Language of document : ECLI:EU:C:2017:579


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C201/16

Majid (magħruf ukoll bħala Madzhdi) Shiri

partijiet magħquda:

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti suprema amministrattiva) (l-Awstrija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 — Artikolu 27(1) dritt għal rimedju effettiv — Artikolu 29 arranġamenti u termini għat-trasferiment ta’ individwu mill-Istat Membru rikjedent lill-Istat Membru rikjest — Punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu msemmi fl-Artikolu 29(1)”






1.        F’din il-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab għal darba oħra tagħti gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv ipprovdut fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III (2). Il-Verwaltungsgerichtshof (qorti suprema amministrattiva, l-Awstrija) trid taċċerta jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ Stat Membru “A” (l-Istat rikjedent) biex jimplementa d-deċiżjoni tiegħu li jittrasferih lill-Istat Membru “B” (l-Istat rikjest) fil-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III billi jinvoka d-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 27(1) tar-regolament imsemmi. Jekk it-trasferiment ma jsirx fil-perijodu speċifikat, kif japplikaw ir-regoli fl-Artikolu 29(2) li jirregolaw il-pożizzjoni bejn l-Istat rikjedent u l-Istat rikjest?

 Ir-Regolament Dublin III

2.        Il-premessa 5 tgħid, inter alia, li għandu jkun possibbli li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli, sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u biex ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar rapidu ta’ tali applikazzjonijiet. Il-premessa 19 tispjega li “[s]abiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta (3)]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

3.        Il-premessa 32 tfakkar li fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, “Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”. Il-premessa 39 tgħid li r-Regolament Dublin III jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji protetti mill-Karta.

4.        Skont l-Artikolu 1, ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (4).

5.        Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1), il-prinċipju ġenerali stabbilit fir-Regolament Dublin III huwa li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tapplika fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Kwalunkwe applikazzjoni bħal din għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li jkun dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli (5).

6.        L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ngħataw ċerti drittijiet matul il-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 4(1) jipprovdi lill-applikanti bid-dritt għal informazzjoni inklużi dettalji dwar il-possibbiltà li jikkontestaw deċiżjoni ta’ trasferiment u, meta jkun applikabbli, li japplikaw sabiex it-trasferiment jiġi sospiż. Skont l-Artikolu 5(1), l-applikanti għandhom ukoll id-dritt għal intervista personali.

7.        Il-Kapitolu III huwa intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”. L-Artikolu 7(1) jgħid li l-kriterji għandhom jiġu applikati skont il-ġerarkija stabbilita f’dak il-kapitolu. L-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni li teżisti meta l-applikant ippreżenta l-ewwel darba l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali [Artikolu 7(2)]. L-ewwel post fil-ġerarkija jingħata lill-kriterji li jikkonċernaw minorenni (Artikolu 8) u membri tal-familja (Artikoli 9, 10 u 11). Il-kriterju li huwa applikat l-iktar spiss hu dak fl-Artikolu 13(1) li għandu x’jaqsam ma’ applikanti li jkunu qasmu b’mod irregolari l-fruntiera fi Stat Membru minn pajjiż terz. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

8.        L-obbligi tal-Istat Membru responsabbli huma stabbiliti fil-Kapitolu V. Dawn jinkludu obbligu li jittieħed lura applikant li l-applikazzjoni tiegħu qed tiġi eżaminata u li jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor [Artikolu 18(1)(b)] (6).

9.        Il-proċeduri biex isiru talbiet għat-teħid lura huma stabiliti fit-Taqsima III tal-Kapitolu VI. L-Artikolu 23(1) jipprovdi li meta Stat Membru fejn persuna ppreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli, dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura l-persuna kkonċernata. L-Artikolu 25(1) jipprovdi li l-Istat Membru rikjest għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe talba bħal dik kemm jista’ jkun malajr (7). In-nuqqas ta’ azzjoni fit-terminu stabbilit jitqies bħala aċċettazzjoni tat-talba ta’ teħid lura [Artikolu 25(2)].

10.      It-Taqsima IV tal-Kapitolu VI tistabbilixxi ċerti salvagwardji proċedurali għall-applikanti. L-Artikolu 26(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment lill-applikanti. Dik in-notifika għandu jkollha fiha informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt għall-applikazzjoni tal-effett sospensiv u t-termini applikabbli għat-tfittxija ta’ rimedji bħal dawn u għat-twettiq tat-trasferiment [Artikolu 26(2)].

11.      L-Artikolu 27(1) jgħid li applikant “għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal”. Bis-saħħa tal-Artikolu 27(3), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-finijiet ta’ appelli minn jew reviżjonijiet ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferimenti għall-protezzjoni tal-pożizzjoni ta’ applikant fil-pendenza tal-eżitu ta’ kontestazzjoni għal deċiżjoni ta’ trasferiment billi l-persuna kkonċernata titħalla tibqa’ fl-Istat Membru fil-pendenza tal-eżitu ta’ dawk il-proċeduri [opzjoni (a)]; awtomatikament jiġi sospiż it-trasferiment [opzjoni (b)]; jew jiġi żgurat li l-applikant għandu opportunità jitlob qorti jew tribunal li jissospendu l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-appell jew ir-reviżjoni ma jkunux iddeterminati [opzjoni (ċ)].

12.      It-Taqsima VI hija intitolata “Trasferimenti”. L-Artikolu 29 jgħid:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

3.      Jekk persuna ġiet ittrasferita bi żball jew deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet mibdula fl-appell jew fir-reviżjoni wara li twettaq it-trasferiment, l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta dik il-persuna lura minnufih.

[…]”.

