Language of document : ECLI:EU:C:2017:805

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru°604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu sabiex isir it-trasferiment – Assenza ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment fit-terminu stabbilit – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli – Trasferiment ta’ responsabbiltà – Rekwiżit ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru responsabbli”

Fil-Kawża C‑201/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2016, fil-proċedura

Majid Shiri, magħruf ukoll bħala Madzhdi Shiri,

fil-preżenza ta’:

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal, E. Jarašiūnas u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Shiri, minn W. Weh u S. Harg, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell u minn M. Gray, barristers,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) u tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżami tal-appell ippreżentat minn Majid Shiri, magħruf ukoll bħala Madzhdi Shiri, ċittadin Iranjan, id-deċiżjoni tal-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (uffiċċju federali għall-immigrazzjoni u l-ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”), li tiddikjara l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu inammissibbli, tordna d-deportazzjoni tiegħu u tikkonstata li t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija huwa leċitu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003

3        Il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat‑2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1), jiddefinixxi serje ta’ regoli dwar kif għandu jitwettaq it-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III.

4        L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Hija l-obbligazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli li jħalli t-trasferiment tal-persuna li qed tfittex asil isseħħ malajr kemm jista’ jkun u li jiżguraw li l-ebda ostakli jitqiegħdu fi triqtu. Dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi, meta approprjat, il-lok fuq it-territorju tiegħu li lejh il-persuna li qed tfittex asil se tkun trasferita jew mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti, b’konsiderazzjoni għal restrizzjonijiet ġeografiċi u mezzi ta’ trasport disponibbli lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment. […]”

 Ir-Regolament Dublin III

5        Il-premessi 4, 5 u 19 tar-Regolament Dublin III huma redatti kif ġej:

“(4)      Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament jistipula:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.”

8        L-Artikoli 22 u 25 tal-istess regolament jistabbilixxu r-regoli dwar it-tweġiba għal talba għat-teħid tal-inkarigu u t-tweġiba għal talba għat-teħid lura, rispettivament.

9        L-Artikolu 27(1) u (3) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.      Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)      l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)      it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)      il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.”

10      L-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      M. Shiri daħal fit-territorju tal-Istati Membri mill-Bulgarija, Stat Membru li fih ippreżenta, fid‑19 ta’ Frar 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

12      Sussegwentement huwa ppreżenta, fis‑7 ta’ Marzu 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. L-uffiċċju talab, fid‑9 ta’ Marzu 2015, lill-awtoritajiet Bulgari sabiex jieħdu lil M. Shiri lura.

13      Fit‑23 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Bulgari laqgħu din it-talba għat-teħid lura.

14      Fit‑2 ta’ Lulju 2015, l-uffiċċju ddikjara l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M. Shiri inammissibbli, ordna d-deportazzjoni tiegħu u kkonstata li t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija kien leċitu.

15      M. Shiri kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva, l-Awstrija) filwaqt li, flimkien ma’ dak l-appell, ressaq talba sabiex jiġi rrikonoxxut l-effett sospensiv tal-imsemmi appell. Mingħajr ma tat deċiżjoni fuq din it-talba tal-aħħar, dik il-qorti annullat, fl‑20 ta’ Lulju 2015, l-imsemmija deċiżjoni, għar-raġuni li, minħabba l-vulnerabbiltà ta’ M. Shiri minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu, l-uffiċċju missu eżamina jekk kienx obbligat jeżerċità s-setgħa prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

16      Wara dan l-annullament, permezz ta’ deċiżjoni ġdida tat‑3 ta’ Settembru 2015, l-uffiċċju ddikjara l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M. Shiri inammissibbli, ordna d-deportazzjoni tiegħu u kkonstata li t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija kien leċitu.

