Language of document : ECLI:EU:C:2017:566

Kawża C-143/16

Abercrombie & Fitch Italia Srl

vs

Antonino Bordonaro

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Kuntratt ta’ xogħol intermittenti li jista’ jiġi konkluż ma’ persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena – Tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Lulju 2017

Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena u li tkeċċih ladarba huwa jilħaq din l-eta – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tfittxija tal-ilħuq ta’ għan leġittimu – Proporzjonalità fid-dawl tal-għan imfittex – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a), u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, irrispettivament min-natura tas-servizzi li għandhom jitwettqu, u li tkeċċi lil dan il-ħaddiem ladarba huwa jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena, peress li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u peress li l-mezzi previsti għall-ilħuq ta’ dan l-għan huma xierqa u neċessarji.

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu “l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom”.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess taż-żgħażagħ għall-eżerċizzju ta’ professjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, EU:C:2011:508, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan intiż li jiffavorixxi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jista’ jitqies bħala leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange, C-548/15, EU:C:2016:850, punt 27). Ġie wkoll deċiż li l-fatt li r-reklutaġġ ta’ ħaddiema żgħażagħ jiġi ffaċilitat billi tiżdied il-flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal jikkostitwixxi, b’mod partikolari, għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, EU:C:2010:21, punti 35 u 36).

(ara l-punti 36 sa 38 u 47, u d-dispożittiv)