13.      Arranġamenti speċifiċi għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implementazzjoni (8). L-Artikolu 9(2) jgħid “Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.      Majid (magħruf ukoll bħala Madzhdi) Shiri huwa ċittadin Iranjan. Ma hemmx dettalji dwar eżattament meta telaq mill-Iran iżda jidher li kien madwar l-aħħar tal-2014. Huwa vjaġġa lejn l-Unjoni Ewropea permezz tat-Turkija. M. Shiri wasal fil-Bulgarija u applika għal protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru fid-19 ta’ Frar 2015. Huwa sussegwentement mar l-Awstrija u fis-7 ta’ Marzu 2015 applika għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk.

15.      Fid-9 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Awstrijaċi talbu lill-kontropartijiet Bulgari tagħhom biex jieħdu lura lil M. Shiri skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Fit-23 ta’ Marzu 2015 il-Bulgarija tat il-kunsens espliċitu tagħha għal dik it-talba ta’ teħid lura.

16.      Fit-2 ta’ Lulju 2015 il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-uffiċċju federali Awstrijak għall-immigrazzjoni u l-ażil, iktar ’il quddiem il-“BFA”) ċaħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ M. Shiri minħabba li kienet inammissibbli. Il-BFA ordna wkoll id-deportazzjoni ta’ M. Shiri u kkonferma li seta’ jiġi ttrasferit lejn il-Bulgarija (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tal-BFA”). M. Shiri appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva, l-Awstrija) u talab li d-deċiżjoni tat-trasferiment tiġi sospiża. B’ordni tal-20 ta’ Lulju 2015, dik il-qorti laqgħet l-appell ta’ M. Shiri, annullat l-ewwel deċiżjoni tal-BFA u rrinvjat il-kwistjoni lill-BFA għal deċiżjoni ġdida. Ma ddeċidietx dwar tiġix sospiża l-applikazzjoni għad-deċiżjoni tat-trasferiment. Meta rrinvjaw il-każ ta’ M. Shiri lill-awtoritajiet kompetenti, il-qrati nazzjonali talbu lill-BFA biex jikkunsidra b’mod partikolari jekk M. Shiri kienx vulnerabbli minħabba li tqajjem tħassib rigward is-saħħa tiegħu. Il-qrati nazzjonali xtaqu jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni marbuta mat-trasferiment tiegħu tkun konformi mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (9).

17.      Permezz ta’ deċiżjoni ulterjuri tat-3 ta’ Settembru 2015, il-BFA għal darba oħra rrifjuta l-applikazzjoni ta’ M. Shiri għal protezzjoni internazzjonali minħabba li kienet inammissibbli (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni tal-BFA”). Huwa kien tal-fehma li l-Bulgarija kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni ta’ M. Shiri għall-protezzjoni internazzjonali u reġa’ ordna d-deportazzjoni u t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija

18.      Fis-17 ta’ Settembru 2015, M. Shiri appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva), li ma tatx deċiżjoni dwar it-talba għal effett sospensiv imressqa ma’ dak l-appell. Fuq il-bażi tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA, M. Shiri ssottometta li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali kienet ġiet ittrasferita lill-Awstrija, minħabba li l-perijodu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament ta’ Dublin III kien skada mingħajr ma ġie implementat it-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija. Huwa sostna li l-perijodu għall-implementazzjoni tat-trasferiment beda fit-23 ta’ Marzu 2015 (id-data meta l-Bulgarija qablet fuq it-talba tat-teħid lura mill-Awstrija) u li t-terminu ta’ sitt xhur skada fit-23 ta’ Settembru 2015, peress li l-qorti nazzjonali ma kinitx iddeċidiet li l-appell tiegħu mill-ewwel deċiżjoni tat-trasferiment tal-BFA kellu effett sospensiv.

19.      Fit-30 ta’ Settembru 2015, l-appell ta’ M. Shiri ġie miċħud. Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) ikkunsidrat li l-effetti legali tal-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA u r-rinviju tal-każ ta’ M. Shiri għat-tieni deċiżjoni tal-BFA kienu li ma setax jintbagħat lura lejn il-Bulgarija qabel ma l-BFA jkun ikkunsidra mill-ġdid il-każ tiegħu. Għalhekk, id-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2015 kienet tammonta għal sospensjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment għall-finijiet tal-Artikolu 27(3) moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

20.      Permezz ta’ applikazzjoni ddatata l-4 ta’ Ottubru 2015, M. Shiri kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju (10). Huwa jsostni li d-deċiżjoni tat-trasferiment ma hijiex awtomatikament sospiża taħt id-dritt Awstrijak, minħabba li l-Awstrija għażlet li timplementa l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III billi ppermettiet lill-applikanti l-opportunità li jitolbu sospensjoni tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment skont l-Artikolu 27(3)(ċ) (11).

21.      Il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk, bħala prinċipju, applikant għal protezzjoni internazzjonali għandux dritt għal rimedju effettiv fil-forma ta’ appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għar-raġuni li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent minħabba li jkun skada l-perijodu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur skont l-Artikolu 29(2) moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

22.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi segwenti:

“(1) Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, previsti fir-[Regolament Dublin III] li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandhom, fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament, jiġu interpretati fis-sens li applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur għat-twettiq tat-trasferiment (dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 29(2) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 604/2013)?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

(2)      Id-dekorrenza ta’ terminu ta’ trasferiment li ma ġiex implementat hija suffiċjenti sabiex timplika t-trasferiment tar-responsabbiltà previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], jew tali trasferiment tar-responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-terminu jippreżupponi wkoll li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jinkariga ruħu minn jew li jieħu lura l-persuna kkonċernata?”

