Language of document : ECLI:EU:C:2017:805

Kawża C201/16

Majid Shiri

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru°604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu sabiex isir it-trasferiment – Assenza ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment fit-terminu stabbilit – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli – Trasferiment ta’ responsabbiltà – Rekwiżit ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru responsabbli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑25 ta’ Ottubru 2017

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Terminu previst sabiex isir it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali – Konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu – Trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru rikjedent

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 29(1) u (2))

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali – Possibbiltà li tiġi invokata l-iskadenza tat-terminu previst sabiex isir it-trasferiment li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessa 19 u Artikoli 27(1) u 29(1) u (2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22‑25)

2.      L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk it-trasferiment ma jiġix eżegwit fit-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita ipso iure lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tipprevedi trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma tissuġġetta dan it-trasferiment għal kwalunkwe reazzjoni mill-Istat Membru responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 61).

(ara l-punti 30, 34, u d-dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Id-dritt li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi lil tali applikant li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ appell minnha, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu.

Il-portata tal-appell miftuħ lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkopri, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fl-Istat Membru li lejh l-applikant jiġi ttrasferit (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 43). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnu s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli minn applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u tal-għanijiet koperti b’dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-appell li huwa jipprevedi għandu jkun jista’ jirrigwarda, b’mod partikolari, l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 44 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Issa, il-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura stabbiliti bir-Regolament Dublin III għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ numru ta’ termini imperattivi, li fosthom hemm it-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jipprovdu qafas għal dawn il-proċeduri, huma jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiżgura li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal-imsemmija proċeduri, il-qorti adita b’appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jipprovdu li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, sa fejn l-Istat Membru rikjedent ikun diġà sar l-Istat Membru responsabbli fil-ġurnata tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minħabba l-iskadenza minn qabel tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 55).

Dan ingħad, għandu jiġi rrilevat li, bid-differenza għat-termini inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), li jipprovdu qafas għall-formulazzjoni ta’ appell għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu, it-termini stipulati fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III għandhom l-għan li jipprovdu qafas mhux biss għall-adozzjoni iżda wkoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Minn dan isegwi li dawn it-termini jistgħu jiskadu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedent ma jistgħux, f’tali sitwazzjoni, jipproċedu għat-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn Stat Membru ieħor u huma, għall-kuntrarju, obbligati li jieħdu ex officio l-miżuri meħtieġa sabiex jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-ewwel Stat Membru u sabiex jibdew mingħajr dewmien l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn din il-persuna.

(ara l-punti 37‑43, 46, u d-dispożittiv 2)