17      M. Shiri kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) permezz ta’ appell li wasal għand dik il-qorti fis‑17 ta’ Settembru 2015, filwaqt li, flimkien ma’ dak l-appell, ressaq talba sabiex jiġi rrikonoxxut l-effett sospensiv tal-imsemmi appell. Permezz ta’ osservazzjonijiet komplementari tat‑23 ta’ Settembru 2015, M. Shiri argumenta li r-Repubblika tal-Awstrija kienet saret l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, li seħħet f’din l-istess data.

18      Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) ċaħdet l-appell b’sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2015, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar it-talba għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-effett sospensiv tal-istess appell. Fir-rigward tal-argument żviluppat minn M. Shiri fis-sottomissjonijiet komplementari tiegħu tat‑23 ta’ Settembru 2015 u bbażat fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, hija ddeċidiet li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-uffiċċju tat‑2 ta’ Lulju 2015 u wara li l-kawża ntbagħtet lura lil dan tal-aħħar għall-finijiet ta’ deċiżjoni ġdida, beda jiddekorri terminu ġdid ta’ sitt xhur minn meta t-trasferiment ta’ M. Shiri reġa’ sar possibbli, jiġifieri mis-seba’ jum wara r-riċezzjoni tal-appell ippreżentat minnu, jiġifieri mill‑24 ta’ Settembru 2015. Għaldaqstant, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) qieset li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M. Shiri kienet għadha taqa’ fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija u ma kinitx ġiet ittrasferita sa dak iż-żmien lir-Repubblika tal-Awstrija.

19      M Shiri għaldaqstant ippreżenta appell għal ‘Reviżjoni’ minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Dik il-qorti tqis li, qabel tagħti deċiżjoni fuq eventwali skadenza tat-terminu ta’ trasferiment applikabbli għal M. Shiri, għandu jiġi vverifikat jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jinvoka eventwali trasferiment tar-responsabbiltà sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni tiegħu minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu u jekk tali skadenza hijiex biżżejjed, fiha nfisha, sabiex twassal għal tali trasferiment ta’ responsabbiltà.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, previsti fir-Regolament [Dublin III], b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandhom, fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament, jiġu interpretati fis-sens li applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur għat-twettiq tat-trasferiment (dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 29(2) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament [Dublin III]?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

2)      Id-dekorrenza ta’ terminu ta’ trasferiment li ma ġiex implementat hija suffiċjenti sabiex timplika t-trasferiment tar-responsabbiltà previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III], jew tali trasferiment tar-responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-terminu jippreżupponi wkoll li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jinkariga ruħu minn jew li jieħu lura l-persuna kkonċernata?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22      Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑20 ta’ Lulju 2017, M. Shiri, permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Settembru 2017, talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, M. Shiri argumenta li l-konklużjonijiet kienu jindirizzaw kwistjoni ta’ liġi dwar id-dekorrenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III li ma kinitx ġiet sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u li għaldaqstant ma setax jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fuqha.

23      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna f’kull ħin il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument ta’ liġi li ma kienx ġie indirizzat mill-partijiet.

24      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni ta’ liġi dwar id-dekorrenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III msemmija minn M. Shiri. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu s-suġġett tad-dibattiti li seħħew quddiemha.

25      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

26      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk it-trasferiment ma jiġix eżegwit fit-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita ipso iure lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata.

27      Konformement mal-ewwel subpagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, it-trasferiment tal-persuna kkonċernata għandu jsir hekk kif dan ikun prattikament possibbli, u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura din il-persuna jew mid-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.

28      F’dan ir-rigward tal-aħħar, mill-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li l-persuna kkonċernata għandha l-opportunità titlob lil qorti tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sal-eżitu tal-appell jew tat-talba għal reviżjoni tagħha, il-qorti adita għandha tagħti deċiżjoni fuq din it-talba f’terminu raġonevoli u timmotiva d-deċiżjoni tagħha jekk hija tiċħad l-imsemmija talba.

29      L-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament jispeċifika li, fejn it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun ittrasferita lill-Istat Membru rikjedent.

30      Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tipprevedi trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma tissuġġetta dan it-trasferiment għal kwalunkwe reazzjoni mill-Istat Membru responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 61).