23.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn M. Shiri, mill-Awstrija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Isvizzera, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2017, apparti mir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera, dawk il-partijiet għamlu osservazzjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

24.      Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni importanti ta’ prinċipju mqajjem fil-każ ta’ M. Shiri huwa jekk in-nuqqas ta’ Stat Membru li jikkonforma mat-termini għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni stabbilita fir-Regolament Dublin III biex jiġi ttrasferit applikant li qed ifittex protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru “A” għal Stat Membru “B” għandux ikun suġġett għal skrutinju ġudizzjarju (12).

25.      M. Shiri jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-determinazzjoni ta’ din il-kwistjoni ta’ prinċipju, biex teżamina wkoll kwistjonijiet usa’, bħal jekk ir-Regolament Dublin III huwiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Din hija kwistjoni li tmur fil-qalba tal-validità tar-regolament innifsu. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx dik il-kwistjoni partikolari, hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Lanqas ma huwa meħtieġ li tiġi ddeterminata dik il-kwistjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi effettivament magħmulin.

 L-ewwel domanda

26.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III li jipprovdu dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, b’mod partikolari l-Artikolu 27(1), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikant huwa intitolat jallega li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent (hawnhekk, l-Awstrija) għar-raġuni li skada l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment stipulat fl-Artikolu 29(1).

27.      M. Shiri, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera kollha jsostnu li appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq tali raġuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27(1). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni adottat ukoll dik il-fehma. Madankollu, matul is-seduta l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha u issa tappoġġja l-pożizzjoni tar-Renju Unit, li tmur kontra dik tal-partijiet l-oħra f’dawn il-proċeduri.

28.      Naċċetta li r-Regolament Dublin III ma jiddelinjax espressament id-dritt għal rimedju effettiv fl-Artikolu 27(1). Iżda jidhirli li l-iskop, l-iskema u l-kuntest tar-regolament jappoġġjaw il-fehma li dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tkopri n-nuqqas ta’ Stat Membru milli josserva t-termini stabbiliti, b’mod partikolari l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment speċifikat fl-Artikolu 29(1) (13).

29.      Fil-fehma tiegħi, bħala riżultat tal-bidliet introdotti mir-Regolament Dublin III (it-tielet iterazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant f’wieħed mill-Istati Membri) (14), id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Abdullahi (15) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin II (16) ġiet issostitwita. Din il-fehma ġiet ikkonfermata fis-sentenzi sussegwenti tal-Awla Manja fis-sentenzi Ghezelbash (17) u Karim (18).

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Abdullahi li ftehim bejn l-Istati Membri dwar rikjesta biex jittieħed l-inkarigu fuq il-bażi li l-Istat Membru tal-ewwel dħul fl-Unjoni Ewropea jassumi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni inter-nazzjonali tal-persuna kkonċernata jista’ jiġi kkontestat biss jekk ir-rikorrent jinvoka nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet għall-akkoljenza ta’ applikanti f’dak l-Istat Membru, li jipprovdu raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li huwa se jiffaċċja riskju reali li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta jekk jintbagħat lejn dak l-Istat Membru (19).

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrevediet is-sentenza Abdullahi (20) fid-dawl tal-bidliet fir-regoli fir-Regolament Dublin II introdotti mir-Regolament Dublin III meta interpretat l-Artikolu 27(1) ta’ dan l-aħħar regolament fis-sentenza Ghezelbash. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li: (i) ir-rimedju legali previst fl-Artikolu 27(1) għandu jkun effettiv u li dak ir-rimedju jkopri kwistjonijiet kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt; (ii) ma hemm l-ebda limitazzjoni dwar l-argumenti li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jressaq taħt dik id-dispożizzjoni; (iii) ma hemmx rabta speċifika bejn id-dritt għal appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III; u (iv) jidher ċar fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III li d-dritt għal rimedju effettiv għandu jkopri kemm l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament kif ukoll is-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li fih se tiġi ttrasferita l-persuna li qed titlob l-ażil (21).

32.      Dawk il-prinċipji ġenerali japplikaw hawnhekk ukoll.

33.      Il-kwistjoni fis-sentenza Ghezelbash kienet jekk il-kriterji rilevanti tal-Kapitolu III għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli kinux ġew applikati b’mod korrett (22). Ir-raġunament fis-sentenza Ghezelbash ġie applikat fis-sentenza Karim, li kienet tirrigwarda jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali setax jinvoka nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin III biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemm iddikjarat li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-qafas li fih għandha ssir l-evalwazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III li għandhom jiġu applikati (24).

34.      Huwa veru li kemm is-sentenza Ghezelbash kif ukoll Karim ikkonċernaw elementi tal-proċess taħt ir-Regolament Dublin III li japplikaw qabel ma l-awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu deċiżjoni ta’ trasferiment. Il-każ ta’ M. Shiri huwa differenti, billi jikkonċerna l-proċess wara li tkun inħarġet tali deċiżjoni (25). Madankollu, dan ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li d-dritt għal rimedju effettiv ma jibqax japplika.

35.      Dik id-differenza ma tbiddilx il-punt ta’ prinċipju, jiġifieri li d-dritt għal rimedju effettiv jinkludi d-dritt li wieħed jikkontesta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III kif suppost. Din il-fehma hija totalment konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26).

36.      Saru numru ta’ bidliet mir-Regolament Dublin III għar-reġim preċedenti rregolat mir-Regolament Dublin II. Il-premessa 19 tenfasizza waħda mill-modifiki notevoli li ġew introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex tagħti protezzjoni mtejba lill-applikanti individwali (27). Għalhekk, ir-Regolament Dublin III huwa differenti b’mod sinjifikanti mir-Regolament Dublin II.

