Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2023 – VC vs EU-OSHA

(Kawża T-126/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: VC (rappreżentanti: J. Rodríguez Cárcamo u S. Centeno Huerta, abogados)

Konvenut: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla kompletament id-Deċiżjoni 2023/01 tat-18 ta’ Jannar 2023 tad-Direttur Eżekuttiv ad interim tal-EU-OSHA, dwar l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fis-sussidji, fil-primjums, fl-għoti ta’ kuntratti u fl-istrumenti finanzjarji koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti koperti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 1 ;

sussidjarjament, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 143(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”) tissostitwixxi l-miżura ta’ esklużjoni b’sanzjoni ekonomika u/jew tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-miżura ta’ pubblikazzjoni;

tikkundanna lill-EU-OSHA għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 1 , kif emendat bir-Regolament 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni 2 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016”), moqri flimkien mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, protett mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 19(1) TUE, mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u mal-Artikolu 325(1) TFUE. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma osservatx id-deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ eżekuzzjoni li ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(7)(a) tar-Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016 (ekwivalenti għall-Artikolu 136(6)(a) tar-Regolament finanzjarju) u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni serji. Ir-rikorrent isostni li l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti, bħala konsegwenza tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni serji, qies li l-miżuri korrettivi adottati mir-rikorrent kienu insuffiċjenti sabiex il-miżura ta’ esklużjoni ma tiġix applikata.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-kontenut tal-Artikolu 106(3) u (7)(a) u (d) tar-Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 140(1) tar-Regolament finanzjarju (ekwivalenti għall-Artikolu 106(16) tar-Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016), tal-Artikolu 140(2)(b) tar-Regolament finanzjarju (ekwivalenti għall-Artikolu 106(17)(b) tar-Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016) u tal-Artikolu 136(3) tar-Regolament finanzjarju, għal nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(13)(a) tar-Regolament finanzjarju applikabbli minn Jannar 2016. Ir-rikorrent isostni li l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti ma evalwax l-applikazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja bħala alternattiva għad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata għal nuqqas ta’ motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali hija mitluba, fil-każ li tiddeċiedi li ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata kompletament, li tissostitwixxi l-miżura ta’ esklużjoni b’sanzjoni li tkun raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, konformement mal-Artikolu 261 TFUE u mal-Artikolu 143(9) tar-Regolament finanzjarju.

____________

1 ĠU 2018, L 307, p. 1.

1 ĠU 2018, L 193, p. 1.

1 ĠU 2012, L 298, p. 1.

1 ĠU 2015, L 286, p. 1.