31      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, koerenti mal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, billi tiggarantixxi, fil-każ ta’ dewmien fit-twettiq tal-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura, li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jseħħ fl-Istat Membru fejn qiegħed l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, sabiex dan l-eżami ma jiġix imdewwem iktar (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 54).

32      L-imsemmija interpretazzjoni hija wkoll riflessa mir-regoli dwar it-twettiq tat-trasferiment stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1560/2003.

33      Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jobbliga lill-Istat Membru responsabbli jippermetti t-trasferiment tal-applikant mill-iktar fis possibbli, ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tagħti lil dan l-Istat Membru l-possibbiltà, wara li jkun aċċetta, espressament jew impliċitament, talba għat-teħid tal-inkarigu jew għat-teħid lura skont l-Artikoli 22 jew 25 tar-Regolament Dublin III, li jiddeċiedi mill-ġdid dwar ir-rieda tiegħu li jieħu inkarigu ta’ jew li jieħu lura l-persuna kkonċernata.

34      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk it-trasferiment ma jiġix eżegwit fit-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita ipso iure lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament.

36      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment quddiem qorti jew tribunal.

37      Il-portata tal-appell miftuħ lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkopri, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fl-Istat Membru li lejh l-applikant jiġi ttrasferit (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 43).

38      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnu s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli minn applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u tal-għanijiet koperti b’dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-appell li huwa jipprevedi għandu jkun jista’ jirrigwarda, b’mod partikolari, l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 44 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, il-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura stabbiliti bir-Regolament Dublin III għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ numru ta’ termini imperattivi, li fosthom hemm it-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jipprovdu qafas għal dawn il-proċeduri, huma jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza, l-iskadenza ta’ dan it-terminu, mingħajr ma jkun sar it-trasferiment tal-applikant tal-Istat Membru rikjedent lejn l-Istat Membru responsabbli, iwassal għal trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà mit-tieni Stat Membru lejn dak tal-ewwel (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 50 sa 53).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiżgura li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal-imsemmija proċeduri, il-qorti adita b’appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jipprovdu li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, sa fejn l-Istat Membru rikjedent ikun diġà sar l-Istat Membru responsabbli fil-ġurnata tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minħabba l-iskadenza minn qabel tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 55).

41      Dan ingħad, għandu jiġi rrilevat li, bid-differenza għat-termini inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), li jipprovdu qafas għall-formulazzjoni ta’ appell għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu, it-termini stipulati fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III għandhom l-għan li jipprovdu qafas mhux biss għall-adozzjoni iżda wkoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

42      Minn dan isegwi li dawn it-termini jistgħu jiskadu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Hemm lok li jiġi rrilevat barra minn hekk li, fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata targumenta li t-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament skada f’data sussegwenti għal dik tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

43      F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedent ma jistgħux, f’tali sitwazzjoni, jipproċedu għat-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn Stat Membru ieħor u huma, għall-kuntrarju, obbligati li jieħdu ex officio l-miżuri meħtieġa sabiex jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-ewwel Stat Membru u sabiex jibdew mingħajr dewmien l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn din il-persuna.

44      Dan ingħad, fid-dawl, minn naħa, tal-għan, imsemmi fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tkun iggarantita, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, protezzjoni effettiva tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tal-għan, imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li tiġi żgurata b’ħeffa d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fl-interess kemm tal-applikanti għal tali protezzjoni kif ukoll tal-funzjonament ġenerali tajjeb tas-sistema stabbilita b’dan ir-regolament, l-applikant għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

45      F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, id-dritt li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tirrikonoxxi lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, fil-kuntest ta’ appell minn din id-deċiżjoni, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Id-dritt li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi lil tali applikant li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ appell minnha, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk it-trasferiment ma jiġix eżegwit fit-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita ipso iure lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata.

2)      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Id-dritt li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi lil tali applikant li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ appell minnha, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.