37.      Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jingħata effett lill-għanijiet tar-Regolament Dublin III billi jiġi żgurat li dan jiġi applikat b’mod li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b’mod konsistenti mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali (28). Ir-Regolament iservi wkoll biex jiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati (29). Id-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv (Artikoli 41 u 47 tal-Karta) jipprovdu standards li huma partikolarment rilevanti għall-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III (30).

38.      Ir-Renju Unit iressaq numru ta’ argumenti biex isostni l-interpretazzjoni kuntrarja. L-ewwel nett, jenfasizza li għandu jiġi applikat approċċ teleoloġiku fl-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III. L-għan ewlieni huwa li Stat Membru wieħed għandu jkun responsabbli biex jeżamina kwalunkwe applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) (31). Naqbel ma’ dik is-sottomissjoni; imma ma nikkunsidrax li l-iskrutinju ġudizzjarju ta’ nuqqas ta’ Stat Membru milli josserva t-termini stabbiliti fir-Regolament Dublin III jikkontradixxi dak il-prinċipju fundamentali tas-sistema ta’ Dublin.

39.      It-tieni nett, ir-Renju Unit jesprimi t-tħassib li jekk l-applikanti jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għar-raġuni li l-perijodu għall-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ikun skada, dan ikun inkompatibbli mal-għan iddikjarat tar-Regolament Dublin III li jiġi prekluż il-“forum shopping”. Madankollu, sa fejn dik l-espressjoni tfisser applikazzjonijiet multipli għal protezzjoni internazzjonali magħmula f’għadd ta’ Stati Membri mill-istess applikant (32), ir-Regolament Dublin III innifsu jipprovdi speċifikament dwar dik il-kwistjoni (33).

40.      L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li jekk Stat Membru rikjedent jonqos milli josserva l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni ta’ trasferiment, il-konsegwenza hija li huwa stess ikun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, il-persuna kkonċernata tibqa’ fl-Istat Membru rikjedent. Dik il-konsegwenza tirriżulta mill-operazzjoni tar-regoli fir-Regolament Dublin III nnifsu. L-iskop tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III huwa li jipprovdi inċentiv għall-Istat Membru rikjedent li jħares l-għan komuni li jiġu osservati t-termini preskritti sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati malajr u biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ sitwazzjoni fejn applikant għall-protezzjoni internazzjonali jitħalla “fl-orbita” mingħajr ma ebda Stat Membru jkun indikat bħala responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali (34). Jekk applikant fil-pożizzjoni ta’ M. Shiri japplika għal protezzjoni internazzjonali f’iktar minn Stat Membru wieħed, il-leġiżlatur tal-Unjoni deliberatament għażel li jipprovdi inċentiv għall-Istat Membru rikjedent biex jimplementa t-trasferiment malajr. Jekk l-Istat Membru rikjedent jonqos milli jilħaq dak l-għan ewlieni, il-konsegwenza hija li l-applikant jibqa’ fl-Istat Membru rikjedent. Dan huwa preċiżament kif il-leġiżlazzjoni hija mfassla biex taħdem. Dan la huwa l-istess u lanqas ekwivalenti għal “forum shopping”.

41.      It-tielet nett, għalkemm id-distinzjoni li r-Renju Unit irid jagħmel bejn kwistjonijiet sostantivi u proċedurali hija mal-ewwel daqqa ta’ għajn attraenti, skrutinju aktar mill-qrib juri l-kuntrarju. Dik id-distinzjoni ma ssolvix il-kwistjoni ineżami. It-termini stabbiliti fir-Regolament Dublin III ċertament ikopru kwistjonijiet proċedurali, imma għandhom ukoll implikazzjonijiet sostantivi kemm għall-applikanti kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati. Għall-applikanti, it-termini jipprovdu grad ta’ ċertezza u għandhom ukoll implikazzjonijiet sostantivi dwar liema Stat Membru jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. L-aspetti sostantivi u proċedurali tat-termini stabbiliti huma bl-istess mod marbutin ma’ xulxin fir-rigward tal-Istati Membri.

42.      Fir-raba’ lok, jidhirli li t-tħassib tar-Renju Unit dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali huwa barra minn loku. Il-kwistjoni ta’ prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi ma tikkonċernax l-operazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali bħala tali.

43.      Fl-aħħar nett, ma jirriżultax mid-dritt ta’ applikant li jappella minn jew li jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment għar-raġuni li l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni skada li l-applikazzjonijiet kollha bħal dawn inevitabbilment jirnexxu. Minflok, jidhirli li l-qrati nazzjonali jistgħu u għandhom jevalwaw il-merti ta’ kwalunkwe appell jew reviżjoni bħal dawn. Meta jsir dan, huwa meħtieġ li jitqies l-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Il-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment kien oriġinarjament iffissat sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu d-dettalji prattiċi biex iwettqu t-trasferiment (35). Kif għidt diġà, għan kemm tat-terminu kif ukoll tal-inċentiv li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex josservawh huwa biex jiġi żgurat li l-applikanti ma jitħallewx f’sitwazzjoni fejn l-ebda Stat Membru ma jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. Fid-determinazzjoni ta’ jekk l-Artikolu 29(2) għandux japplika f’xi każ partikolari jkun meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata kinitx, jew x’aktarx tkun, f’riskju f’dak ir-rigward (36).

44.      Jien għalhekk tal-fehma li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment għar-raġuni li l-Istat Membru rikjedent naqas milli jimplementa t-trasferiment fil-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) ta’ dak ir-regolament.

