Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Jannar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court (l-Irlanda) - l-Irlanda) – M.A., S.A., A.Z. vs The International Protection Appeals Tribunal, The Minister for Justice and Equality, Attorney General, l-Irlanda

(Kawża C-661/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Klawżoli diskrezzjonarji – Kriterji ta’ evalwazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.A., S.A., A.Z.

Konvenuti: The International Protection Appeals Tribunal, The Minister for Justice and Equality, Attorney General, l-Irlanda

Dispożittiv

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru, identifikat bħala “responsabbli” fis-sens ta’ dan ir-regolament, ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 TUE ma jobbligax lill-Istat Membru li jwettaq din l-identifikazzjoni li jeżamina huwa stess, b’applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1), l-applikazzjoni għal protezzjoni inkwistjoni.

Ir-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-identifikazzjoni tal-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament u l-eżerċizzju tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu żgurati mill-istess awtorità nazzjonali.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil Stat Membru li ma huwiex responsabbli, skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild u li jeżamina huwa stess din l-applikazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix il-previżjoni ta’ appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment.

L-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni li huwa fl-aħjar interess tal-wild li s-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiġi ttrattata b’mod indissoċjabbli minn dik tal-ġenituri tiegħu.

____________

1     ĠU C 42, 5.2.2018