Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 - Hansen & Rosenthal u H & R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-544/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Hansen & Rosenthal KG (Amburgu, il-Ġermanja), H & R Wax Company Vertrieb GmbH (Amburgu, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Schulte u A. Lober, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-każ COMP/39181 - Xemgħa bajda, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti jew - b'mod iktar sussidjarju - tnaqqas l-ammont tagħha;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 - Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta ddeċidiet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81 (1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim kontinwu u/jew fi prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas serju ta' motivazzjoni. Għaldaqstant hija għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u minħabba ksur relatat tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li ma jeżistux ir-rekwiżiti għal ksur tal-Artikolu 81 KE. Diġà jonqos għan komuni bejn ir-rikorrenti u l-produtturi l-oħra tax-xemgħa bajda. Ir-rikorrenti ma ħadux sehem fi ftehim antikompetittiv jew fi prattiċi miftiehma. It-trażmissjoni ta' avviż dwar żieda fil-prezz għaldaqstant ma kellhiex bħala għan l-applikazzjoni ta' ftehim antikompetittiv iżda seħħet fil-kuntest ta' relazzjonijiet ta' kunsinna. Mill-bqija, ma kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-iskambju ta' informazzjoni.

Fit-tielet sas-sitt motiv, ir-rikorrenti sussidjarjament jikkontestaw l-ammont tal-multi stabbiliti:

il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, li ġew ippubblikati biss fl-2006, minkejja li l-allegat ksur kien intemm fil-bidu tas-sena 2005. B'dan il-mod il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' venire contra factum proprio, il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' retroattività u l-prinċipju ta' ċertezza legali.

fir-raba' motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni żbaljata mwettqa mill-Kummissjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-multa. Fis-snin rilevanti, jiġifieri mill-2002 sal-2004, ir-rikorrenti kisbu dħul mill-bejgħ ta' EUR 18.97 miljuni mill-prodotti tax-xemgħa bajda. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tal-multa fuq dħul mill-bejgħ ta' EUR 26 miljun.

fil-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-gravità tal-ksur. L-iffissar tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-miżata tad-dħul bħala 17% jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, id-daqs u l-importanza tal-impriżi ma ġewx meqjusa suffiċjentement.

permezz tas-sitt motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkalkolat b'mod żbaljat it-tul ta' żmien li fih ir-rikorrenti allegatament kienu fi ksur. Hija ma pprovatx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni għall-perijodu kollu li għalih huma ġew akkużati.

____________