 It-tieni domanda

45.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob li tingħata gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III (37). F’ċirkustanzi fejn l-Istat Membru rikjedent jonqos milli jimplementa deċiżjoni ta’ trasferiment fi żmien il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1), l-Istat Membru rikjest huwa meħlus mir-responsabbiltà tiegħu li jikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata minħabba li skada dak il-perijodu biss? Jew hemm kundizzjoni addizzjonali li tapplika qabel ma titqiegħed fuq l-Istat Membru rikjedent ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jiġifieri, l-Istat Membru rikjest għandu jinnotifika lill-Istat Membru rikjedent li issa qed jirrifjuta li jieħu lura l-applikant għal protezzjoni internazzjonali?

46.      Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri, minbarra r-Renju Unit, jaqblu li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma għandux jinftiehem li jimponi kundizzjoni addizzjonali bħal din. Ir-Renju Unit isostni, għall-kuntrarju, li l-iskadenza ta’ terminu ma hijiex biżżejjed minnha nfisha biex tagħmel lill-Istat Membru rikjedent responsabbli u li l-Istat Membru rikjest iżomm diskrezzjoni biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata

47.      Jiena ma hiniex tal-istess fehma bħar-Renju Unit.

48.      It-test tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III (“[f]ejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti […]”) ma fih l-ebda kliem li jindika li l-leġiżlatur introduċa kundizzjoni addizzjonali fil-proċess bejn l-Istat Membru rikjedent u l-Istat Membru rikjest. Ir-Renju Unit jistrieħ fuq il-kliem ir-“responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti” bħala li juri li l-Istat Membru rikjest għandu jieħu azzjoni pożittiva qabel ma jinħeles mill-obbligi tiegħu. Madankollu, naqra dak il-kliem bħala li jfisser sempliċement li r-responsabbiltà titqiegħed mal-Istat Membru rikjedent wara li jkun skada l-perijodu ta’ sitt xhur. It-test ma jindikax li hemm pass sussegwenti (mhux speċifikat) fil-proċess flimkien mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) li għandu jitwettaq sabiex ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent. Dak it-trasferiment tar-responsabbiltà jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 29(2) innifsu (38).

49.      Dik il-fehma hija totalment konsistenti mal-għan tad-dispożizzjoni (39). L-introduzzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali fil-proċess bejn l-Istati Membri rikjedenti u dawk rikjesti hija inkompatibbli mal-għan li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli. Ikun ukoll inkonsistenti ma’ għan ewlieni tas-sistema ta’ Dublin jiġifieri li jiġi żgurat li applikant ma jitħalliex f’pożizzjoni fejn l-ebda Stat ma jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali.

50.      Ninnota wkoll li l-iskema leġiżlattiva tar-Regolament Dublin III tipprovdi li r-responsabbiltà terġa’ lura fuq l-Istat Membru rikjedent meta dak l-Istat jonqos milli jikkonforma mat-termini stabbiliti għal talbiet għat-teħid tal-inkarigu [Artikolu 22(7)] u ta’ teħid lura [Artikolu 25(2)]. Ma hemm l-ebda kundizzjoni addizzjonali fl-ebda waħda minn dawk il-każijiet. Ikun inkonsistenti ma’ dik l-iskema li tiġi introdotta kundizzjoni bħal dik fejn l-Istat Membru rikjedent jonqos milli josserva t-terminu għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment [Artikolu 29(1) u (2)]. Finalment, kif jindikaw l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera, l-iskema iktar wiesgħa tas-sistema ta’ Dublin turi li ma hemm l-ebda kundizzjoni addizzjonali bħal din għall-proċess ta’ bejn l-Istati. Xejn ta’ dan it-tip ma jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin (40).

51.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-arranġamenti bejn l-Istat Membru rikjedent u l-Istat Membru rikjest relatati mat-trasferiment, l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) hija biżżejjed minnha nnifsha biex l-Istat rikjedent isir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

 Il-każ ta’ M. Shiri

52.      Il-każ ta’ M. Shiri jqajjem il-mistoqsija diffiċli dwar kif ir-regoli dwar id-dritt ta’ applikant għal rimedju effettiv fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati flimkien mal-Artikolu 29 li jirrigwarda l-arranġamenti u t-termini għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment.

53.      M. Shiri jissottometti li t-terminu għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment fil-każ tiegħu beda jiddekorri fit-23 ta’ Marzu 2015, meta l-awtoritajiet Bulgari aċċettaw it-talba għat-teħid lura magħmula mill-kontropartijiet Awstrijaċi tagħhom. Huwa jikkunsidra li dak il-perijodu skada sitt xhur wara fit-23 ta’ Settembru 2015. Isegwi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III li huwa ma jistax jiġi ttrasferit lejn il-Bulgarija għaliex dak l-Istat Membru ġie meħlus mill-obbligi tiegħu li jieħdu lura, peress li t-trasferiment ma ġiex implementat matul il-perijodu preskritt ta’ sitt xhur. Fil-qosor, M. Shiri jargumenta li issa huwa tard wisq biex tiġi implementata d-deċiżjoni tat-trasferiment. Huwa jżid jgħid li l-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni tiegħu biex tiġi sospiża d-deċiżjoni tat-trasferiment.

54.      Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni ma hijiex daqstant ċara daqs kemm qed jagħmilha M. Shiri

55.      Fl-eżami taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tiegħu l-ewwel jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-regoli fl-Artikolu 27(3), li jirregolaw is-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment, u d-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti u t-termini għall-implementazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, qabel ma jiġi eżaminat kif dawk ir-regoli jistgħu jinqraw flimkien.

