazzjoni tas-saħħa, fil-każ preżenti ta’ 68 sena, meta din il-miżura għandha bħala l-uniku għan, li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti mit-tnaqqis ta’ kapaċità ta’ dawn id-dentisti wara din l-età, peress li dan l-istess limitu fl-età ma huwiex applikabbli għad-dentisti li ma jaħdmux fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura bħal din, meta din għandha bħala għan it-tqassim tal‑possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas‑saħħa jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tal-impjieg ikkonċernat, din il-miżura hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan li għandu jintlaħaq mill‑miżura li tistabbilixxi l-imsemmi limitu fl-età billi tfittex ir-raġuni taż‑żamma ta’ din il-miżura.

(ara l-punt 78, dispożittiv 1)

2.        Fil-każ fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu fl-età massima applikabbli għat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal‑assigurazzjoni tas-saħħa tmur, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, kontra d‑Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit‑trattament fl-impjieg u fix-xogħol, hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ kawża bejn individwu u organizzazzjoni amministrattiva, li għandha tiddeċiedi li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni anki jekk din kienet preċedenti għal din id-direttiva u d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

(ara l-punt 81, dispożittiv 2)