56.      L-Artikolu 27(3) jgħid li l-Istati Membri għandhom jaħsbu għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment li għandhom jiġu sospiżi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li: (i) jikkonferixxu fuq il-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fil-pajjiż ikkonċernat fil-pendenza tal-eżitu tal-appell tiegħu jew tal-applikazzjoni għar-reviżjoni (41); (ii) jipprovdu li d-deċiżjoni tat-trasferiment tiġi awtomatikament sospiża (42); jew (iii) jiżguraw li l-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob lill-qorti jew lit-tribunal biex tissospendi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment waqt li l-proċeduri ta’ appell jew ta’ reviżjoni jibqgħu pendenti (43). L-għan tal-leġiżlatur wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu jekk jissospendux l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment kien li jissaħħu s-salvagwardji legali mogħtija lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u tippermettilhom jiddefendu aħjar id-drittijiet tagħhom (44).

57.      Il-kliem tal-Artikolu 27(1) u (3) u l-għanijiet ġenerali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma jestendux biex jirregolaw l-operazzjoni tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. Madankollu, fejn tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment (bħal fil-każ ta’ M. Shiri) huwa meħtieġ li jinqraw iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet b’mod li huwa konsistenti u koerenti mal-iskema leġiżlattiva. B’mod ġenerali, fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jirrispetta l-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III nifhem li r-regoli ta’ operazzjoni huma kif ġej. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li din il-kontestazzjoni qed titressaq wara li d-deċiżjoni li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli tkun saret skont il-kriterji tal-Kapitolu III. L-Istat Membru responsabbli (fil-każ ta’ M. Shiri, il-Bulgarija) huwa obbligat jieħu lura l-applikant (45).

58.      Jista’ jkun li fl-Awstrija d-deċiżjonijiet dwar it-trasferiment isiru eżegwibbli hekk kif jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti: jekk hux hekk hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali.

59.      L-Artikolu 29(1) jiddikjara li t-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedent (hawnhekk l-Awstrija) lill-Istat Membru responsabbli (hawnhekk, il-Bulgarija) għandu jitwettaq skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent kemm jista’ jkun prattikament malajr, u mhux iktar tard minn sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu jew biex jieħu lura l-persuna kkonċernata (iktar ’il quddiem l-“ewwel kundizzjoni”) jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew reviżjoni fejn hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”). L-ewwel kundizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li jkunu għadhom iridu jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi tal-implementazzjoni, inkluż l-iffissar tad-data tagħha (46). It-tieni kundizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-Istat Membru kkonċernat jimplementa l-proċedura għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

60.      Inżid ngħid li l-Artikolu 29(3) jipprovdi li fejn persuna tiġi ttrasferita bi żball jew jekk deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi annullata fl-appell jew wara reviżjoni wara li tkun ġiet eżegwita, l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta lura lil dik il-persuna minnufih. Meta tkun sospiża deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ikun hemm l-eżitu tal-proċeduri legali, l-użu tal-Artikolu 29(3) ikun naturalment evitat (47). Minkejja li d-deċiżjoni tat-trasferiment ma ġietx sospiża fir-rigward ta’ M. Shiri, huwa fil-fatt baqa’ fl-Awstrija. Għalhekk, l-Artikolu 29(3) ma huwiex rilevanti.

61.      Il-każ ta’ M. Shiri ma jidħolx eżatt la fl-ewwel u lanqas fit-tieni kundizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29(1). Madankollu, il-qorti tar-rinviju se jkollha tħabbat wiċċha mal-kwistjoni kumplessa ta’ kif ir-regoli fir-Regolament Dublin III u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinteraġixxu u japplikaw sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ M. Shiri li jikkontesta d-deċiżjoni tat-trasferiment tal-BFA. Jiena noffri l-kummenti li ġejjin.

62.      Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA, filwaqt li l-Awstrija implementat l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III sa fejn jipprovdi li l-applikanti jistgħu jitolbu li qorti jew tribunal jissospendu l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, hemm qbil li ma kienx hemm deċiżjoni bħal din fil-każ ta’ M. Shiri. Madankollu, il-pożizzjoni de facto kienet li tħalla joqgħod fl-Awstrija. It-terminu għall-implementazzjoni tat-trasferiment skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III beda jiddekorri fit-23 ta’ Marzu 2015. Dak il-perijodu waqaf meta l-ewwel deċiżjoni tal-BFA ġiet annullata fl-20 ta’ Lulju 2015. Minn dak il-punt ’il quddiem, ma kienx hemm deċiżjoni tat-trasferiment biex tiġi infurzata: il-qorti nazzjonali bagħtet il-każ ta’ M. Shiri lill-BFA għal deċiżjoni ġdida (48). Jekk l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA huwiex deċiżjoni ex nunc (invalida mill-20 ta’ Lulju 2015 – id-data tad-deċiżjoni) jew ex tunc (ittrattata bħallikieku l-ewwel deċiżjoni tal-BFA tat-2 ta’ Lulju 2015 ma kinitx ingħatat) ma huwiex irregolat mir-Regolament Dublin III. Din hija purament kwistjoni tad-dritt Awstrijak.

63.      Għalhekk, peress li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni ta’ trasferiment (mill-inqas) b’effett mill-20 ta’ Lulju 2015, la l-ewwel u lanqas it-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 29(1) ma ġew issodisfatti f’dak il-punt. Għaldaqstant, ma jsegwix bl-operazzjoni tal-Artikolu 29(2) li l-Bulgarija nħelset mill-obbligi tagħha li tieħdu lura.

64.      Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni tal-BFA li ngħatat qabel it-23 ta’ Settembru 2015 (it-tmiem tal-perijodu ta’ sitt xhur), il-qorti tar-rinviju tgħid li ma kien hemm ebda komunikazzjoni oħra mill-awtoritajiet Bulgari. Dan mhux sorprendenti għax ma hemm xejn fir-regolament li jeħtieġ li l-Bulgarija tikkonferma l-aċċettazzjoni tagħha.

65.      Madankollu, il-każ ta’ M. Shiri għadu mhux konsistenti mal-premessa wara l-ewwel jew it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III. Din il-proviżjoni ma tindikax meta t-terminu għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment jibda jiddekorri f’tali ċirkustanzi. Isegwi mill-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni li l-bażi tal-ewwel kundizzjoni hija li tapplika f’ċirkustanzi fejn ma hemmx appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1). B’hekk, sakemm jiġu stabbiliti d-dettalji prattiċi, id-deċiżjoni tat-trasferiment hija effettivament ċerta (49). Dik ovvjament ma hijiex il-pożizzjoni fil-każ ta’ M. Shiri fejn kien hemm settijiet sekwenzjali ta’ proċeduri legali u t-tieni deċiżjoni tal-BFA bħalissa hija suġġetta għal kontestazzjoni. Il-merti fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni għadhom iridu jiġu ddeterminati. Għalhekk il-każ ta’ M. Shiri ma jaqax taħt dik il-kundizzjoni.

66.      M. Shiri appella mit-tieni deċiżjoni tal-BFA. Ma hemm l-ebda effett ta’ sospensjoni de jure peress li l-qrati nazzjonali naqsu milli jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni li għamel taħt ir-regoli nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, ir-rekwiżiti tat-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 29(1) ukoll ma humiex issodisfatti fil-każ ta’ M. Shiri (50). Dan jista’ jkun minħabba li s-sempliċi fatt li jsir appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment huwa biżżejjed biex jiżgura li l-persuna kkonċernata ma tiġix ittrasferita lejn Stat Membru ieħor taħt ir-regoli tad-dritt Awstrijak; jew jista’ jkun hemm prattika ġenerali fl-Awstrija li ma titteħidx deċiżjoni fuq applikazzjonijiet għal effett sospensiv (kif jallega M. Shiri) (51). Il-każ ta’ M. Shiri juri li jista’ jkun hemm lakuna fil-leġiżlazzjoni hekk kif inhi applikata fl-Awstrija.

67.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 29(1) jipprevedi li l-perijodu għat-twettiq tat-trasferiment jibda jiddekorri ladarba l-implementazzjoni futura tat-trasferiment tkun, bħala prinċipju miftiehma u ċerta u jibqgħu biex jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi (52). Din hija a fortiori l-pożizzjoni fejn il-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-appell mid-deċiżjoni tat-trasferiment tkun għadha ma ddeċidietx dwar il-mertu u l-proċeduri jiġu sospiżi minħabba li jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment ma tistax tkun ċerta sakemm dawk il-proċeduri jiġu riżolti.

68.      Għaldaqstant nikkonkludi li fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ta’ M. Shiri, il-perijodu għat-twettiq tat-trasferiment jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li l-implementazzjoni futura tat-trasferiment hija, bħala prinċipju, miftiehma u ċerta u jibqgħu biex jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi. Dak huwa l-kompitu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent. Kwalunkwe trasferiment bħal dan ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedent lill-Istat Membru rikjest għandu jiġi implementat kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li ssir ċerta d-deċiżjoni dwar il-mertu ta’ appell, jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

 Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda magħmula mill-Verwaltungsgerichthof (qorti amministrattiva suprema, l-Awstrija) kif ġej:

–        Bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida applikant għall-protezzjoni internazzjonali, bħala prinċipju, jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-Istat Membru rikjedent naqas milli jimplementa tali deċiżjoni fi żmien il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29 (1) ta’ dak ir-regolament.

–        Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013, l-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt xhur stipulat fl-Artikolu 29(1) tiegħu hija biżżejjed minnha nnifisha biex l-Istat Membru rikjedent isir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). Ara l-punt 29 iktar ’il quddiem għal kawżi preċedenti u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il quddiem għal tliet kawżi pendenti li jikkonċernaw dan ir-regolament.


3 –      Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”)].


4 –      Ir-Regolament Dublin III japplika għall-Isvizzera bis-saħħa tal-Ftehim u l-Protokoll mal-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 53, p. 5). Dan kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/147/KE, tat-28 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008 L 53, p. 3) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/487/KE, tal-24 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2009 L 161, p. 6). L-Islanda u n-Norveġja japplikaw ukoll is-sistema ta’ Dublin permezz ta’ ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea li ġew approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE, tal‑15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76). Ara wkoll il-punt 23 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari, C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443.


5 –      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jipprovdi għal eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1) fejn huwa impossibbli li applikant jiġi ttrasferit lill-Istat Membru primarjament indikat bħala responsabbli minħabba li hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżulta f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta.


6 –      L-obbligi fl-Artikolu 18(1) jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Unjoni għal mill-inqas tliet xhur [Artikolu 19(2)].


7 –      Meta talba għal teħid lura tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac dak it-terminu jitnaqqas għal ġimagħtejn.


8 –      Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ĠU 2014 L 39, p. 1; iż-żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni flimkien huma indikati iktar ’il quddiem bħala r-“Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin”).


9 –      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


10 –      Minn riċerka tiegħi stess tal-proċess nazzjonali nista’ nikkonferma li l-appell kien iffirmat mill-konsulenti legali ta’ Shiri f’dik id-data, għalkemm jidher li ġie ppreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2015.


11 –      Id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar dwar jekk l-Awstrija għażlitx li timplementa r-rekwiżit biex tipprovdi li l-pożizzjoni ta’ applikant tkun protetta sakemm ikun hemm l-eżitu ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment billi jiġu introdotti miżuri skont l-Artikolu 27(3)(b) jew (ċ) tar-Regolament Dublin III. Il-qorti tar-rinviju tindika fil-punt 9 tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-Awstrija implementat l-Artikolu 27(3)(b) (li jipprovdi li trasferiment huwa awtomatikament sospiż). Madankollu, hija tkompli tgħid li appell “... minn deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandux awtomatikament effett sospensiv: minflok, il-Bundesverwaltungsgericht għandha tiddeċiedi, wara skrutinju strett u rigoruż, jekk għandux jingħata effett sospensiv”. Dik id-deskrizzjoni taqbel mal-kliem tal-Artikolu 27(3)(ċ) u tissuġġerixxi li l-Awstrija għamlet dik l-għażla. Ara wkoll il-punti 52 sa 68 iktar ’il quddiem.


12 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443); u Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480), is-sentenzi għadhom pendenti, u ara wkoll Hasan, C‑360/16, għadha pendenti.


13 –      Ara l-punti 244 sa 247 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443); u l-punti 77 sa 110 fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).


14 –      Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata, ara l-konklużjonijiet riċenti tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480, fil-punt 79).


15 –      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813).


16 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II” — dak ir-regolament kien imbagħad ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III). Il-kawża Abdullahi kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II li kien jipprovdi dritt ta’ appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru rikjest li għandu jieħu l-inkarigu ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali taħt dak ir-regolament.


17 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑63/15, EU:C:2016:409).


18 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑155/15, EU:C:2016:410).


19 –      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 62).


20 –      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813).


21 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑63/15, EU:C:2016:409, ara rispettivament il-punti 36, 37 u 38).


22 –      Dawk il-kriterji li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ viżi huma stabbiliti fl-Artikolu 12(1) u (4) tar-Regolament Dublin III.


23 –      L-Artikolu 19 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi r-regoli li japplikaw fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lil applikant u jsir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali [Artikolu 19(1)]. Dik ir-responsabbiltà tieqaf jekk l-Istat Membru hekk indikat jista’ jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju tal-Istati Membri għal mill-inqas tliet xhur sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli [Artikolu 19(2)].


24 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 23).


25 –      Ara l-punt 57 iktar ’il quddiem.


26 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 40 sa 44).


27 –      Sentenza tas-7 ta Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 45 sa 52). Ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, iddatata 3 ta’ Diċembru 2008 (COM(2008) 820 finali) fil-paġni 6 u 7.


28 –      Premessa 32.


29 –      Premessa 39.


30 –      Ara l-punt 104 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 97 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).


31 –      Fil-każ ta’ M. Shiri, ir-regoli li jindikaw l-Istat Membru responsabbli huma dawk fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. L-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III ma hijiex inkwistjoni: ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


32 –      Nifhem li l-kunċett ta’ “forum shopping” jirreferi għall-abbuż tal- proċeduri ta’ ażil fil-forma ta’ applikazzjonijiet multipli għall-ażil ippreżentati mill-istess persuna f’diversi Stati Membri bl-għan waħdieni li jestendi l-waqfa tiegħu fl-Istati Membri: ara COM (2008) 820 finali datata 3 ta’ Diċembru 2008, p. 4. It-terminu jintuża wkoll f’sens usa’ biex ikopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari. Madankollu, jiena ma nużax “forum shopping” f’dan is-sens f’dawn il-konklużjonijiet. Kif indikajt fil-punt 69 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480), l-aħħar użu tal-espressjoni “forum shopping” ġie kkritikat bħala li jista’ jiżgwida u mhux xieraq: ara l-istudju “The reform of the Dublin III Regulation” (Ir-riforma tar-Regolament Dublin III) għall-Kumitat LIBE kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew, p. 21.


33 –      Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament Dublin III.


34 –      Premessa 5 tar-Regolament Dublin III.


35 –      Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 40 u 41).


36 –      Ara wkoll il-punti 96 sa 98 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).


37 –      Ara wkoll il-punti 248 sa 257 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443).


38 –      Filwaqt li t-test tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) jissuġġerixxi li ż-żmien jista’ jiġi estiż sakemm l-Istat Membru rikjedent jinforma kif xieraq lill-Istat Membru rikjest li ma jistax iwettaq it-trasferiment fi żmien sitt xhur, dik il-possibbiltà hija espressament limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. Jekk ma jagħmilx dan, l-Istat Membru rikjedent isir responsabbli taħt ir-regola normali ta’ sitt xhur sabiex jeżamina l-applikazzjoni sostantiva.


39 –      Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.


40 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.


41 –      Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III.


42 –      Artikolu 27(3)(b) tar-Regolament Dublin III.


43 –      Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III; ara ukoll il-punt 20 u n-nota’ ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


44 –      COM(2008) 820 finali, 3 ta’ Diċembru 2008, p. 7.


45 –      Bis-saħħa tal-Artikolu 18(1)(b), il-Bulgarija (l-Istat Membru rikjest) hija obbligata tieħu lura lil M. Shiri taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29 tar-Regolament Dublin III.


46 –      Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41).


47 –      Filwaqt li bla dubju huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jirranġaw l-iżbalji, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 29(3) għandu jintuża bħala l-eċċezzjoni iktar milli r-regola, billi ma huwiex konsistenti mal-għan li t-trasferimenti għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem (ara l-premessa 24 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III) għall-applikanti li jintbagħtu b’mod regolari minn u lejn l-Istati Membri.


48 –      Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


49 –      Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.


50 –      Minkejja n-nuqqas ta’ deċiżjoni legali għall-finijiet tal-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III, M. Shiri fil-fatt tħalla jibqa’ fl-Awstrija.


51 –      Hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk hemmx prattika li hija, sa ċertu punt, ta’ natura konsistenti u ġenerali u jekk għandhiex tagħmel kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE: ara b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 28); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2004:546, punt 48).


52 –      Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 45).